SAJJIEDA FI KRIŻI? – Il-5 Ħadd Matul is-Sena – 7 ta’ Frar 2016

SAJJIEDA FI KRIŻI? – Il-5 Ħadd Matul is-Sena – 7 ta’ Frar 2016

February 3, 2016

Il-5 Ħadd Matul is-Sena

SAJJIEDA  FI  KRIŻI?

Isaija 6:1-2; 3-8; Salm 137; 1 Korintin 15,1-11; Luqa 5:1-11

 

Il-Vanġelu

      Darba l-kotra bdiet tross fuqu biex tisma’ l-kelma ta’ Alla. Hu kien qiegħed f’xatt l-għadira ta’ Ġennesaret.  U ra żewġ dgħajjes qegħdin max-xatt; is-sajjieda kienu niżlu minn fuqhom u kienu qegħdin jaħslu x-xbiek.  Tela’ fuq waħda minnhom, li kienet ta’ Xmun, u talbu jaqla’ kemmxejn ‘il barra mill-art; mbagħad qagħad bilqiegħda u beda jgħallem lin-nies mid-dgħajsa.  Meta temm li kellu jgħid, qal lil Xmun: “Aqdef ‘il barra fil-fond, u kalaw ix-xbiek tagħkom għas-sajd.”  Wieġbu Xmun u qallu: “Mgħallem, għamilna lejl sħiħ nitħabtu u ma qbadna xejn. Imma, la qiegħed tgħid int, ħa nkala x-xbiek.”   Hekk għamlu, u qabdu kotra hekk kbira ta’ ħut li  x-xbiek tagħhom kien għoddu nqasam.  Għalhekk għamlu sinjal lil sħabhom li kienu fid-dgħajsa l-oħra biex jiġu jgħinuhom. Dawk ġew, u mlew iż-żewġ dgħajjes hekk li għal ftit ma għerqux.

      Xmun Pietru, kif ra dan, nxteħet f’riġlejn Ġesù u qallu: “Tbiegħed minni, Mulej, għaliex jiena raġel midneb!”  Għax baqgħu tassew mistagħġba, kemm hu u kemm dawk kollha li kienu miegħu, għal dik il-qabda ħut li qabdu.  U hekk ukoll ġralhom Ġakbu u Ġwanni, ulied Żebedew, li kienu sħab Xmun. Mbagħad Ġesù qal lil Xmun: “Tibżax; minn issa ‘l quddiem tkun taqbad in-nies.”  Meta mbagħad ressqu d-dgħajjes ma’ l-art, telqu kollox u marru warajh.

 

Il-Ħsieb

     Kemm-il darba fil-ħajja tagħna nħossu li qegħdin ma’ Ġesù iżda l-fidi tagħna tisparixxi?  Nibżgħu.  Ngħixu ħajjitna kollha mbeżża’ u nistħu nuru l-fidi tagħna?  Ġesù jrid iqawwi fina l-fidi.  Għalhekk ġie fid-dinja.  Għalhekk għadu jxandar il-Bxara t-Tajba kull jum u kull ħin

permezz tal-Kotba Mqaddsa.  U l-Mulej irid jagħmlilna l-kuraġġ mhux bil-paroli iżda bil-ġrajjiet ta’ kuljum.  Hekk għamel ma’ l-Appostli.  Hekk għamel ma’ Pietru.  Kull ma jrid biex iwettaq il-miraklu Ġesù hija d-dispożizzjoni tagħna, anki jekk is-sitwazzjoni tidher impossibbli.  U Ġesù jurina li jħobbna billi jixħet il-providenza kbira fuqna lkoll.  Lil Pietru seta’ ppermettielu jaqbad xi żewġ ħutiet kbar wara lejl li kien għamel mingħajr ma qabad xejn, iżda minflok,  Ġesù tahom sajda li żewġ dgħajjes ma felħuhiex.  Il-Mulej ma jaħsibhiex bħalna li ħafna drabi nwettqu r-relazzjoni tagħna mal-Mulej kemm niddubbaw.  Immur il-quddies il-Ħadd għax bilfors, biex ma nagħmilx dnub, inqerr għal xi funeral eċċ.  Le.  L-imħabba tal-Mulej lejna hija abbundanti.  Meta se nibdew nifhmu u niċċaqalqu fil-ħajja tagħna?

Il-Kelma

     Din is-silta titkellem fuq is-sejħa ta’ Isaija biex ikun Profeta ta’ Alla.  Alla juri lilu nnifsu fuq kull ħaġa maħluqa u fl-istess ħin qrib il-poplu tiegħu.  Fit-tieni parti naraw il-bniedem quddiem Alla li, biex ikun jista’ jwettaq il-missjoni tiegħu, jeħtieġ li jindem u jikkonverti.  Il-kliem tal-profeta Hawn jien, Ibgħat lili huwa kliem qawwi ta’ telqa totali f’idejn ir-rieda ta’ Alla.  Dan ir-riskju kbir ta’ fidi fuq l-istess ħajja umana jidher fis-Salm Responsorjali meta f’Salm 137 intennu r-radd ta’ ħajr tagħna għax il-Mulej se jsalvana.  Fis-silta meħuda mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Korintin, insibu lill-Appostlu San Pawl jitkellem l-ewwel dwar il-Vanġelu li n-nies ta’ Korintu kienu laqgħu, u wara jitkellem dwar il-qawmien ta’ Kristu mill-mewt u d-dehriet lill-Appostli.  Fil-Vanġelu ta’ San Luqa wara s-sajda mirakoluża Ġesù jagħti l-mandat lil Pietru u wara li jimlieh bil-kuraġġ jgħidlu biex ma jibżax u jgħidlu li issa l-missjoni tiegħu se tinbidel.  Mhux se jaqbad aktar ħut iżda nies.

Il-Ħajja

  1. Il-ħajja tagħna spiritwali, fil-mixja tagħna meta kuljum ngħixu l-fidi tagħna, hija mimlija mumenti ta’ diffikultajiet. Hafna drabi hija l-biża’ u l-qtigħ il-qalb li timblokka l-mixja tagħna. Il-Mulej irid  jagħmlilna kuraġġ għax kien huwa li sejħilna b’isimna u tana l-missjoni li rridu nwettqu min bħala ġenitur, min bħala saċerdot, min bħala reliġjuż eċċ.  Hija t-triq li fiha tassew  kuljum irridu ngħidulu:  Hawn jien, ibgħat lili.
  2. Imma la tgħid int, ħa nkala x-xbiek. Minkejja li kien kontra kull loġika tas-sajda li tkala x-xbiek mas-sebħ, u minkejja li kienu  għajjenin wara lejl sħiħ sajd li fih ma qabdu xejn, Pietru jobdi għall-kliem ta’ Ġesù u l-miraklu jseħħ bl-abbundanza.  Kemm qed nobdu għal dak li qed jgħidilna Ġesù  Kemm tassew qed inwettqu dak li jridna hu li nagħmlu fil-ħajja tagħna?
  3. Il-Mulej jurina li jħobbna billi jenfasizza biex ma nibżgħux. Hemm bżonn li nifhmu li waqt li qed inwettqu r-rieda ta’ Alla ħadd u xejn m’hu ser iwaqqafna.
  4. Hawn jien. Ibgħat lili.  Kemm tassew aħna konvinti li ntennu dan il-kliem b’konvinzjoni u nagħmluh il-programm ta’ ħajjitna biex aħna wkoll inkunu sajjieda mal-Mulej u tal-Mulej.

 

Id-Djalogu

  Mulej,

  inti taf li jiena nibżà

  nibża’ minn ħafna kompromessi li nagħmel fil-ħajja tiegħi ta’

  kuljum.

  Għinni Mulej biex nagħraf tassew ngħidlek bil-qalb

  Hawn jien, ibgħat lili.

  Nittama li nwettaq dejjem

  ir-rieda tiegħek, Mulej.