ABBUŻ MILL-ĦNIENA TA’ ALLA? – L-3 Ħadd tar-Randan – 24 ta’ Marzu 2019

ABBUŻ MILL-ĦNIENA TA’ ALLA? – L-3 Ħadd tar-Randan – 24 ta’ Marzu 2019

March 24, 2019

L-3 Ħadd tar-Randan

QEGĦDIN  NABBUŻAW MILL-ĦNIENA  TA’ ALLA?

Eżodu 3: 1-8a, 13-15; Salm 102; 1 Korintin 10:1-6; 10-12; Luqa 13:1-9

Il-Vanġelu

Dak iż-żmien, ġew xi wħud għand Ġesù u qalulu b’dawk il-Galilin li Pilatu kien ħallat demmhom mad-demm tal-vittmi tas-sagrifiċċji tagħhom.  U Ġesù qabad u qalilhom: “Taħsbu intom li dawn il-Galilin kienu iżjed midinbin mill-Galilin l-oħra biex sofrew dan kollu?  Le, ngħidilkom; imma jekk ma tindmux, ilkoll tintilfu bħalhom.  Jew dawk it-tmintax-il ruħ li fuqhom waqa’ t-torri ta’ Silwam u qatilhom, taħsbu intom li kienu iżjed ħatja min-nies l-oħra ta’ Ġerusalemm ?  Le, ngħidilkom; imma jekk ma tindmux, ilkoll tintilfu xorta waħda.”

U qalilhom din il-parabbola: “Wieħed kellu siġra tat-tin imħawwla fl-għalqa. Mar ifittex il-frott fiha, u ma sabx.  Għalhekk qal lil dak li kien jaħdimlu l-għalqa, ‘Ara, ili tliet snin niġi nfittex il-frott f’din is-siġra tat-tin, u qatt ma sibtilha. Mela aqlagħha, għax għalfejn se tibqa’ tkidd l-art?  Iżda dak wieġbu, ‘Inti ħalliha, sinjur, għal din is-sena, sa ma nagħżqilha madwarha u nagħtiha d-demel.  Id-dieħla għandha mnejn tagħmel il-frott; jekk le, aqlagħha.’ “

 

Il-Ħsieb

Il-ġrajjiet li jiġru madwarna kemm-il darba jimpressjonawna, speċjalment meta jkun hemm xi diżgrazzja jew xi mewta ta’ xi ħadd żgħir.  Kulħadd jistaqsi u jrid ikun jaf ir-raġuni tal-mewt.  Xi kultant insiru anki mħallfin fuq il-ħajja tal-mejjet billi nagħtu l-ġudizzju glorjuż jew ta’ tkasbir skond il-mod kif inħarsu lejh.

Fi żmien Ġesù wkoll ġraw żewġ traġedji kbar u l-poplu tkellem dwarhom:  il-fatt li Pilatu qatel xi Galilej waqt l-offerta tas-sagrifiċċju u l-fatt ta’ meta waqa’ t-torri ta’ Silwah f’Ġerusalemm.  Fiż-żewġ każijiet mietu n-nies.  Ġesù jtenni li dawn ma mitux għax midinbin.  Kull midneb huwa ħati sakemm ma jindimx mill-ħtija tiegħu.  Il-Mulej irid ineħħi minni kull sens ta’ ġudizzju li ngħaddu fuq in-nies, iżda fl-istess ħin irid jiftħilna għajnejna beraħ biex ngħaddu ġudizzju u kritika fuq l-għemil tagħna.

IL-Kelma

Fl-Ewwel Qari tal-lum, meħud mill-Ktieb ta’ l-Esodu, insibu s-sejħa li Alla għamel lil MoseÏ.  Il-mod kif Alla jsejjaħ lil MoseÏ huwa mod meraviljuż kif il-Mulej ma jħarisx lejn l-uċuħ iżda lejn id-disponibbiltà, minkejja li lkoll inġibulu xi skuża.  Is-Salm 102 li ntennu fis-Salm Responsorjali huwa għanja ta’ radd il-ħajr għax ħanin u ta’ qalb tajba l-Mulej.

Fit-Tieni Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Korintin, jurihom li għalkemm ħafna salvaw mill-jasar ta’ l-Eġittu, ftit baqgħu fidili lejn Alla.  San Pawl itenni li r-rigal tal-fidi rridu nilqgħuh u ngħixuh.  Fil-Vanġelu ta’ San Luqa għandna r-rakkont taż-żewġ diżgrazzji li fi żmien Ġesù qajmu ħafna għagħa.  Ġesù nnifsu jurihom li kull min għadu ħaj jeħtieġ li juża tajjeb iż-żmien tiegħu.

Il-Ħajja

  1. Irridu ngħixu l-fidi tagħna b’mod sħiħ u b’fiduċja kbira f’Alla.  Il-ġrajjiet kurrenti tad-dinja jgħaddu, imma Alla ma jgħaddix, ma jispiċċax.  Huwa għalhekk importanti li nżommu qalbna magħquda mal-Mulej.
  2. Hemm bżonn nagħrfu l-ħniena kbira ta’ Alla għal kull wieħed u waħda minna.
  3. Hemm bżonn nagħrfu ma nabbużawx minn din il-ħniena ta’ Alla għalina.  Fir-Randan, permezz tat-talb u tas-sawm, irridu nersqu aktar lejn Ġesù kif aħna, iżda b’indiema  vera u mhux b’ipokresija.
  4. Alla huwa ħanin u mhux Alla tal-vendikazzjonijiet. Jeħtieġ li din il-ħniena kbira t’Alla mhux biss nindunaw biha iżda   ngħadduha lill-oħrajn.
  5. Fir-Randan, biex ikun Randan veru, irid ikun hemm mumenti ta’ deċiżjonijiet radikali u bidliet veri.  Ix-xogħol f’idejna.

 

 

 

Id-Djalogu

Mulej, inti li tant tħobbna,

tant tafda fina,

għinna biex tassew matul dan ir-Randan,

ngħixu l-imħabba tiegħek

sabiex ninbidlu aħna u ngħinu lil oħrajn jinbidlu,

biex nagħrfu kull ħin ir-rieda tiegħek.