NIES MIDINBA JILQA’ GĦANDU! – Ir-4 Ħadd tar-Randan – 31 ta’ Marzu 2019

NIES MIDINBA JILQA’ GĦANDU! – Ir-4 Ħadd tar-Randan – 31 ta’ Marzu 2019

March 24, 2019

 Ir-4 Ħadd tar-Randan

L-AKKUŻA:  NIES MIDINBA JILQA’ GĦANDU!

Ġożwe 5:9a, 10-12; Salm 33; 2 Korintin 5:17-21; Luqa 15: 1-3, 11-32

Il-Vanġelu

     F’dak iż-żmien, il-pubblikani u l-midinbin kienu jersqu bi ħġarhom lejn Ġesù biex jisimgħuh. U kemm il-Fariżej u kemm il-kittieba kienu jgemgmu u jgħidu: “Nies midinba jilqa’ għandu dan u jiekol magħhom!” U Ġesù qabad u qalilhom din il-parabbola: “Kien hemm raġel li kellu Żewġ ulied. Iż-żgħir qal lil missieru: “Missier, agħtini s-sehem li jmiss lili mill-ġid.” U dak qassmilhom il-ġid. Ma kinux għaddew wisq ġranet, meta ż-żgħir sarr kollox u telaq minn beltu lejn pajjiż imbiegħed, u hemmhekk berbaq ġidu kollu f’ħajja mtajra. Meta ħela kulma kellu, fuq dak il-pajjiż waqa’ ġuħ kbir, u beda jħoss ruħu fil-bżonn. U mar daħal ma’ wieħed minn dak il-pajjiż, li bagħtu fir-raba’ tiegħu jirgħa l-ħnieżer. Kien jixtieq kieku jimla żaqqu mqar bil-ħarrub li kienu jieklu l-ħnieżer, imma ħadd ma kien jagħtih. Imbagħad daħal fih innifsu u qal: “Kemm lavranti ma’ missieri għandhom ħobż bix-xaba’, u jien qiegħed hawn immut bil-ġuħ! Ħa nqum u mmur għand missieri, u ngħidlu: Missier, dnibt kontra s-sema u kontra tiegħek; ma jistħoqqlix iżjed nissejjaħ ibnek; Żommni b’wieħed mil-lavranti tiegħek.” Qam, u telaq għal għand missieru.

     Iżda kif kien għadu fil-bogħod missieru lemħu u tħassru, u b’ġirja waħda mar inxteħet fuq għonqu u biesu. It-tifel qallu: “Missier, dnibt kontra s-sema u kontra tiegħek; ma jistħoqqlix iżjed nissejjaħ ibnek.” Iżda l-missier qal lill-qaddejja tiegħu: “Isaw! Ġibulu l-isbaħ libsa u xidduhielu, libbsulu ċ-ċurkett f’sebgħu u s-sandli f’riġlejh! Ġibu l-għoġol l-imsemmen u oqtluh, ħa nieklu u nagħmlu festa, għax dan ibni kien mejjet u raġa’ qam, kien mitluf u nstab!” U għamlu festa.

     Mela ibnu l-kbir kien fl-għalqa. Huwa u rieġa’ lura, kif wasal qrib id-dar sama’ daqq u żfin. Sejjaħ wieħed mill-qaddejja u staqsieh dak x’kien. Dak qallu: “Hawn ħuk u missierek qatillu l-għoġol l-imsemmen, għax raġa’ kisbu qawwi u sħiħ.” Hu inkorla, u ma riedx jidħol ġewwa, iżda missieru ħareġ jitolbu jidħol. Iżda hu qal lil missieru: “Ara, ili dawn is-snin kollha naqdik, kelmtek ma ksirthielek qatt, u kieku qatt tajtni gidi lili biex nagħmel ikla u nifraħ ma’ ħbiebi! Imbagħad jiġi dan ibnek, li belagħlek ġidek man-nisa żienja, u lilu toqtollu l-għoġol l-imsemmen.” Qallu missieru: “Ibni, inti dejjem miegħi, u kulma hu tiegħi huwa tiegħek. Imma kien meħtieġ li nagħmlu festa u nifirħu, għax dan ħuk kien mejjet u raġa’ qam, kien mitluf u nstab!”

Il-Ħsieb

     L-istorja ta’ l-Iben il-Ħali ilna nafuha u nisimgħuha minn meta konna żgħar.  L-Iben il-Ħali, wara li tilef kollox u berbaq ġidu kollu, mar lura jitkarrab għand missieru li laqgħu u ħaddnu miegħu.  Ħafna drabi aħna ngħixu din l-istorja bil-maqlub.  Ngħixuha mil-lenti ta’ l-iben il-kbir li ħa għalih għax il-missier ħafer lil ħuh u laqgħu lura.  Nieħdu għalina għax imdorrijin f’xalata ta’ ġudizzji fuq għajrna.  Ix-xogħol tagħna huwa li nippuntaw subgħajna kull ħin u kontinwament lejn in-nuqqasijiet ta’ ħaddieħor u ftit nagħtu kas, mhux biss tan-nuqqasijiet tagħna, iżda li aħna rridu nagħdru u naħfru lil dawk li jonqsuna.  L-akkuża prinċipali li għamlulu n-nies lil Ġesù kienet waħda: nies midinba qed jilqa’ għandu!

     Ġesù ma jiddejjaqx li jkun mal-prostituti u n-nisa tat-triq; ma jiddejjaqx u ma jagħtix każ tal-fama tiegħu.  Ġie biex jaħdem, inaddaf u jsalva.  Ma tax każ tal-ġudizzji ħżiena li għamlu fuqu, għax wara kollox it-tajjeb tiegħu ma ġiex apprezzat u kalkulat u xorta spiċċa msallab ma’ għuda tas-salib.  Il-poplu mhux talli ma apprezzax, talli minn ftit jiem wara l-HOSANNA  nbidlet f’SALLBU.

     Għal dawk li jippruvaw jgħixu ta’ nsara dan għandu jkun eżempju ċar ta’ kif in-nies iħarsu lejn in-nisrani.  Ħafna drabi jkollu jgħum f’baħar qawwi kontra l-kurrent biex ikompli jwettaq l-ideali tiegħu.  Iżda l-ideal tan-nisrani jibqa’ li jilqa’ lill-Iben il-Ħali u jħaddnu  miegħu.  Din hija l-ħidma kontinwa ta’ salvazzjoni li kisbilna Kristu.

Il-Kelma

     Fl-Ewwel Qari tal-lum, mill-Ktieb ta’ ĠożweÏ, insibu li wara erbgħin sena fid-deżert il-poplu Lhudi daħal fl-Art Imwiegħda u ċċelebra l-festa ta’ l-Għid li kienet tfisser il-ħelsien sħiħ tal-poplu Lhudi.  Dan il-ħelsien veru jista’ jidher fis-Salm 33 meta flimkien intennu:  “Duqu u taraw kemm hu tajjeb il-Mulej”.  Fit-Tieni Qari tal-lum, meħud mit-Tieni Ittra ta’ San Pawl lill-Korintin, San Pawl ifisser x’ġabet ġdid il-fidwa li kiseb għalina Kristu li kienet it-tiġdid tal-ħbiberija bejn Alla u l–bniedem.  Fil-Vanġelu tal-lum, meħud minn San Luqa, insibu r-rakkont ta’ l-Iben il-Ħali.  Iżda dan ir-rakkont jiftaħ billi l-evanġelista jgħidilna li l-Fariżej kienu qed igemgmu kontra Ġesù u jtennu li qed jiekol mal-midinbin.

Il-Ħajja

  1. Ġesù ġie biex jilqa’ u jfejjaq il-midneb. Kemm tassew qed nersqu lejh aħna l-midinbin, minkejja dak kollu li nkunu għamilna?
  2. Il-Liturġija tal-lum fiha messaġġ qawwi ta’ tama u kuraġġ. Minkejja li nabbużaw mill-ħniena tiegħu, Alla jgħaqqadna miegħu meta jara l-indiema sinċiera tagħna.
  3. Il-Mulej ma jridniex nagħmlu bħall-iben il-kbir u niskandalizzaw irwieħna bil-ħniena li wera l-Missier. Iridna nkunu tiegħu u miegħu biex ingawdu l-frott tas-salvazzjoni li kisbilna.
  4. Nitgħallmu mill-Vanġelu tal-lum ma niġġudikawx iżda naħfru kontinwament u nitolbu bla waqfien għas-salvazzjoni ta’ l-Erwieħ.

Id-Djalogu

  Mulej, inti li ħaddant miegħek

  l-iben il-ħali,

  għinna biex nersqu lejk fis-Sagrament tar-Rikonċiljazzjoni,

  biex nibdew mill-ġdid ħbiberija ġdida miegħek.