Il-Premju Żagħżugħ tas-Sena 2019 organizzat mill-Moviment Kerŷgma intrebaħ minn Nicolette Aquilina minn Ħal Luqa. Ir-rebbieħ tal-premju, li huwa sponsorjat minn APS Bank, ġie mħabbar mid-Direttur Ġenerali tal-Moviment Kerŷgma, Fr. Ivan Attard OP. nhar il-Ġimgħa, 7 ta’ Frar 2020.
L-Eċċellenza Tiegħu Dr. George Vella, President ta’ Malta, u l-mara tiegħu attendew għal din iċ-ċerimonja u għall-quddiesa li tqaddset fil-Knisja ta’ San Duminku r-Rabat. Preżenti wkoll għal din iċ-ċerimonja kien hemm is-Sinjura Tania Borg, Viċi-President tal-Moviment Kerŷgma, is-Sur Jeremy Vassallo jirrapreżenta lil-APS Bank u mistednin oħra.
Nicolette Aquilina
“Nicolette Aquilina hija żagħżuha ta’ 23 sena minn Ħal Luqa u hija studenta gradwata mill-Universita’ ta’ Malta. Tul l-aħħar 9 snin li daħlet membru taċ-Ċentru taż-Żgħażagħ ta’ Ħal Luqa hija kienet ta’ ispirazzjoni u għajnuna kbira għaż-żgħażagħ l-oħra. Il-ħeġġa u l-ħidma tagħha għenet biex il-grupp li kien niżel għal 4 membri biss sal-2016 issa reġa’ żdied għal 40 membru reġistrat.
Sentejn ilu Nicolette ġiet eletta unanimament biex timla l-post ta’ Chairperson u ċ-Ċentru kompla jikber kemm spiritwalment u soċjalment taħt il-gwida tagħha. Hija tieħu ħsieb torganizza u tikkoordina numru kbir ta’ attivitajiet u laqgħat kemm edukazzjonali, soċjali u spiritwali tul is-sena kollha. F’uħud minn dawn l-attivitajiet hija tinkludi wkoll il-ġenituri tal-membri kif ukoll għadd ta’ voluntiera oħra, inklużi anżjani Luqin. Diversi persuni fil-paroċċa ta’ Ħal Luqa u anke l-kumitat fiċ-Ċentru taż-Żgħażagħ ta’ Ħal Luqa jqisu lil Nicolette bħala mudell eżemplari u kif ukoll pilastru għall-komunità lokali. Hija tagħti attenzjoni individwali lil kull membru u ħafna drabi tmur barra minn triqitha sabiex tgħin uħud mill-membri li jkunu għaddejjin minn varji problemi personali.
Nicolette hija wkoll membru tal-Kunsill Pastorali Parrokkjali kif ukoll membru attiv fil-Każin tal-Banda tal-Unjoni. Bħala chairperson taċ-Ċentru taż-Żgħażagħ hija ressqet il-kunċett li taqsam il-binja taċ-Ċentru ma’ organizzazzjonijiet oħra li m’għandhom l-ebda tip ta’ infrastruttura fejn jistgħu jiltaqgħu. F’dawn l-aħħar xhur Nicolette flimkien mal-membri l-oħra tal-kumitat iddeċċedew li japplikaw għal fondi mill-Unjoni Ewropeja biex jirrinovaw il-binja kollha taċ-Ċentru biex b’hekk issir binja moderna, aċċessibbli għas-siġġijiet tar-roti, vivaċi u bi spazju sigur biex iż-żgħażagħ ikunu jistgħu jħossuhom siguri u komdi biex jesprimu ruħhom u s-sentimenti tagħhom. Dan se jkun pass kbir għaċ-Ċentru taż-Żgħażagħ peress li se jingħata dehra ferm isbaħ b’teknoloġija moderna u b’hekk wieħed jittama li jattira aktar żgħażagħ ġodda minn kull sfera tas-soċjeta’ lejh.”
Iż-żgħażagħ nominati għall-Premju Żagħżugħ 2019 kienu: Nicolette Aquilina minn Ħal Luqa, Jean-Claude Borg mill-Imsida, Nathan Borg mis-Siġġiewi, Amy Chetcuti minn Senglea u Martina Livori minn Bormla.
L-Eċċellenza Tiegħu Dr. George Vella, President ta’ Malta u Sra. Vella flimkien maż-żgħażagħ nominati għall-Premju Żagħżugħ 2019
Dan it-trofew jingħata kull sena f’ġieħ il-mejjet Dr Rudolph Saliba li kien l-ewwel president tal-Moviment Kerŷgma. L-Eċċellenza Tiegħu Dr George Vella feraħ lil l-Moviment Kerygma għall-organizzazzjoni ta’ dan l-avveniment annwali fejn jesponu il-ħidma volontarja ta’ tant żgħażagħ. Huwa qal li minn mindu laħaq President baqa impressjonat jara tant żgħażagħ kommessi jagħmlu xogħol volontarju. Bħala eżempju, semma il-mijiet ta’ żgħażagħ li jiġu jgħinu fl’attivitajiet organizzati mill-Malta Community Chest Fund. Dan jagħmluh għalkemm illum mhux faċli minħabba x-xogħol jew l-istudji tagħhom. B’danakollu xorta jirnexxielhom jagħmlu il-ħin biex jgħinu lil ħaddieħor u jagħmlu dan b’tant enerġija u dedikazzjoni.
Il-President qal ukoll li anke ħaddiema imħallsin normali jistgħu jiġu kkunsidrati li qed jagħmlu volontarjat meta, per eżempju, jkun hemm carers jew nurses li jagħtu qalbhom lil pazjenti tagħhom b’tant dedikazzjoni u mħabba lil hinn ħafna min dak mistenni minnhom. Huwa qal ukoll li aspett importanti tal-organizzazzjonijiet voluntarji kienet li liż-żgħażagħ irawmulhom valuri kbar u b’hekk isiru ċittadini rispettabbli għal benefiċċju finali tal-pajjiż.
Dr Vella f’aħħar feraħ li ħames nominati u nkuraġġihom biex ikomplu bix-xogħol voluntarju tagħhom mhux biss biex jgħinu lil ħaddieħor fil-bżonn imma wkoll biex jibqgħu miġburin u ma jintilfux f’distrazzjonijiet negattivi
Kien mill-katakombi li ħarġet
il-Knisja, u hekk ukoll illum il-Knisja trid toħroġ ‘il barra. Dan hu l-messaġġ
kontinwu tal-Papa Franġisku. Meta qed jitkellem hekk, il-Papa jfisser Knisja li
ma tibqgħax fis-sagristija, li ma tibqgħax maqfula fl-għaqdiet. Dawn huma
postijiet importanti, għax huma l-postijiet fejn il-Knisja trid tinbena. Imma
mbagħad irridu nkunu Knisja li toħroġ ‘il barra. Il-Knisja tfisser l-imgħamdin
kollha. Aħna lkoll imsejħa biex inxandru l-Aħbar it-Tajba. Il-vjaġġi tal-Papa
huma proprju biex iwassal dan il-messaġġ ta’ Knisja li toħroġ.
Knisja
li titkellem:
L-ewwel laqgħa li jagħmel il-Papa
fil-vjaġġi tiegħu tkun mas-soċjeta’ ċivili – il-President, membri
tal-Parlament, ambaxxaturi etċ. L-ewwel messaġġ li jwassal huwa lilhom –
il-Knisja trid tkun f’dan id-djalogu kontinwu mad-dinja biex aħna nwasslulhom
il-messaġġ tal-Evanġelju.
Kelli ngħid kelma ta’ ġid għidtha?
Kelma ta’ ġid, kelma ta’ kuraġġ, tagħti daqqa t’id – dak li jimpurtah Alla. U
dan hu li qed jagħmel il-Papa – jiltaqa’ mal-foqra, mal-batuti. Hu Papa li jrid
ikun qalb in-nies għax in-nisrani ma jistgħax ikun imsakkar waħdu.
Il-Papa jiltaqa’ wkoll maż-żgħażagħ
fil-vjaġġi tiegħu, biex juri li dawn huma parti mill-ħidma tal-Knisja llum.
Il-Papa jagħti mportanza liż-żgħażagħ u l-anzjani flimkien, għax tal-ewwel
għandhom bżonn l-esperjenza tal-anzjani, u dawn għanhom bżonn il ħeġġa
taż-żgħażagħ.
Knisja li titkellem, mhux fuq il-pulptu biss, imma billi tiltaqa’ man-nies, tara l-problemi tagħhom, tiddiskuti magħhom u tħallihom jitkellmu.
Il-Papa sejjer lura Ruma wara l-Ġurnata Dinjija taż-Żgħażagħ 2013 Mustafa Bader [CC BY-SA 4.0 (https://creativecommons.org/licenses/by-sa/4.0)]
Knisja
li tisma’:
Il-Papa iktar jagħti mportanza lil
dak li jridu jgħidulu n-nies milli lil dak li jkun irid jgħidilhom hu. Jekk
aħna ma nisimgħux il-weġgħat tan-nies, kif nistgħu ngħinuhom? Irridu nisimgħu u
naraw x’għandom bżonn fiċ-ċirkostanzi tal-lum. Il-Papa, permezz ta’ dawn
il-vjaġġi, irid juri li hemm bżonn li l-Knisja toħroġ, li tisma’ u li
titkellem.
Il-Papa, kif jagħmel fit-tmiem ta’
kull vjaġġ, fuq l-ajruplan lura lejn il-Vatikan, jagħmel konferenza stampa
għall-ġurnalisti li jivvjaġġaw miegħu. Jagħmlulu kull tip ta’ domandi, u hu
jwieġeb mill-aħjar mod li jista’, bl-iktar mod sinċier u miftuħ.
F’dawn il-vjaġġi, il-Papa mhu qed jagħmel xejn ġdid li ma kienx ilu jagħmel qabel. Meta kien Arċisqof ta’ Buenos Aires, kien jivvjaġġa kuljum b’tal-linja biex ikun qalb in-nies. Irid jurina li rridu nkunu Knisja qalb in-nies, biex titkellem magħhom u tismagħhom.
Il-Papa f’Betlem Mustafa Bader [CC BY-SA 4.0 (https://creativecommons.org/licenses/by-sa/4.0)]
Knisja
miftuħa għal insara oħra u reliġjonijiet oħra:
Il-Papa ma jmurx fuq dawn il-vjaġġi
biex jiltaqa’ mal-Kattoliċi biss, imma ma’ nsara oħra, bħal Protestanti,
Ortodossi, Luterani u Anglikani, fost oħrajn. Jiltaqa’ wkoll ma’ Musulmani,
Lhud, u Buddisti, għax il-messaġġ tal-Vanġelu ma nistgħux inwassluh biss li ta’
ġewwa, imma lil kulħadd: “Morru mad-dinja kollha…”
Knisja
tal-fqar u l-batuti:
L-ewwel vjaġġ tal-Papa kien
f’Lampedusa – vjaġġ b’messaġġ qawwi. Irid li l-Knisja – aħna lkoll – inkunu
qalb in-nies, speċjalment dawk li qegħdin ibatu. Irid ikollna l-umanita’, li
nħossu għal min qed ibati.
Meta l-qassis, fl-aħħar tal
quddiesa, jgħid “Morru fil-paċi ta’ Kristu”, ikun qed jibgħatna biex
dak li rċevejna waqt il-quddiesa nwassluh lill-oħrajn. Dan hu li jagħmel
il-Papa fil-vjaġġi tiegħu.
Meta mar il-Calabria u ltaqa’
mall-ħaddiema qal li t-tort ta’ dak kollu li jiġri fid-dinja hu li fiċ-ċentru
tal-ħajja tagħna poġġejna l-alla falz tal-flus. Alla jrid li fiċ-ċentru
tad-dinja jkun hemm il-bniedem, għax meta Alla sar bniedem fil-persuna ta’
Ġesu’ kristu, Hu poġġa lill-bniedem fiċ-ċentru.
Meta ngħidu Knisja tal-fqar u
l-batuti mhux qed nitkellmu biss fuq il-faqar tal-but, imma wkoll fuq il-faqar
spiritwali, l-faqar ta’ mingħajr Alla.
Knisja
b’messaġġ ta’ tama:
Jitkellem fuqiex jitkellem, il-Papa
dejjem jispiċċa d-diskors tiegħu b’messaġġ ta’ tama. In-nisrani veru hu dak li,
minkejja l-ħażen kollu, il-problemi u d-diffikultajiet kollha, xorta jara illi
hemm messaġġ ta’ tama. Infatti, fl-aktar mumenti li l-Knisja kienet għaddejja
minn żminijiet koroh u diffiċli, Alla pprovda lil Knisja qaddisin kbar.
Alla jara l-indiema,
id-disponnibbilta’ tal-qalb. Ħadd minna mhu qaddis. Aħna lkoll għandna bżonn
il-ħniena t’Alla. Imma aħna lkoll nistgħu nkunu Kristu ieħor għall-oħrajn.
Il-Papa jiddiskrivi l-Knisja bħala
sptar fuq il-kamp tal-battalja. U fi sptar, morda ssib! Allura m’għandniex
neħduha bi kbira li fil-Knisja nsibu min hu marid spiritwalment. Kieku aħna
lkoll qaddisin, kieku l-Knisja m’hemmx bżonnha. Aħna mmorru l-Knisja għax
għandna bżonn il-fejqan.
Knisja
għal ta’ ġewwa wkoll:
Il-Papa jitkellem kemm ma’ ta’ ġewwa
kif ukoll ma’ ta’ barra. Alla jridna nwasslu l-Aħbar it-Tajba fl-ambjent ta’
madwarna – id-dar, fuq ix-xogħol, fil-ħanut, etċ. Irridu nagħmlu l-vjaġġ tagħna
biex nilħqu lill-oħrajn – il-vjaġġ tal-Kelma t’Alla. Ma nħallux lix-xitan
jaqtalna qalbna. Irridu nagħmlu l-parti tagħna mill-aħjar li nistgħu.
Il-Papa jisħaq ukoll fuq
l-importanza tal-ġenituri u n-nanniet li jridu jwasslu dan il-messaġġ
liż-żgħar.
U l-Papa jgħid ukoll li l-messaġġ
tal-Vanġelu hu Kristu Rxoxt – l-Aħbar it-Tajba li, minkejja ċ-ċirkustanzi li
nkunu għaddejjin minnhom, aħna rridu ngħidu: “Mulej, agħmel minni dak li
trid Int”
Barra l-fejqan tal-għaxar lebbrużi [Lq 17,11-19] il-Vanġeli jirrakkuntaw il-fejqan ta’ lebbruż ieħor [Mt 8,1-4 = Mk 1,40-45 = Lq 5,12-26] u mingħajr ma jirrakkuntaw id-dettalji isemmu l-fejqan ta’ lebbrużi oħra [Mt 11,4 = Lq 7,22]. Fiż-żminijiet bibliċi il-lebbra jidher li kienet marda komuni u l-Liġi ta’ Mosé tispeċifika x’għandu jsir fil-każijiet tal-lebbra [Lev 13 – 14], u barra dawk in-nies li jissemmew fil-Vanġeli l-Iskrittura ssemmi oħrajn li b’xi mod kellhom din il-marda: Mosé [Eż 4,6-9], Mirjam oħt Mosé [Num 12,10-15], Nagħman kmandant tas-sultan tas-Sirja [2 Slat 5,1-14], Geħażi qaddej ta’ Eliżew [2 Slat 5,27], erba’ min-nies anonimi fi żmien Eliżew [2 Slat 7,3-11], Għażarija sultan ta’ Ġuda [2 Slat 15,5], Xmun li laqa’ ’l Ġesù għandu [Mt 26,6 = Mk 14,3].
Il-lebbra li titkellem fuqha l-Iskrittura
hi marda tal-ġilda li s-severità tagħha tvarja minn każ għal każ. F’xi
każijiet dak li jkun kien jeħles minnha f’qasir żmien, bħalma ġara fil-każ ta’
Mosé, Mirjam, u probabbilment Xmun, imma f’każijiet oħra l-individwu baqa’
jbati biha fit-tul, bħalma ġara fil-każ ta’ Nagħman, Geħażi, u Għażarija. Meta kien hemm il-biża li tittieħed
il-lebbruż kien jinżamm iżolat, bħalma ġara lil Mirjam sa ma fieqet [Num
12,15], lill-lebbrużi ta’ żmien Eliżew li kienu joqogħdu f’bieb il-belt [2 Slat
7,3], u lil Għażarija [2 Slat 15,5], imma għalkemm Nagħman kien ilu marid
bil-lebbra żamm postu fis-saltna u baqa’ joqgħod id-dar.
L-għaxar lebbrużi li jitkellem fuqhom il-Vanġelu għamlu t-talba tagħhom flimkien, u dan jagħti l-impressjoni li kienu jgħixu flimkien, probabilment ’il bogħod mill-ġemgħa tan-nies, l-istess bħall-erba’ lebbrużi ta’ żmien Eliżew. Kien għalhekk li ma ssugrawx jersqu lejn Ġesù, waqfu ’il bogħod minnu u biex għamlu t-talba tagħhom kellhom jgħollu leħinhom. Il-marda tagħhom kienet għalhekk serja, ma tantx setgħu ifiequ minnha b’mod naturali, u kien għalhekk li daru fuq Ġesù biex ifejjaqhom. Il-kundizzjoni ta’ dawn kienet diffiċli ħafna. Mhux biss kellhom fuqhom marda serja, imma minħabba l-iżolament tagħhom l-għijxien tagħhom kien jiddependi minn dak li kienu jsibu fl-inħawi tal-iżolament tagħhom jew minn dak li kienu jwaddbulhom dawk li kienu jissugraw jersqu lejhom.
2. Il-Fejqan tal-għaxar lebbrużi
Biex wieħed
jifhem is-sens tar-rakkont wieħed irid iżomm quddiem għajnejh is-sens li
l-mirakli ta’ Ġesù għandhom fil-Vanġeli.
Wieħed jista’ jħares lejhom bħala atti ta’
ħniena ta’ Ġesù biex jeħles lil dawk li kienu għaddejjin minn mumenti
diffiċli. Il-Vanġelu stess jirrakkonta
kif f’xi okkażjonijiet Ġesù għamel il-miraklu għax ħenn, għax tħassar, lil dawk
li kienu qed iħabbtu wiċċhom ma’ diffikultajiet. Ġesù tħassar lill-lebbruż [Mk 1,41], lill-għomja
ta’ Ġeriko li talbuh iħenn għilhom [Mt 20,30.31.34], lill-armla ta’ Najn u
qajjem lil binha mill-mewt [Lq 7,13], lill-folla, u fejjaq il-morda u kattar
il-ħobż u l-ħutiet [Mt 14,16; 15,32].
Wieħed jista’ jgħid li fejjaq l-għaxar lebbrużi għax ġietu ħniena
minnhom. Effettivament biex Ġesù
fejjaqhom il-lebbrużi appellaw għall-ħniena tiegħu, “Ġesù, Mgħallem, ikollok
ħniena minna”, u wieħed minnhom fehmu anki bħala att ta’ ħniena u reġa’ lura
biex iroddlu ħajr.
Biss l-iskop tal-mirakli kien li jqanqal
lin-nies – il-mirakulati u ’l dawk preżenti – għall-fidi fih. Effettivament kien jaħsibha darba tnejn ħa
jara jekk hemmx fidi qabel jiddeċiedi jekk jagħmilx miraklu. Jingħad li meta n-nies ta’ Nazaret ma laqgħuhx
– m’emmnux fih – “ma għamilx ħafna mirakli minħabba n-nuqqas ta’ fidi tagħhom”
[Mt 13,58]. Għax l-iskribi u l-Fariżej
ma emmnux fih irrifjuta li jagħmel miraklu meta talbuh jagħmel dan: “Sinjal
jitlob nisel ħażin u infidil! Imma ebda sinjal ma jingħatalu ħlief dak ta’
Ġona. U ħalliehom b’hekk u telaq” [Mt
16,6; cf. 12,38-39]. Lill-mara Kanagħanija
ħasibha darbtejn jekk ifejqilhiex lil bintha għax ma kienx ċert jekk din
il-barranija setgħetx ikollha l-fidi [Mt 15,26].
Meta ntebaħ li l-Kangħanija kellha fidi fejqilha lil bintha [Mt 15,28], u kemmil darba faħħar u ftaħar bil-fidi li sab hu u jagħmel il-miraklu [Mt 8,13; 9,2.22-29; Mk 5,36; 10,52]. Anki fil-fejqan tal-għaxar lebbrużi irrikonoxxa l-fidi tas-Samaritan li reġa lura biex iroddlu ħajr, “Qum, mur; il-fidi tiegħek salvatek” [Lq 17,19]. Ir-rakkont jissoponi li kienu emmnu anki d-disgħa l-oħra – “Mhux, l-għaxra fiequ mill-lebbra” [Lq 17,17] – u la fiequ għax qagħdu fuq il-kelma ta’ Ġesù u għamlu dak li qalilhom.
3. Il-Fidi li Takkumpanja l-Mirakli
Il-fidi tal-lebbrużi ma kienitx sempliċement fiduċja għamja li Ġesù seta’
jfejjaqhom, imma kienet fidi fil-missjoni messjanika ta’ Ġesù. Ġesù kien ħabbar li x-xandir tal-Aħbar it-Tajba
akkumpanjat bil-mirakli kien prova li ġew inawgurati ż-żminijiet
messjaniċi. Meta Ġwanni l-Battistia kien
il-ħabs bagħat jistaqsi lil Ġesù jekk kienx “dak li għandu jiġi” – il-Messija –
jew għandhomx jistennew ’il ħaddieħor.
Biex iwieġeb lil Ġwanni li kien “dak li għandu jiġi” Ġesù qal
lill-qaddejja ta’ Ġwanni, “Morru agħtu lil Ġwanni l-aħbar ta’ dak li qegħdin
tisimgħu u taraw: l-għomja jaraw, iz-zopop jimxu, il-lebbrużi jfiqu, it-torox
jisimgħu, il-mejtin iqumu, u l-Evanġelju jixxandar lill-foqra. Hieni hu min ma jitfixkilx minħabba fija” [Mt
11,2-6].
Il-lebbrużi kienu jafu li Ġesù
kien qed jagħmel dan. Kienu jafu li Ġesù
kien qiegħed ixandar l-Evanġelju lill-foqra, u għalhekk sejjħulu “Mgħallem”, u
kienu jafu li l-Evanġelju li kien qed ixandar Ġesù kien akkumpanjat
bil-mirakli, inkluż il-fejqan tal-lebbra.
Meta rrikorrew għand Ġesù il-fidi tagħhom fih ma kienitx sempliċi
fiduċja li seta’ jfejjaqhom, imma kienet fidi fih li kien “dak li għandu jiġi”
– il-Messija – u l-mirakli kienu espressjoni tal-benedizzjonijiet li Alla kien
wiegħed għaż-żminijiet messjaniċi. Is-Samaritan
li reġa’ lura jrodd ħajr lil Ġesù jgħajjat u jfaħħar lil Alla ġab ruħu bħal
dawk li emmnu fil-missjoni messjanika ta’ Ġesù; ġab ruħu bħal Żakkarija [Lq
1,64], Xmun [Lq 2,28], il-profetissa Anna [Lq 2,38], il-mara li kienet mifluġa
[Lq 13,13], l-għama ta’ Ġeriko [Lq 18,43], in-nies li raw il-mirakli [Lq
5,25-26; 7,16; 19,37], iċ-ċenturjun f’riġlejn is-salib [Lq 23,47], l-appostli
wara l-qawmien mill-imwiet [Lq 24,53], il-membri tal-ewwel komunità nisranija
[Atti 2,47; 21,20], il-magħtub mfejjaq fil-bieb tat-Tempju u dawk li rawh [Atti
3,8.9; 4,21], u l-ewwel pagani li kkonvertew għall-Kristjaneżimu [Atti 13,48]. Fil-każijiet kollha il-foħrija t’Alla tfisser
li dawn in-nies kienu laqgħu l-Evanġelju.
Bħal Ġwanni l-Battista qablu mill-bidunett
tal-missjoni tiegħu l-Evanġelju – l-Aħbar it-Tajba – ta’ Ġesù kien li s-saltna
tax-xitan kienet waslet biex tintemm u li s-saltna t’Alla kienet waslet biex
tiġi inawgurata [Mt 3,2; 4,17.23; 10,7; 24,14; Lq 4,43]. Biex jikkonvinċi lin-nies minn dan l-Aħbar
it-Tajba akkumpanjaha bil-mirakli ta’ fejqan, għax il-gwaj fiżiku tal-bniedem
kien meqjus bħala konsegwenza tad-dnub – mhux neċessarjament tad-dnub personali
– u per konsegwenza espressjoni tal-ħakma tax-xitan fuq il-bniedem. L-agħar espressjoni tal-ħakma tax-xitan fuq
il-bniedem kienu il-każijiet fejn jingħad li xi nies kienu maħkuma minn xitan
jew spirtu ħażin. F’xi każijiet kienu maħkumin
minn xitan fis-sens li l-marda tagħhom kienet meqjusa bħallikieku il-kawża
tagħha kien ix-xitan. Biżżejjed wieħed
jikkunsidra dak li qal Ġesù meta fejjaq mara li kienet ilha mifluġa tmintax-il
sena; iddeskriva l-marda tagħha bħala “rbit li fih ix-xitan kien ilu jżommha
għal tmintax il-sena sħaħ” [Lq 13,16]. Individwu
ieħor kien meqjus maħkum minn xitan għax kien mutu [Mt 9,32-34] u ieħor għax
epilettiku [Mt 17,14-20]. Il-fejqan ta’
dan il-gwaj fiżiku Ġesù ppreżentah bħala prova tal-Aħbar it-Tajba li l-bniedem
jista’ jeħles mill-ħakma tax-xitan u jissottometti ruħu għas-saltna ta’ Alla: “…
jekk jien qiegħed inkeċċi x-xjaten bl-ispirtu ta’ Alla, dan ifisser li
waslitilkom is-saltna ta’ Alla” [Mt 12,28; Lq 11,20].
L-inawgurazzjoni tas-saltna
t’Alla ifisser li tħalli ’l Alla jsaltan fuqek.
Il-bniedem waqa’ taħt il-ħakma tax-xitan meta ma qagħadx għar-rieda
t’Alla u għamel dak li qaltlu rasu. U
baqa’ jagħmel hekk għal żmien twil. Ġesù
ried jinawgura s-saltna t’Alla billi jikkonvinċi l-bniedem jeħles mid-dnub u
joqghod għar-rieda t’Alla. Fil-Pater
Noster il-petizzjonijiet Tiġi saltnatek u Ikun li trid int kif
fis-sema hekkda fl-art għandhom l-istess tifsira.
In-nies kienet qed tistenna
l-inawgurazzjoni tas-saltna ta’ Alla.
Mhux kulħadd kellu l-istess ideja tas-saltna ta’ Alla, imma ħafna kienu
jemmnu li Alla kien se jinawgura s-saltna tiegħu b’intervent favur dawk li kienu
se jidħlu fis-saltna u kontra dawk li ma kienx se jkollhom post fis-saltna. Skont din il-viżjoni dak li Alla kien se
jinqeda bih biex jinawgura s-saltna kellu jiġbed lejh dawk li kienu se jkunu
membri u jwarrab – jemarġina – lil dawk li ma kellhomx post fis-saltna. Ġesù m’aċċettax li jinawgura s-saltna
b’emarġinazzjoni ta’ xi kategorija ta’ nies.
Mill-bidunett ried li l-missjoni tkun totalment inklużiva. Ma emarġina lil ħadd minħabba l-kultura
tiegħu: ma emerġinax lis-Samaritani, [Lq 17,11-19; cf. 11,29-37], lill-Kagħanin
[Mt 15,21-28], lir-Rumani [Lq 7,1-10], anzi kellu kliem pożitiv fuqhom. Ma
emarġina lil ħadd minħabba l-kundizzjoni morali tiegħu: ma emarginax
il-midinbin, irġiel [Lq 5,29-32] jew nisa [Lq 7,36-50], avolja dan ġibed fuqu il-kundanna
tal-awtoritajiet reliġjużi. Ma emarġina
lil ħadd minħabba l-kundizzjoni fiżika tiegħu: ma emarġinax lill-lebbrużi [Lq
5,12-14; 17,11-19], anzi f’każ minnhom ma ddejjaqx joħrog idu biex imiss
il-lebbruż [Lq 5,13].
L-iskop ta’ Ġesù ma kienx sempliċement
li jersaq lejn l-emarġinati, imma li jgħin lill-emaġinati fiżikament u
spiritwalment ħalli jintegrahom fil-komunità ħalli isibu posthom mill-ġdid fil-komunità. Kif fieq is-Samaritan seta’ jabbanduna
l-iżolament tiegħu u jersaq “f’riġlejn Ġesù”, u wieħed jimmaġina li sabu
posthom lura fil-komunità anki d-disgħa l-oħra.
Lill-lebbrużi bagħathom ħa
jarahom is-saċerdot skont ma kien hemm fil-Liġi ta’ Mosé [Lev 13 – 14] u hekk
setgħu ukoll jieħdu sehem mal-bqija tal-komunità fiċ-ċelebrazzjonijiet liturġiċi.
Dak li kien qed jagħmel hu Ġesù ta
mandat lill-appostli jagħmluh anki huma: “… morru fittxu n-nagħaġ il-mitlufa
tad-dar ta’ Iżrael. Intom u sejrin,
xandru u għidu li s-Saltna tas-Smewwiet waslet.
Fejqu l-morda, qajmu l-mejtin, fejqu l-lebbrużi, keċċu x-xjaten” [Mt
10,6-7]. Il-mandat lill-appostli hu
mandat lill-Knisja, lill-Knisja universali u lill-Knisja lokali. Kull fejn hemm nies li għal xi raġuni jew
oħra is-soċjetà temarġinahom il-Knisja – l-insara li jiffurmaw il-Knisja – hi
obbligata tersaq lejn dawn in-nies u tgħinhom jintegraw ruħhom fil-komunità.
On July 13, 2019, the Order of Preachers welcomed the 87th successor of St. Dominic de Guzman, in the person of Fr. Gerard Francisco Parco Timoner III, O.P., a son of the Dominican Province of the Philippines and first Asian Master of the Order. The ceremonies took place in line with the Elective General Chapter currently being held in Bien Hoa in Vietnam.
In a message to the community gathered in Vietnam, the new Master of Order confessed to an initial resistance to the election. Had it not been for the prayers and the encouragement of the brothers, “the answer would have been ‘no.’” Recalling what Fr. Vivian Boland, O.P., Socius for Fraternal Life and Formation, ““We have prayed for the Holy Spirit. We must trust the brothers.”
Recognizing the challenges of the modern times, fr. Timoner said that the present times of the Church seem to point out a time “when the Church needs a Francis and a Dominic. There is a need for a new evangelization, and we are all called to do precisely that.” To do so, fr. Timoner echoed the call of his predecessor, fr. Bruno Cadoré, O.P., for the Order to revisit its mission.
“‘We are preachers [said St. Dominic].’ It is not what we do. It is who we are. Mission is not what we do. It is who we are. And if that is clear, everything will just follow. We are preachers even when we are not preaching. We are preachers even if in our old age, we can no longer speak. We are preachers even if we are not ordained. We are preachers even if we are sick. We are preachers even if we are doing serious research alone in our rooms. We are preachers when we are helping the less privileged. We are preachers. That is our identity.”
The new Master of the Order called on the Dominican family to be in communion and to talk with one another, to overcome differences, and agree, “and once we have agreed, I think that is my job, to be the first among brothers to say ‘We should do what we have set to do.’”
Fr. Timoner, who hails from Camarines Norte, was the immediate past Socius of the Master for Asia-Pacific and prior to that was the Prior Provincial of the Dominican Province of the Philippines. His formal assignment in the Province is in the Priory of Saint Thomas Aquinas in UST, where was once the Vice-Rector for Religious Affairs and Rector of the Central (Interdiocesan) Seminary. In 2014, Fr. Timoner was named a member of the International Theological Commission by Pope Francis himself. As the new Master of the Order, Fr. Timoner now takes over as UST’s Grand Chancellor.
Il-Provinċjal tal-Provinċja Dumnikana Maltija P. Frans Micallef OP, appunta lil P. Ivan AttardOP bħala Direttur Ġenerali ġdid għall-Moviment Kerŷgma.
Nawguraw ħafna lil P. Ivan għal din il-kariga l-ġdida.
ASSEMBLEJA ĠENERALI
L-Assemblea Ġenerali tal-Moviment Kerŷgma ser issir fit-28 ta’ Ġunju fis-6.30pm fiċ-Ċentru Kulturali Kerŷgma, ir-Rabat:
AGENDA:
Talba tal-Moviment Kerŷgma;
Qari tal-minuti;
Rapport Amministrattiv:
Ħidmiet ta’ matul is-sena;
Studju dwar l-evanġelizzazzjoni kontinwa tal-Moviment.
Rapport Finanzjarju;
Nomina ta’ Awdituri;
Mozzjonijiet/emendi għall-Istatut;
Elezzjonijiet tal-membri tal-Eżekuttiv.
Jekk ikun hemm aktar minn 8 nominazzjoni għall-Eżekuttiv il-ġdid, il-votazzjoni tibda fl-4.00pm u tibqa għaddejja sa tmiem l-Assembleja.
Membri mħallsa tal-Moviment jistghu jressqu emendi għall-Istatut u/jew jinnominaw membri għall-Eżekuttiv il-ġdid. Dan jistgħu jagħmluh sa nhar il-Ġimgħa 31 ta’ Mejju 2019 billi jibgħatuhom f’envelope magħluq lil –
President Moviment Kerŷgma, Ċentru Kulturali Kerŷgma, Kunvent Patrijiet Dumnikani, Misraħ San Duminku, Rabat RBT 2521. Formoli għan-nominazzjonijiet ta’ membri għall-Eżekuttiv jinkisbu mis-Segreterija jew permezz ta’ email lill-Moviment.
LAQGĦAT TAL-ĠIMGĦA
Nhar il-Gimgħa 3 ta’ Mejju ser jerġgħu jibdew il-laqgħat Prayer Cafe’ fiċ-Ċentru Kulturali Kerŷgma fis-7.15pm. Narawkom.
ĊELEBRAZZJONIJIET TA’ JUM L-OMM
Is-Sibt 11 ta’ Mejju
Fl-okkażżjoni ta’ Jum l-Omm ser nagħmlu quddiesa fiċ-Ċentru Kulturali Kerŷgma (ħin eżatt navżaw aktar il-quddiem). Wara l-quddiesa ser ikollna bibita. Kulħadd huwa mistieden.
ĊELEBRAZZJONIJIET TA’ JUM IL-MISSIER
Is-Sibt 16 ta’ Ġunju
Fl-okkażżjoni ta’ Jum il-Missier ser nagħmlu quddiesa fiċ-Ċentru Kulturali Kerŷgma fis-6.00pm. Wara l-quddiesa ser ikollna bibita. Kulħadd huwa mistieden.
Sarah Vella who represented Mellieha Youth with the Youth of the Year 2018 trophy
Il-Premju Żagħżugħ tas-Sena 2018 organizzat mill-Moviment Kerŷgma din is-sena intrebaħ minn Mellieħa Youth. Ir-rebbieħ tal-premju, li huwa sponsorjat minn APS Bank, ġie mħabbar mill-President tal-Moviment Kerŷgma, is-Sinjura Bernice Micallef fl-1 ta’ Frar 2019. L-għan tal-premju hu li jingħata ġieħ u għarfien lil żgħażagħ li bl-emgħil, bil-karattru, bl-attivita’ u bl-eżempju ikunu ta’ xhieda nisranija għal sħabhom iż-żgħażagħ.
L-Arċisqof Emeritus Pawl Cremona O.P. qaddes il-quddiesa ta’ ringrazzjament fil-Knisja ta’ San Duminku r-Rabat, u wara ppresieda fuq iċ-ċerimonja tat-tħabbir tar-rebbieħ. Preżenti wkoll għal din iċ-ċerimonja kien hemm is-Sinjura Bernice Micallef, President tal-Moviment Kerŷgma, Dr Romina Cuschieri Ċermen tal-Board tal-Għażla, is-Sur Jeremy Vassallo jirrapreżenta lil-APS Bank u mistednin distinti oħra fosthom is-soprano Amy Marie Borg. It-trofew Premju Żagħżugħ tas-Sena ingħata lil-Sarah Vella li kienet qed tirrapreżenta lil Mellieħa Youth mill-Arċisqof Emeritus.
Archbishop Emeritus Paul Cremona OP with the winners Mellieħa Youth
Mellieħa Youth huwa grupp soċjo-reliġjuż ta’ żgħażagħ minn 12-il sena l-fuq li nħoloq fil-bidu tas-snin 2000. Il-motto tagħhom huwa “Moving Forward Together – Reach, connect, grow, discover”. Apparti mill-laqgħat ta’ kull ġimgħa, ż-żgħażagħ jorganizzaw numru ta’ attivitajiet regolari għal karità biex dak li jiddiskutu fil-laqgħat, jattwawh fir-realtà. Fost dawn l-attivitajiet insibu:
L-użu ta’ l-arti tal-palk biex iħeġġu team-work. Kull sena jtellgħu żewġ produzzjonijiet – pantomima oriġinali għall-Milied u musical għal żmien l-Għid jew għall-btajjel tas-sajf.
Iklijiet, barbecues u attivijiet simili. Hawn iż-żgħażagħ jitgħallmu kif jippreparaw u jservu l-ikel bl-għajnuna ta’ nies bl-esperjenza u jagħmlu kollox li jkun hemm bżonn.
Live-ins u funzjonijiet reliġjużi biex isaħħu r-ruħ. Dawn jiġu organizzati fuq weekend biex iż-żgħażagħ jkunu jistgħu jinqatgħu mill-ħajja ta’ kuljum u jagħtu aktar attenzjoni lir-ruħ.
Fund-raising għal min hu fil-bżonn. Jorganizzaw attivitajiet kemm jista’ jkun varjati– attivijiet barra ta’ ġurnata jew ġewwa ta’ ġimgħatejn. Dawn jinkludu il-Festa Familja, Christmas Market, Maratona ta’ 48 sieha, u l-ikla tal-Passover. Id-dħul kollhu jmur għal min hu fil-bżonn.
Xogħol Voluntarju fl-Lourdes. Il-Mellieħa Youth ilhom dawn l-aħħar 17-il sena jingħaqdu mall-
Assocjazzjoni Voluntarji Lourdes biex jgħinu lil-morda u x-xjuħ. Bla dubju dan huwa l-iżjed xogħol importanti tal-Mellieħa Youth u l-parti l-kbira tal-fondi li jiġbru jmorru għal din l-attività. Hawnhekk iż-żgħażagħ jesperjenzaw bil-fatti dak li jiddiskutu fil-laqgħat ta’ kull ġimgħa. Jiltaqgħu ma’ nies minn kull sfond tal-ħajja u jesperjenzaw il-ferħ li tagħti mingħajr ma tistenna xejn lura. Numru kbir ta’ żgħażagħ imorru biex jagħmlu din l-esperjenza kull sena.
Attivitajiet Soċjali u exchanges. Il-grupp jinvolvi ruħu f’ċittadinanza attiva u parteċipazzjoni sew jekk tkun attività lokali bħal Milied Mellieħi u sew bi bdil ta’ żgħażagħ minn pajjiżi oħra.
Iż-żgħażagħ nominati għal dan il-Premju kienu: Grupp Żgħażagħ Corpus Christi, Għasri, Matthew Deguara mis-Siġġiewi, Mellieħa Youth u Sezzjoni Żgħażagħ – Soċjeta’ Filarmonika Santa Marija, Żebbuġ Għawdex.
Dan it-trofew jingħata kull sena f’ġieħ il-mejjet Dr Rudolph Saliba li kien l-ewwel president tal-Moviment Kerŷgma.
Il-laqgħa bdiet bit-Talba tal-Moviment. Wara, peress li ninsabu fil-xahar tal-mejtin, saret talba għalihom.
Qabel ma’ ttratta s-suġġett tal-lum, il-kelliem għamel ħsieb fuq il-Quddiesa.
Il-Quddiesa twaqqfet fl-Aħħar Ċena, meta Ġesu’ ħallielna l-Ewkaristija u ta pass għas-saċerdozju. San Alfons jgħid li l-quddiesa hi l-aktar ħaġa qaddisa li togħġob lil Alla – il-mod l-iktar qawwi biex ittaffi l-korla Divina għall-midinbin u l-mod żgur biex trażżan il-qawwa tal-infern L-akbar ġid għall-bniedem u l-aqwa suffraġju għall-erwieħ tal-purgatorju hu t-teżor bla tmiem li Ġesu’ għoġbu jħallilna bħala tifkira għażiża Tiegħu.
Santa Tereża. waqt estasi, staqsiet kif tista’ togħġob lil Alla, u t-tweġiba kienet “Attendi għall-quddiesa”. Illum, l-attendenza għall-quddies naqset, u anke meta nattendu, nagħmlu hekk bħala drawwa. Immorru l-Ħadd għax inkella nagħmlu dnub mejjet, allura mmorru b’obbligu.
M’għandux ikun hekk. Il-quddiesa hi l-laqgħa tagħna m’Alla. Fost il-ġimgħa tmur għax trid int, u għalhekk għandha mertu kbir. Fil-quddiesa jseħħ is-sagrifiċċju ta’ Kristu mill-bidu sal-aħħar. Il-quddiesa llum ġibniha qisa bla ebda sinifikat. Fil-quddiesa tisma’ l-Kelma t’Alla, u meta toħroġ barra, hemmhekk tibda l-quddiesa tiegħek. Jekk dak li smajt ma jibdillek xejn f’ħajtek, allura għandek problema. Il-quddiesa ma tibdlekx mil-lum għal għada, imma biż-żmien, meta teħodha bis-serjeta’.
Meta tmur il-quddies, tpatti għad-dnubiet iżjed milli tagħmel penitenza ħarxa. Il-talb personali huwa mportanti, imma l-iżjed talba perfetta tibqa’ il-quddiesa, għax fiha Ġesu’ jagħtik sehem mill-merti Tiegħu. Ġesu Kristu jitlob għalik bl-istess ħeġġa li biha talab fuq is-salib għall-għedewwa Tiegħu. Il-pjagi mqaddsa Tiegħu jitolbu maħfra għal dnubietek bis-saħħa tat-talb ta’ Ġesu’. Fil-quddiesa ningħaqdu mal-Iben t’Alla biex Bih u Fih nitilgħu għand il-Missier. Dak ifisser meta jgħid “Jien it-Triq, is-Sewwa u l-Ħajja”.
L-UMILTA’
Il-Kmandamenti, il-Beatudnijiet, u l-Bibbja kollha jduru fuq l-umilta’. Id-dnub ta’ Adam u Eva kien li ma kinux umli – il-Bibbja kollha hi dwar l-umilta’ t’Alla u l-kburija tal-bniedem – mill-bidu sal-aħħar.
The minute you think you've got it, you've lost it
“The minute you think you’ve got it, you’ve lost it”. Jekk tgħid jien umli, diġa’ inti m’intix. L-umli qatt ma jgħid li hu umli. Ma jfissirx li ma tagħrafx il-qawwiet tiegħek, imma mhux li titkessaħ bihom. Il-qawwiet tiegħek qegħdin hemm biex tgħin lil ħaddieħor.
Fid-dinja kulħadd huwa ndaqs. Ħadd mhu aħjar minn ħadd. Aħna lkoll maħluqin fuq ix-xbiha t’Alla. Kristu xerred demmu għal kulħadd. Fir-rakkont tal-Fariżew u l-Pubblikan, Ġesu’ jgħid “Tal-aħħar hu ġġustifikat iżjed mill-ewwel wieħed”.
Ma nistgħux inkejlu l-umilta’ tagħna, lanqas tal-qaddisin, mal-umilta’ t’Alla. Fil-ħasil tas-saqajn, Ġesu’ juri l-umilta’ kollha. L-Iben t’Alla, li kien jaf li ħa jagħti ħajtu, niżel jaħsel riġlejn l-appostli. Hawn Kristu jgħallimna li iżjed ma Alla jtik talenti, iżjed għandek tbaxxi ruħek, għax dawn Alla tahomlok biex tgħin lil ħaddieħor.
It was pride that changed angels into devils. It is humility that makes men as angels
“It was pride that changed angels into devils. It is humility that makes men as angels”. Biex tkun qaddis trid tilħaq ċertu umilta’. L-umilta’ mhix li tkasbar is-saħħa tiegħek, imma li taċċetta d-djufija tiegħek.
Illum, ħafna drabi, nitkejlu magħna nfusna b’kemm nafu, kemm għandna flus, etċ. Imma l-veru kejl hi l-qalb tajba. Hemm bniedem jilħaq il-maturita’ tiegħu.
L-umilta’ nsibuha f’kull reliġjon, barra s-Sataniżmu. Il-Ġudaiżmu, il-Buddiżmu, l-Iżlam u l-Kristjanita’ kollha jimxu fuq l-umilta’. Imma x-xitan qed jidħol baxx baxx u kulħadd moħħu fit-titli u fil-postijiet, anke f’ċertu laqgħat. Kristu jgħid “Fostkom m’għandux ikun hekk”. Iġġieled biex taqdi, mhux biex tilħaq. Ma jfissirx li m’għandikx ittejjeb il-pożizzjoni tiegħek, imma mhux li tagħmel hekk akkost ta’ kollox. Hemm bżonn insibu l-bilanċ f’kollox.
“The Dark Night of the Soul” ta’ San Ġwann tas-Salib jispjega li d-demonju inqeda’ b’nies li tant jagħmlu ġid li jibdew jikbru fl-isem u tibda wkoll tikbrilhom rashom. Għalhekk it-titlu tal-ktieb, meta Alla jitlaq daqsxejn minn ħajtek biex jikkoreġik, biex rasek ma tikbirx. Meta lil Kristu n-nies riedet tagħmlu sultan, Hu warrab minn hemm. Dik hi l-umilta’. Ġesu’ għażel l-iżjed nies sempliċi.
Minn fejn tibda l-umilta’? Fil-bidu, Alla u l-bniedem kienu ħaġa waħda, imma bid-dnub seħħet il-firda. Aħna, biex naslu s’għand Alla irridu nibnu pont billi nippruvaw ngħixu ħajja tajba. Minn hemm tibda l-umilta’. Weħidna ma naslux. Insalvaw bil-fidi. Ġesu’ qatt ma qal “isalvaw it-tajbin”, imma “min jemmen Fija jsalva”. Issa ma tistgħax temmen f’Ġesu’ u ma tagħmilx l-opri tal-ħniena.
Biex naslu s’għand Alla, irridu nerfgħu s-Salib. Il-kmandamenti qegħdin hemm mhux biex irebbħuk il-Ġenna, imma biex ituk direzzzjoni kif għandek tgħix. Il-Ġenna tinfetaħ biss permezz tal-mewt u l-qawmien ta’ Kristu.
L-oppost tal-umilta’ hi l-kburija. Hekk seħħ l-ewwel dnub – Adam u Eva riedu jsiru daqs Alla. Aħna qatt ma nistgħu nsiru daqs il-Kreatur, lanqas l-akbar qaddisin, lanqas ix-xitan, għax ilkoll maħluqin. L-arroganza, li dak li tgħid int biss tajjeb, l-egoiżmu sfrenat, is-superjorita’, ir-razziżmu, il-pretensjoni – dawn huma kollha l-oppost tal-umilta’.
L-umli jagħmel minn kollox biex jaħfer. Is-supperv ma jaħfirx. Jekk ma taċċettax it-tbatija, ma tistgħax tkun nisrani. Ġesu’ qal “Fid-dinja tbatu jkollkom, imma agħmlu l-qalb għax Jien irbaħt lid-dinja”. Ġesu’ jgħid li iżjed ma taħfer, iżjed jinħafirlek.
Alla jiqfilhom lill-kburin, imma lill-umli jagħtihom il-grazzja. “Kull min jitkabbar jiċċekken, u min jiċċekken jitkabbar”. Il-moralita’ nisranija qegħda bbażata fuq il-Kmandamenti tat-Testment il-Qadim u fuq il-Beatudnijiet tat-Testment il-Ġdid. Fuq dawn għandna nimxu. Ma tistgħax tħaddanhom jekk ma tkunx umli.
Alla jsalva lill-umli, jkun mal-umli, jagħti grazzja lill-umli. Kultant aħna ma nifhmux lil Alla, imma Hu jaf x’inhu l-aħjar għalina. Aktar ma wieħed jinżel u jiċċekken f’għajnejn il-bnedmin, iktar jikber f’għajnejn Alla, u jara wiċċ Alla. Wara l-umilta’ tiġi l-glorja. L-umli m’għandux bżonn jilbes maskra. L-umli huwa naturali. Tagħmel it-tajjeb għax thobb. Kristu stess qal “Tgħallmu minni, għax Jien ta’ qalb ħelwa u umli”. Hu biss jista’ jgħidu dan. Mingħajr umilta’ ma nistgħux nidħlu fis-saltna tas-smewwiet. “Tassew ngħidilkom li jekk ma tinbidlux u ma ssirux bħat-tfal iż-żgħar, ma tidħlux fis-saltna tas-smewwiet”.
L-umli:
jobdi għas-sewwa bla ebda tnehida.
jfittex minn naħa tiegħu l-inqas post. “Meta jistidnuk, oqgħod fl-aħħar post”.
jieħu gost fil-kumpanija ta’ nies “baxxi” f’għajnejn is-soċjeta’. Għandna nistmaw lil kulħadd indaqs.
ma jitkellimx, la tajjeb u lanqas ħażin, fuqu nnifsu.
ifittex u jgħożż is-skiet proprju tiegħu.
jagħraf li l-ġid ġej minn Alla.
iġarrab paċi kontinwa f’qalbu.
ma jafdax fih innifsu
jitlob
ma jagħmilx lilu nnifsu mudell
ma jagħmiliex ta’ umli biex jidher umli
ifaħħar il-ġid ta’ ħaddieħor.
L-umilta’ tibda dejjem billi tinżel għarkobbtejk – li tqerr. Qed tagħraf dnubietek. Qed tagħraf li Kristu jista’ jaħfirhomlok, tisqarrhom lill-qassis u titqarben.
This course is mainly for students who are sitting for Religion Intermediate or Advanced Level in May 2019. It is also open to lay people who want to
profound their Religious beliefs and is ideal for catechists.
Various subjects will be discussed, including Revelation, Inspiration, Faith, Liturgy, Old Testament, Gospels, Sacraments, Philosophy, etc.
This course is delivered for free so that students are not burdened with more expenses. However, an enrolment donation of €10 would be appreciated.
Meta kellha 18-il sena, Rebecca skopriet li, barra li kienet addottata, hi kienet ġiet imnissla bħala riżultat ta’ stupru. Ommha darbtejn riedet tagħmel abort, imma fl-aħħar m’għamlitux. Saret taf b’din l-istorja meta ltaqgħet ma’ ommha naturali.
Għaddiet minn proċess iebes. Ta’ 15-il sena kienet għamlet esperjenza ta’ Ġesu’. Imbagħad, ta’ 18-il sena sabet din is-sitwazzjoni ma’ wiċċha. Imma bl-għajnuna tal-Mulej waslet biex ħafret lil ommha u lil missierha.
Waqqfet il-fondazzjoni “Save The One”, biex tgħin persuni li jkunu qed jikkonsidraw l-abort. Dan tagħmlu permezz ta’ proċess ta’ fejqan u għajnuna. B’hekk issalva l-ħajja umana.
Kieku ommha abortitha, kieku llum Rebecca Kiessling mhix hawn. Għamlet suċċess fil-ħajja tagħha. Turina din ir-realta – li kull persuna hi għażiża għal Alla u trid tkun għażiża għalina.
Aħna lkoll għandna nkunu messaġġiera u ambaxxaturi tal-ħajja.
Il- laqgħa Prayer Cafe tat-23 ta’ Frar ġiet imexxi mis-Sur Joe Huber. Fiha ġie diskuss il-qari tat-tieni Ħadd tar-Randan. Papa Franġisku spiss iħeġġiġna biex naqraw l-Iskrittura bl-istess ħerqa li biha Ġesu tkellem dwarha fit-triq ta’ Għemmaws.
Is-salib deher li kien it-tmiem anki għall-appostli, tant li kif qal il-Papa ftit ilu, dawn reġgħu lura lejn xogħlhom. Infatti fil-Vanġelu naqraw dwar is-sajda mirakoluża li ġrat wara l-qawmien mill-mewt ta’ Ġesu. Iżda minkejja dan bil-miġja tal-Ispirtu s-Santu huma fehmu li s-salib kien l-għajn tal-ħajja u tal-qawmien.
Fit-tieni Ħadd tar-Randan il-Knisja ttina t-Trasfigurazzjoni quddiem it-tliet appostli fuq il-muntanja Tabor. Din il-ġrajja ġrat dritt wara l-ewwel tħabbira tal-mewt ta’ Ġesu. It- tliet Vanġeli sinottiċi (Mattew, Mark, Luqa) jirrakuntawh u jqiegħduh eżatt wara l-famuża xena fejn minkejja li Ġesu kien qallu li se jibni l-Knisja tiegħu fuqu, eżatt wara lil Pietru jċanfru bil-goff u jgħidlu: “Itlaq minn quddiemi ja xitan.”
Għaliex? Ġesu stess itina t-tweġiba. Lil Pietru jgħidlu li qed jirraġuna bil-moħħ ta’ bniedem u mhux bħal Alla. Mill-ġdid insibu lil Pietru jirraġuna bħala biedem fix-xena tat-trasfigurazzjoni: ir-reazzjoni tiegħu li anki f’għajnejna tidher paradossali hi mqanqla minn żewġ emozzjonijiet umani: il-biża’ u t-tama.
Fil-ktieb ‘Ġesu di Nazaret’ Joseph Ratzinger (Benedittu XVI) jikteb li Luqa, jibda r-rakkont tiegħu li jwassal għal dan l-episodju bil-paradoss: Waqt li Ġesu kien jitlob waħdu d-dixxipli isiru ħaġa waħda ma’ Ġesu li waħdu qiegħed jitkellem mal-Missier. Jarawh ikellem lill-Missier wiċċ imb’wiċċ u li s-setgħa tiegħu kienet ġejja mill-Missier. Huma qed jaraw xi ħaġa li l-bnedmin l-oħra ma setgħux jarawha, ittihom opinjoni differenti għax ittihom għarfien li jmur ‘l hinn mill-oppinjonijiet tal-bnedmin. Huwa fuq dan li Kristu bena l-Knisja tiegħu!
Imma lit-tlieta, insejħulhom hekk, ipprivileġġati, irid jurihom aktar minn hekk. Ma ninsewx li dan l-episodju tat-trasfigurazzjoni nsibuh lejn it-tmien tal-ħajja ta’ Ġesu, hu u sejjer lejn Ġerusalemm fejn wara d-daħla trijonfali l-burdata tan-nies marret fl-oppost u mxewxin mill-kbarat għajjtu; Sallbu!
B’din l-esperjenza tat-trasfigurazzjoni, Ġesu ried jgħin lid-dixxipli jegħlbu l-kriżi li kienu jinsabu fiha meta hu ħabbar il-mewt tiegħu.
Il-vanġelu tat-trasfigurazzjoni jinqasam:
2-4 Ġesu jinbidel quddiem id-dixxipli
5-6 Ir-reazzjoni ta’ Pietru
7-8 Il-Kelma li nstemgħet li tispjega s-sens tat-trasfigurazzjoni
9-10 Ġesu jwissi lid-dixxipli biex ma jgħidu lil ħadd dwar dak li raw.
Fil-fatt huma baqgħu ma tkellmux minħabba l-biża’ umana għax ma setgħux jemmnu dak li raw, forsi, imma l-aktar il-Biża’ t’Alla, cioe wieħed mid-doni tal-Ispirtu s-Santu.
San Pawl ukoll jgħidilna fi kliem ieħor: “ebda għajn qatt ma rat ebda widna qatt ma semgħet dak li ħejja Alla għal dawk li jħobbuh.” It-tema tas-segretezza tirrikorri spiss fil-Vanġelu ta’ San Mark li fih it-teoloġi jaraw il-prinċipju “tas-sigriet Messjaniku” li l-evanġelista jtina s-soluzzjoni tiegħu fl-istqarrija taċ-ċenturjun meta jistqarr “Dan tassew kien Iben Alla”.
Ġesu deher jitkellem ma’ Mose u Elija. X’kienu jfissru dawn għal Ġesu u x’kienu jfissru għad-dixxipli?
Mose huwa l-liġi ta’ Alla u l-liġi ċivili wkoll. Elija huwa l-profeta li kien ippersegwitat, maħrub, imma li reġa’ lura lejn il-missjoni tiegħu. Kienu żewġ awtoritajiet assoluti tat- Testment Qadim.
Fil-ħajja tagħna, speċjalment issa fir-Randan, aħna għandna bżonn ta’ xi trasfigurazzjoni?
Fil-messaġġ għal dan ir-Randan, il-Papa Franġisku kellimna mill-ġdid dwar il-profeti foloz: il-flus, il-poter, il-pjaċir li jidħlu fil-ħajja tagħna minħabba li hemm min jikkundizzjonana bla ma nintebħu biex iġibna fejn irid hu għall-profitt tiegħu. It-trasfigurazzjoni li neħtieġu hi li nagħrfu lilna nfusna, neżaminaw x’inhu għaddej ġo fina biex ma nħallux lil dawn l-idoli jaħkmulna ħajjitna.
Dwar din it-tema għandna wkoll id-dokument biex nixtarruh sew li ħarġet il-Kummissjoni għall-Ġustizzja Soċjali u l-Paċi, tad-djoċesi fl-okkażjoni tal-Jum Dinji għall-Ġustizzja Soċjali li kien iċċelebrat fil-21 ta’ Frar. Il-kummissjoni osservat li s-soċjeta tagħna hi misjuqa dejjem aktar mill-mentalita li l-gwadann ekonomiku hu l-uniku qies tas-suċċess u allura moħħha biss biex tiġġenera l-għana akkost ta’ kollox.
Fil-Vanġelu tal-Ħadd li ġej: in-nies fi żmien Ġesu kienu maħkumin mir-Rumani u għalihom il-mexxej kellu jkun gwerrier li jeħlishom mill-ħakma tan-nies tad-dinja. Imma Ġesu ġie biex jeħlisna mill-iskjavitu tad-dnub, il-veru jasar tagħna.
Bniedem ikkundannat għall-mewt ma setax ikun Messija fil-mentalita tagħhom. Allura t-trasfigurazzjoni setgħet tgħinhom biex jifhmu s-salib għax fiha Ġesu jidher fil-glorja u skont Luqa, ma’ Mose u Elija kien qed jitkellem dwar il-passjoni u l-mewt tiegħu. Ifisser li l-mixja lejn il-glorja trid bilfors tgħaddi mit-tbatija.
It-tbatija hi misteru li bosta drabi m’hemmx tweġiba għaliha. Il-Papa Franġisku fl-4 ta’ Jannar iltaqa’ ma grupp ta’ żagħżagħ Rumeni u qalilhom li t-tbatija, is-sofferenza ta’ tfal abbandunati, li jmutu m’hemmx tweġiba għalihom ħlief dik li nħallu lil Alla jħaddanna miegħu jtina s-sabar u l-għajnuna biex ngħarfu noffru t-tbatijiet tagħna għall-fejda ta’ min tbiegħed, ta’ min ma jridx jaf, ta’ min hu verament fil-bżonn li jsir jaf lil dal-Missier ħanin mimli mogħdrija li dejjem jistenniena u qatt ma jegħja jaħfrilna u jisteddinna biex nerġgħu nduru lejH.
Nifmhu li għan-nies ta’ dak iż-żmien, u anki għalina, diffiċli jaċċettaw li s-salib hu trijonf meta kienu jafu li kien il-kastig tal-akbar kriminali. Kien żmien meta l-Insara kienu msallbin huma stess minħabba l-persekuzzjonijiet ta’ Neruni.
Għat-trasfigurazzjoni Ġesu jitla’ biex jitlob fuq muntanja għolja (Lq 28) li jġibilna f’moħħna l-muntanja Sinaji fejn Alla ta l-Liġi lil Mose’, u muntanji jew għoljiet oħra li jissemmew fl-Iskrittura. Lill-appostli x-xena togħġobhom u mill-ġdid bi kliem Pietru jaħsbu għal rashom: “nagħmlu tined u nibqgħu hawn.”
Nanaliżżaw ftit t-test:
L-ewwel affermazzjoni: sitt ijiem wara: l-istudjużi jaħsbu li r-reazzjoni ta’ Pietru kellha għeruqha fil-fatt li kien is-sitt jum tal-festa Lhudija tat-tined. Festa popolari ta’ sitt ijiem li fiha l-poplu kien jiċċelebra l-għoti tal-liġi u l-erbgħin jum mgħoddija fid-deżert. Il-poplu kien jiċċelbra billi jqatta’ ġimgħa jgħix taħt tined improviżati, (it-tifkira tal-ħajja fid-deżert) minn hawn l-isem tal-festa.
Malli Ġesu jinbidel f’dawl jgħammex leħen mis-sema jgħid: “Dan hu Ibni l-maħbub, isimgħu lilu. Din il-frażi għandna profeżiji ġejjin mill-Antik Testment “Ibni l-Maħbub” il-Messija-qaddej (Iżaija 42:1) Isimgħu lilu- it-tħabbir tal-Mose’ l-ġdid (Dewteronomju 18:15). Il-Missier qed ikun garanti li dak li ħa l-ġisem bħalna u li rxoxta bih ; wara li qam mill-mewt deher lid-dixxipli fil-ġisem mistiku li jżomm il-pjagi tas-salib. Papa Franġisku jħobb jgħid li meta Ġesu jinterċedi għalina quddiem il-Missier, jurih il-pjagi u jgħidlu; “ dawn ġarrabthom minħabba fihom.”
Il-libsa l-bajda: tfakkarna fil-Ktieb tal-Apokalissi li fih naqraw li dawk li jinsabu fuq il-lemin huma lebsin ilbies abjad, li jfisser is-salvazzjoni.
Ġesu, li dejjem deher bħala bniedem, issa nbidel u qed jidher bħala Alla: dak li kien hemm fil-liġi ta’ qabel intemm kollu (is-sagrifiċċji tal-bhejjem eċċ) għax issa l-offerta saret Ġesu nnifsu. Dik hi t-tifsira tad-dikjarazzjoni: “Isimgħu Lilu.”
Waqt it-Trasfigurazzjoni dehret sħaba. Din tfakkarna li meta Alla l-Missier ried juri lilu nnifsu fit-Testment il-Qadim kien jidher fis-sħab eż: meta David ikkonsagra t-tempju u sħaba mliet il-post tant li l-qassisin ma setgħux jidħlu; meta l-poplu kien miexi fid-deżert u matul il-jum kienet tidher is-sħaba u bil-lejl in-nar, meta Alla kellem lil Mose….
Alla l-Missier insibuh jitkellem f’żewġ okkażjonijiet biss: fil-Magħmudija u fit-Trasfigurazzjoni. Ir-raġuni għala jistqarr: “Isimgħu lilu” hi, għax Ġesu huwa wkoll Alla u kif qalilna, Hu ġie jwasslilna dak li bgħatu jgħid il-Missier.
Imma malli ntemmet il-viżjoni d-dixxipli raw lil Ġesu kif kienu jafuH meta jkunu fil-kumpanija tiegħu. Raw lilu biss li jfisser li minn dak il-ħin ‘il-quddiem għalina l-Insara Ġesu biss hu l-muftieh biex nifhmu s-sens kollu tat-Testment l-Antik. Hawn jidħol element ieħor: “żommu fommkom magħluq u tgħidu xejn qabel ma jien inkun qomt mill-imwiet.” Id-dixxipli ma fehmux dal-kliem li jfisser li l-ħajja dejjem tegħleb il-mewt.
It-twemmin tan-nies ta’ żmien Ġesu kien li kellu jerġa’ jitfaċċa Elija biex iħejji t-triq għall-Mulej. Allura jekk Elija kien għadu ma deherx mill-ġdid, kif seta kien li l-Messija kien Ġesu? It-tweġiba li jagħti Ġesu hi ċara, Elija ġa ġie u huma ġiebu ruħhom miegħu kif għoġobhom, bħalma hemm miktub fuqu. Hawnhekk Ġesu kien qed jitkellem dwar Elija ieħor – l-aħħar profeta u l-punt li jgħaqqad it-Testment l-Antik mal-Ġdid: Ġwanni l-Battista.
Il-libsa li bdiet tiddi turi d-divinita ta’ Ġesu, il-bniedem li huwa wkoll Alla juri ruħu imma ma jridx li dan ikun magħruf qabel ikun imdendel fuq is-salib, meta ċ-ċenturjun pagan jistqarr: dan verament kien l-Iben t’Alla, l-istqarrija li biha San Mark jiġbor is-sigriet messjaniku ta’ Kristu.
Wara li fil-Vanġeli Sinottiċi rajna ħafna mirakli, minn issa ‘l quddiem naraw lil Ġesu iħejji u jipprepara lid-dixxipli tiegħu biex fuqhom iwaqqaf il-Knisja li se jħalli biex tkompli l-missjoni tiegħu. Il-messaġġ ta’ Ġesu ma nftiehemx mill-mexxejja tal-Lhud. Dawn kienu qed jistennew tip ieħor ta’ ħelsien. Imma Ġesu ma biddilx il-messaġġ tiegħu, kompla jaqdi l-foqra, lill-batuti, lill-imsejkin u kien għalhekk li safa kkundannat għall-mewt.
Aħna llum x’se nieħdu minn dan il-Vanġelu għal ħajjitna?
F’ħajti ħassejt il-preżenża t’Alla fija? X’qed nagħmel biex dawn il-mumenti nsaħħaħhom ħalli ħajti tkun dejjem aktar marbuta mal-Mulej? Fejn qed niltaqa’ mal-Mulej?