IMĦABBA ĠO FINA – It-Trinità Qaddisa – 22 ta’ Mejju 2016

IMĦABBA ĠO FINA – It-Trinità Qaddisa – 22 ta’ Mejju 2016

May 16, 2016

It-Trinità Qaddisa

IMĦABBA ĠO FINA

Proverbji 8,22-31; Salm 8; Rumani 5:1-5; Ġwanni 16:12-15

Il-Vanġelu

 F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu:  “Baqagħli ħafna ħwejjeġ x’ngħidilkom, imma għalissa ma tifilħux għalihom. Meta jiġi hu, l-Ispirtu tal-verità, iwassalkom għall-verità kollha; għaliex hu ma jgħid xejn minn tiegħu, imma jgħid dak li jisma’, u jħabbrilkom il-ġejjieni.  Hu jagħtini glorja, għaliex jieħu minn dak li hu tiegħi u jħabbru lilkom. Dak kollu li għandu l-Missier huwa tiegħi. Għalhekk għedt li jieħu minn dak li hu tiegħi u jħabbru lilkom

Il-Ħsieb

     Meta Ġesù wriena l-misteru tat-Trinità Qaddisa, il-Missier, l-Iben u l-Ispirtu s-Santu, ried jgħidilna li fl-għerq ta’ kollox hemm xi ħadd u mhux xi ħaġa.  Hu wriena li dan ix-xi ħadd Alla huwa mħabba (1 Ġwann 4,8), għax it-Trinità qaddisa hi l-misteru ta’ l-imħabba bla tarf li tinsab minn dejjem f’Alla, u fuqha bħal f’mera,  Huwa fassal il-ħolqien u l-bniedem.  Fil-bażi ta’ kollox hemm l-imħabba infinita ta’ Alla għall-bniedem.  Biex nagħrfu din l-imħabba rridu ngħixuha kif itenni Ġwanni fl-Ittra tiegħu vers 4,8.  Hemm bżonn li nagħmlu l-esperjenza li ngħixu dak li għallimna Ġesù bil-qawwa mogħtija lilna bil-preżenza trinitarja fina li rċevejna fis-sagramenti ta’ l-inizjazzjoni.

     Il-festa kbira tal-lum, li tasal Ħadd fuq il-Pentekoste u ġimgħa qabel Corpus, turina li Alla qatt m’hu se jħallina waħedna u mhux biss jibgħat id-Difensur iżda huma l-istess Tliet Persuni f’Alla wieħed li b’imħabba kbira jinsabu fina u qegħdin għad-dispożizzjoni tagħna.  Iżda aħna qegħdin ngħixu f’isimhom…?

Il-Kelma

     L-Ewwel Qari tal-lum huwa meħud mill-Ktieb tal-Proverbji fejn naraw riflessjoni fuq l-istorja ta’ Israel fir-Rabta l-Qadima li turina kif Alla bil-mod il-mod wassal lill-poplu tiegħu biex jagħrfu u jħobbu.  Hija wkoll l-istorja tar-riflessjonijiet tal-poplu dwar il-ġrajjiet tiegħu.  Is-Salm Responsorjali tal-lum ikompli dak li smajna mill-Ktieb tal-Proverbji.  Jurina u jistedinna nfaħħru lill-Mulej għall-għeġubijiet li jagħmel magħna b’imħabbtu.  It-Tieni Qari, meħud mill-Ittra ta’ San Pawl lir-Rumani, juri li l-ħajja tan-nisrani fil-fidi, fit-tama u fl-imħabba hija xhieda u frott tal-preżenza tat-Trinita’ Qaddisa.  Fil-Vanġelu tal-lum, meħud minn San Ġwann, Ġesù jwiegħed li se jibgħat l-Ispirtu s-Santu biex jirrivelalhom il-verità sħiħa.

Il-Ħajja

  1. Il-Misteru tat-Trinità Mqaddsa huwa misteru li ngħixuh kuljum għax għandna preżenza u qawwa sħiħa tat-Tliet Persuni tat-Trinità li qed jgħinuna kull ħin.
  2. Dak li rċevejna fil-Magħmudija u li ssaħħaħ fina permezz tal-Konfirmazzjoni, jagħti dehra qawwija tal-kuntatt u l-għajnuna li għandna mit-Tliet Persuni tat-Trinità. Alla qatt m’hu qed iħallina waħedna.
  3. Kif tenna San Pawl fl-Ittra lir-Rumani, il-virtujiet tal-fidi, tama u mħabba se jidhru aktar fina permezz tal-preżenza tat-Trinità Mqaddsa.
  4. Kemm tassew qed nippruvaw nifhmu l-Mulej xi jrid minna? Kemm tassew se nippruvaw nitolbu aktar l-intervent tat-Trinità Mqaddsa fil-mumenti iebsa ta’ ħajjitna?

Id-Djalogu

  Glorja lill-Missier,

  lill-Iben

  u lill-Ispirtu s-Santu.

  Kif kien mill-bidu, issa u dejjem

  u jibqa’ għal dejjem

  ta’ dejjem.  Amen.