IRTIR TAR-RANDAN 2023
IKtar dettalji hawn:
PREMJU ŻAGĦŻUGĦ KRISTJAN TAS-SENA 2022
Il-Moviment Kerygma jorganizza l-“Premju Żagħżugħ Kristjan tas-Sena” bil-għan li joħroġ fil-beraħ l-impenn taż-żgħażagħ b’mod nisrani fis-soċjetà Maltija.
Il-Premju hu miftuħ għal dawk iż-żgħażagħ kollha li juru sens kbir ta’ impenn fil-ħajja Kristjana tagħhom ta’ kuljum u għalhekk ikunu ta’ eżempju qawwi għal żgħażagħ oħra.
Qed nibagħtu ma’ din l-ittra kopja tar-Regolamenti u l-Formola tal-Applikazzjoni biex tkunu tistgħu tinnominaw xi żagħżugħ jew żagħżugħa li taħsbu li jikkwalifikaw u jimmeritahom ikunu nnominati għal dan il-premju prestiġjuż. Kopja tar-regolamenti u l-applikazzjon jistgħu jitniżżlu minn hawn:
L-applikazzjonijiet, ir-ritratti u d-dokumenti relattivi għall-Premju Żagħżugħ Kristjan tas-Sena 2022 għandhom jintbagħtu b’email fuq info@kerygma.org.mt sa mhux aktar tard mit-Tnejn, 14 ta’ Novembru 2022. Dawn għandhom jinkludu kopja skennjata tal-formola tal-applikazzjoni bil-firem neċessarji. Applikazzjonijiet li jaslu wara din id-data ma jkunux ikkunsidrati. Hard-copy tal-formola tal-applikazzjoni u dokumenti oħra għandhom jaslu bil-posta għand il-Moviment Kerŷgma sa mhux aktar tard mit-Tnejn, 21 ta’ Novembru 2022.
Wirja dwar il-passjoni.
Il-Passjoni ta’ Kristu bis-sulfarini u mejda tal-appostli!
Premju Żagħżugħ tas-Sena 2020
Nominazzjonijiet Miftuħa
Il-Moviment Kerygma jorganiżża l-“Premju Żagħżugħ tas-Sena” bil-għan li joħroġ fil-beraħ l-impenn taż-żgħażagħ b’mod nisrani fis-soċjetà Maltija.
Il-Premju hu miftuħ għal dawk iż-żgħażagħ kollha li juru sens kbir ta’ impenn fil-ħajja nisranija tagħhom ta’ kuljum u għalhekk jkunu ta’ eżempju qawwi għal żgħażagħ oħra.
Wieħed jista’ jinnommina żagħżugħ jew żagħżugħa li jikkwalifikaw u jimmerithom jkunu nnominati għal dan il-premju prestiġjuż. Niżżel Kopja tar-regolamenti u l-applikazzjoni minn hawn:
NIŻŻEL KOPJA TAL-FORMOLA TA’ APPLIKAZZJONI
L-applikazzjonijiet, ir-ritratti u d-dokumenti relattivi għall-Premju Żagħżugħ tas-Sena 2020 għandhom jintbagħtu b’email fuq info@kerygma.org.mt sa mhux aktar tard mill-Ġimgħa, 2 ta’ April. Dawn għandhom jinkludu kopja skennjata tal-formola tal-applikazzjoni bil-firem neċessarji. Applikazzjonijiet li jaslu wara din id-data ma jkunux ikkunsidrati. Hard-copy tal-formola tal-applikazzjoni u dokumenti oħra għandhom jaslu bil-posta għand il-Moviment Kerygma sa mhux aktar tard mil-Ġimgħa 9 ta’ April 2021.
Attivitajiet Ikkanċellati
Nixtiequ navżaw li minħabba ċ-ċirkostanzi li għaddej minnhom il-pajjiz bħalissa, u d-direttivi li ħarġet l-Arċidjoċesi ta’ Malta, l-attivitajiet kollha tal-Moviment huma sospiżi ndefinitivament sakemm navżaw mod ieħor.
L-Irtir tar-Randan li konna se norganizzaw bejn l-20 u t-22 ta’Marzu, huwa wkoll ikkanċellat. Dan qed isir bħala prekawzjoni u prudenza lejn il-membri tagħna kollha.
Dawk kollha li bbukkjaw għall-irtir u diġa’ ħallsu, se nirrifondulhom l-ammont li ħallsu.
Bħal dejjem nitolbu lil Madonna tal-Għar biex tħarisna lkoll u l-Maltin kollha minn dan il-virus.
L-EKUMENIŻMU FIL-ĦAJJA TAL-KNISJA
Il-laqgħa bdiet bit-Talba tal-Moviment.
L-Ekumeniżmu fil-Ħajja tal-Knisja hu r-relazzjoni bejn il-Knisja Kattolika u knejjes oħra. Hu parti mportanti mill-missjoni tal-Knisja li twassal il-Kelma ta’ Ġesu’ bil-kliem u bl-għemejjel. L-ekumeniżmu hu li l-Knisja tpoġġi fil-prattika dak li qal Ġesu’: “Nitlob li jkunu lkoll ħaġa waħda”.
Ġesu’ waqqaf knisja waħda, imma tul il-medda tas-sekli qamu firdiet kbar u serji.
Il-kelma Ekumeniżmu tfisser dak kollu li għandu x’jaqsam ma’ relazzjoni bejn insara ta’ knejjes differenti, imma mhux reliġjonijiet oħra, bħal Mussulmani, Buddisti, etċ. L-insara huma kollha membri tal-istess reliġjon Kristjana – huma lkoll mgħammdin f’isem it-Trinita’, għandhom l-istess Bibbja, jemmnu f’Ġesu’ Kristu, jiċċelebraw l-istess festi kbar. Dawn huma l-Kattoliċi, l-Insara Ortodosi u l-Insara Protestanti.
Mela Ġesu’ waqqaf Knisja waħda, imma maż-żmien seħħew xi firdiet. Fis-sena 1054 saret dik bejn il-Knisja ta’ Ruma u dik Ortodossa, meta l-Papa skomunika lill-Partijarka ta’ Kostantinopli fuq xi twemmin u tagħlim. Din l-iskomunika tneħħiet fl-1967 mill-Papa Pawlu VI. Il-firda seħħet ukoll minħabba kwistjoni ta’ użanzi, tal-mod kif jiċċelebraw il-Liturġija.
Firda oħra kbira seħħet fis-seklu sittax – dik ta’ Luteru. Il-Knisja kienet għaddejja minn żminijiet diffiċli, kien hemm affarijiet li ma kinux qed isiru sew. Kien hemm xewqa għal riforma. Dil-firda xterdet ħafna u malajr peress li kienet diġa ġiet ivvintata il-printing press (Gutenburg). Dak li qal Luteru nxtered malajr u n-nies bdiet tmur favur jew kontra l-Papa. Kieku kien hemm veru djalogu, kieku l-firda ma kinitx tikber u sseħħ. Luteru kellu lista ta’ 95 nuqqasijiet, fosthom dik tal-bejgħ tal-indulġenzi. Minn kwistjoni reliġjuża saret ukoll waħda politika – ir-reliġjon tiegħek trid tkun skond dik tas-sultan jew prinċep tiegħek. Qamu wkoll gwerer kbar minħabba f’hekk. Waħda minnhom damet sejra 30 sena – bejn 1618 u 1648. Mietu mijiet ta’ eluf ta’ nies.
Mela għandna Knisja b’diversi firdiet. Fl-1910 saret konferenza missjunarja f’Edinburgh, fl-Iskozja, fost xi knejjes Protestanti. Iddiskutew kif kienu qed jevanġelizzaw fl-artijiet tal-Imperu Ngliż. Kien hemm ix-xewqa ta’ għaqda bejniethom. Dil-konferenza ħalliet ċertu mpatt, imma kienet biss fost il-Protestanti. Xi għaxar snin wara anke l-Ortodossi wrew ix-xewqa li jitkellmu mal-Protestanti biex jibdew jaħdmu għall-għaqda fost l-Insara. B’hekk twieled il-Moviment Ekumeniku, imma l-Knisja Kattolika ma kinitx għadha nvoluta. Infatti kien hemm anke l-Projbizzjoni: Kattoliċi ma setgħux jidħlu fi knejjes Protestanti.
Kien il-Papa Ġwanni Pawlu XXIII li qal li rridu naħdmu għall-għaqda tal-knejjes. Minn snin qabel kien diġa predispost għal din il-ħaġa. Meta kien Nunzju fil-Bulgarija, pajjiż Ortodoss, għamel ħbieb mal-isqfijiet Ortodossi. L-istess għamel meta kien Nunzju fit-Turkija, fil-Greċja u f’Pariġi. Kien jitaqa’ magħhom u jgħinhom. Ried jgħannaq lil kulħadd. Permezz tiegħu, id-djalogu beda jsir possibbli.
Wieħed mill-għanijiet tal-Konċilju Vatican II kien li l-knisja taħdem għall-għaqda fost l-Insara, u b’hekk daħlet f’dan il-Moviment Ekumeniku. Infatti hemm dokument “Biex l-Għaqda Terġa’ SSeħħ mill-Ġdid”. Dan ġiet ppublikat fis-sena 1964.
Il-Moviment Ekumeniku li beda fl-1910 kompla jinfirex. Fl-1948 twaqqaf il-Kunsill Dinji tal-Knejjes – “World Council of Churches” – li wkoll kien qed jaħdem għal dan il-għan – l-għaqda fost l-insara. Il-Knisja Kattolika mhix membru sħiħ, imma osservatur. Pero’ xorta tagħti sehem importanti fil-ħidma tiegħu. Il-Knisja Kattolika mhix membru sħiħ minħabba kwistjoni ta’ min hu knisja u min mhux. Biex ikun hemm knisja irrid ikun hemm struttura. Fost il-Protestanti hemm min tilef is-suċċessjoni appostolika. Għandhom ministers u pastors imma mhux qassisin. Tilfu l-Ewkaristija u s-Saċerdozju. Allura jidħol id-dibattitu: dawn veru knejjes? Il-Konċilju Vatikan II jitkellem dwar knejjes u komunitajiet ekklesjali – għandhom aspetti ta’ knisja imma m’għandhomx il-ġerarkija – isqfijiet, saċerdoti u djakni. Allura mhumiex knejjes fil-veru sens tal-kelma.
Luteru, li kien studjuż u ħassieb, ħa s-silta tal-ewwel ittra ta’ San Pietru: “Intom saċerdozju qaddis”. Tkellem dwar is-saċerdozju komuni tal-fidili. Aħna, bil-magħmudija, irċevejna s-saċerdozju universali tal-fidili, imma mnhux dak ministerjali. Li ġara hu li Luteru ħadu fl-estrem u hemm żbalja. Allura bdew jagħżlu minn fosthom nies biex jippriedkaw, imexxu komunita’. Bdew anke jagħmlu ċerimonji simili tal-ordinazzjoni.
Meta fl-1967 il-Ppapa Pawlu VI iltaqa’ mal-Arċisqof ta’ Canterbury, Michael Ramsay, dan kien tah iċ-ċurkett tiegħu. Il-Papa kien qed jirrikonoxxi li dan l-Arċisqof, għalkemm mifrud, kellu rwol fil-Knisja Anglikana – tmexxija, sejħa minn Alla, imexxi t-talb.
Il-Papa Franġisku, biex jikkommemora il-50 sena minn din il-laqgħa, għamel servizz ekumeniku u lilll-Arċisqof ta’ Canterbury, Justin Welby, tah kopja tal-baklu tal-Papa Girgor il-Kbir. Dan, fi żmien is-seklu sitta, kien bagħat il-missjunarji Benedittini fl-Ingilterra biex jevanġelizzaw. B’dan il-ġest il-Papa qisu qed jirrikonoxxi ir-rwol ta’ tmexxija.
L-Ekumeniżmu hu dawk l-isforzi kollha li jsiru biex l-insara jersqu lejn xulxin. Illum ersaqna ħafna, għalkemm m’aħniex magħqudin. Għalhekk ma nistgħux nagħmlu l-Ewkarisitja flimkien, imma talb flimkien għall-għaqda jista’ jsir. Infatti sar servizz ta’ Ras ir-Randan bejn Kattoliċi u Protestanti flimkien – iċ-ċerimonja tal-irmied. Kienet xi ħaġa li lill-Protestanti mpressjonathom ħafna.
Hemm diversi tipi ta’ Ekumeniżmu. Hemm l-Ekumeniżmu Spiritwali – li nitolbu flimkien, nisimgħu l-kelma t’Alla flimkein, inkantaw flimkien.
Hemm l-Ekumeniżmu fuq livell uman. Per eżempju, issir taf li l-ġara tiegħek hi membru ta’ knisja oħra. Titkellem magħha, ssaqsija fuq il-knisja tagħha, tkellimha fuq il-festi tagħna. Taħseb f’dak li jkun, iżur fl-isptar, tgħin. B’hekk jibdew jaqgħu l-ħitan.
Hemm Ekumeniżmu Dottrinali. Dawn ikunu esperti, teoloġi li jiltaqgħu biex jiddiskutu suġġetti partikolari. Jissejħu djalogi bilaterali.
Hemm l-Ekumeniżmu Soċjali. Isiriu inizzjattivi bejn Kattoliċi, Ortodossi u Protestanti biex jgħinu l-istess għan, l-istess kawża ġusta, kemm f’Malta u kemm barra. Kull meta jsir servizz ekumeniku issir ġabra li tmur għal għan wieħed. Din is-sena marret għat-terremotati tal-Albanija. Issir ukoll ħidma ta’ twinning, per eżempju, bejn djoċesi Kattolika u oħra Ortodossa.
Hemm ukoll l-Ekumeniżmu tad-Demm – tal-Martri. Ħafna nies mietu martri għax kienu Nsara, jemmnu fi Kristu, imma mhux neċessarjament Kattoliċi. Id-demm tal-martri tħallat u l-Papa jgħid li b’hekk diġa hemm l-għaqda. Eżempju ta’ dawn huma l-Martri tal-Uganda. (1887).
(Hawnhekk saru xi mistoqsijiet)
Meta tidħol ġo knisja Protestanta tista’ titqarben?
Tista’ tidħol fi knisja Protestanta imma ma tistgħax titqarben. Ghalkemm hemm similjanzi mal-quddiesa tagħna, għad m’hemmx għaqda. Tista’ titlob, tista’ titla biex tirċievi barka. Mhux kwistjoni li titla titqarben biex ma turtax lil dak li jkun. Dawn huma jifhmuha M’għandniex nagħtu sinjal ta’ xi ħaġa li aħna m’aħniex, għax hemm il-firda. Huma ma jemmnux fil-Preżenza Reali, jew li nbidlet is-sustanza. F’każ ta’ emerġenza biss tista’ per eżempju tqerr fi Knisja Ortodossa
Il-Papa Ġwanni Pawlu II kien qal: “Hemm bżonn li nsibu mezz kif nistgħu nistudjaw flimkien, aħna u l-Orotdossi, kif jien nista’ neżerċita r-rwol tiegħi bħala Isqof ta’ Ruma”. Il-Papa Franġisku, l-ewwel darba li deher fil-pubbliku, qal li hu l-Isqof ta’ Ruma. Din lill-Ortodossi għoġbithom ħafna. Infatti l-Patijarka mar personali għaċ-ċerimonja tal-Papa.
Fil-bidu tal-Knisja kien hemm ħames patrijarkati – Ruma, Lixandra, Kostantinopli, Ġerusalemm u Antijokja. Dak ta’ Ruma kellu r-rwol l-iktar importanti.
Dwar il-miġja tal-Papa f’Malta, donnu li dan qed iżur il-postijiet tal-periferija. Hemm min semma l-emigranti, anke minħabba li t-tema “U laqgħuna bi ħlewwa liema bħala ssemmiet diversi drabi.
Il-laqgħa għalqet bit-Talba tal-Missierna.
Prayer Cafè: Il-Qrar
Is-sagrament tal-qrar
X’inhuwa l-qrar? Għalfejn għandna bżonn inqerru?
Il-qrar huwa s-sagrament li:
a. bih jinħafru d-dnubiet mejta u d-dnubiet venjali;
b. jerġa’ jħabbibna mill-ġdid ma’ Alla u mal-Knisja (il-Ġisem Mistiku ta’ Kristu). M’hemmx komunjoni m’Alla jekk m’hemmx komunjoni mal-Ġisem Mistiku ta’ Kristu, li hu l-Knisja. Kristu huwa l-Medjatur bejn Alla u l-bniedem. Aħna nieħdu sehem fil-ħajja divina permezz ta’ Kristu.
c. idewwaqna l-ħniena t’Alla, biex kif Alla juri ħniena magħna u jaħfrilna, aħna nħennu u naħfru lil min jonqosna;
d. jerġa’ jagħtina l-grazzja li nkunu tlifna minħabba d-dnub – Alla jerġa’ jgħammar fil-qalb tagħna – jerġa’ jieħu postu fina.
e. jagħtina l-qawwa u l-grazzji li neħtieġu biex intejbu l-ħajja tagħna.
X’għandi nagħmel biex nagħraf dnubieti?
a. Nitlob l-għajnuna t’Alla biex idawwalli moħħi u qalbi ħalli nara u nagħraf dnubieti;
b. Nagħraf fiex inqast mill-qima tiegħi lejn Alla u fiex inqast milli nagħmel il-ġid lill-oħrajn:
i. bil-ħsieb;
ii. bil-kliem;
iii. bil-għemil;
iv. għax ma għamiltx dak li kelli nagħmel.
c. Nara liema kmandamenti ma ħaristx: fiex inqast mill-ġustizzja lejn Alla u lejn l-oħrajn;
d. Inqabbel ħajti mat-tagħlim u l-ħajja ta’ Ġesu’, jien u nistaqsi:
i. Ċekkint lili nnifsi? Kont ta’ servizz għall-ġid tal-oħrajn? Ħadd ħsieb ta’ min hu mwarrab, magħkus u mkassbar? Ħadt ħsieb il-morda? Ġibt ruħi mal-midinbin bħal Ġesu’? Għamilt sagrifiċċji għall-ġid tal-oħrajn? Qalbi kemm hi marbuta mal-mobile, mat-TV, mal-flus, mal-partiti politiċi? Kif nuża l-flus, l-affarijiet u l-ħin?
ii. Kieku Ġesu’ kien minfloki x’kien jagħmel?
ii. Qed nara lil Ġesu’ fl-oħrajn?
iii. Nara fiex inqast fl-imħabba lejn Alla u lejn il-proxxmu.
e. Inqabbel ħajti mat-tagħlim tal-Knisja (l-applikazzjoni tat-Tagħlim t’Alla fid-dinja tal-lum).
f. Nistaqsi wkoll:
i. Kif inġib ruħi d-dar?
ii. Kif inġib ruħi mal-ħbieb? Nurihom rispett? Nipprova nkun ħabib ta’ kulħadd? Meta jweġġgħuni nkun lest li naħfrilhom? Ġieli pattejthielhom? Ġieli qagħdt niftaħar u nigdeb biex niġbed l-attenzjoni fuqi?
iv. Kif inġib ruħi m’Alla u fil-Knisja? Nitlob? Nimpennja ruħi fil-Knisja? Nieħu sehem fil-quddiesa tal-Ħadd? Immur inqerr ta’ spiss? Kemm hu għal qalbi Alla? Kemm hu għal qalbi li nitgħallem dwar Alla u l-ħajja Nisranija?
X’inhi l-indiema?
a. L-indiema tirreferi għal meta jiddispjaċini minn dnubieti għax bihom nonqos lil Alla li tant iħobbni li mingħajr ma jistħoqqli ta ħajtu għalija u għall-bnedmin kollha biex jeħlisna proprju mid-dnub. L-indiema tfisser ukoll li jiddispjaċini għall-ħsara li nkun għamilt lill-oħrajn.
b. Biex inkun nista’ nindem, l-ewwel irrid nagħraf il-ħażin li nkun għamilt.
c. L-indiema titlob minni rieda li nagħmel ħilti kollha biex ma nerġax nidneb.
d. L-indiema m’hijiex sempliċement sens ta’ ħtija jew jiddispjaċini għax miniex raġel/mara tajjeb/tajba daqs kemm nixtieq.
Għalfejn l-indiema?
a. L-indiema tiftħilna qalbna biex nilqgħu l-maħfra t’Alla.
b. Alla m’għandux bżonn l-indiema tagħna biex jaħfrilna. Huwa aħna li għandna bżonn nindmu biex nilqgħu l-maħfra tiegħu.
c. Alla, min-naħa tiegħu, jaħfrilna qabel ma nindmu, qabel ma nitolbuh maħfra.
d. L-ebda dnub, gravi kemm hu gravi ma jista’ jnaqqas bi ftit l-imħabba t’Alla għalina. Id-dnub jagħlaq lil qalbna għal Alla u mhux lil Alla għalina.
L-imħabba t’Alla għalina
- L-imħabba t’Alla għalina (għal kull bniedem) hija infinita u ma tinbidel qatt.
- Jekk nassumu, biex niftehmu, li l-imħabba t’Alla hija 100, jien ma nista’
nagħmel xejn
la biex inżidha
u lanqas biex innaqqasha.
- L-ebda dnub, kbir kemm hu kbir, mhu se jnaqqas l-imħabba t’Alla (minn 100 tiġi 99) u
- l-ebda opra tajba, qaddisa kemm hi qaddisa, mhi ser iżżid l-imħabba t’Alla għalina (minn 100 tiġi 101).
- Alla jħobbna għax aħna bnedmin, indipendentement minn għemilna.
- L-għemil tajjeb jiftħilna qalbna biex nilqgħu l-imħabba t’Alla għalina u l-għemil ħażin (id-dnub) jagħlqilna qalbna biex nilqgħuha.
- L-għemil tajjeb jew ħażin bidla fina jġib u mhux f’Alla. Aħna ma nistgħux inbiddlu lil Alla.
Kif nistqarr id-dnubiet?
a. Wara li nagħraf dnubieti, għandi nistqarrhom quddiem is-saċerdot b’qalb umli u niedma.
b. M’hemmx għalfejn nirrakkontaw stejjer, qisna rridu niġġustifikaw lilna nnfusna.
c. Wisq inqas għandna nqerru d-dnubiet ta’ ħaddieħor jew nilgħabuha tal-vittmi.
d. Qatt u qatt m’għandna noqgħodu niftaħru b’kemm aħna bravi.
Hemm maħfra tad-dnubiet barra mis-sagrament tal-qrar?
a. Is-sagrament per eċċellenza għall-maħfra tad-dnubiet huwa l-magħmudija, li fih jinħafer id-dnub tan-nisel u d-dnubiet li nkunu għamilna qabel il-magħmudija. It-trabi ma jkollhomx dnubiet personali.
b. Bis-sagrament tal-qrar jinħafru d-dnubiet personali, kemm id-dnubiet mejta u kemm dawk venjali.
i. Fil-qrar għandna l-obbligu li nqerru d-dnubiet mejta u mħeġġin inqerru wkoll id-dnubiet venjali.
ii. Biex il-qrara tkun valida, min iqerr irid ikun nidem minn dnubietu. Jekk min iqerr ma jindimx, anke jekk is-saċerdot jagħtih l-assoluzzjoni (għax ma jistax jara x’hemm f’qalb il-bniedem), il-qrara ma tgħoddx.
c. Waqt is-sagrifiċċju tal-quddiesa, b’mod partikolari fl-att penitenzjali, jinħafru d-dnubiet venjali. Anke f’dan il-mument wieħed irid jagħraf dnubietu u jindem minnhom biex jinħafru.
d. Sagrament ieħor li jaħfer id-dnubiet huwa l-Griżma tal-morda. Jekk wieħed hu marid u ma jistax iqerr jew hu mitluf minn sensieh, imma meta kien f’sensieh dejjem wera x-xewqa li jqerr, l-Griżma tal-morda taħfer id-dnubiet mejta u venjali.
e. Id-dnubiet venjali jinħafru wkoll bl-opri tal-ħniena, bil-penitenzi, bis-sawm u bis-sagrifiċċji.
Dnubiet mejta u dnubiet venjali
X’inhuwa d-dnub?
a. Id-dnub huwa kull forma ta’ offiża lil Alla: kull ħaġa li ma taqbilx mal-ħajja t’Alla. Id-dnub jissejjaħ dnub għax jagħmel ħsara lilna u lill-oħrajn.
b. Id-dnubiet jinqassmu fi tnejn:
i. id-dnub oriġinali/tan-nisel;
ii. id-dnub personali – dak li nagħmlu aħna, li jinqassmu fi tnejn:
- id-dnubiet mejta – li jifirduna minn Alla, minħabba l-gravita’ tagħhom;
- id-dnubiet venjali – li jbegħduna minn Alla.
Distinzzjoni bejn id-dnub u l-ħtija:
- Id-dnub huwa l-għemil jew nuqqas ta’ għemil. L-għemil jista’ jkun bil-ħsieb u bil-kliem ukoll. Wara kull għemil hemm xi ħadd li jagħmlu.
- Il-ħtija tad-dnub tiddependi mill-intenzjoni ta’ min qed jagħmel l-għemil u miċ-ċirkustanzi li jinsab fihom.
- Jista’ jkun hemm id-dnub mingħajr il-ħtija, kif ukoll ħtija mingħajr dnub.
- Eżempju: Jien kont qed insuq b’attenzjoni kbira u bil-għaqal. Iżda f’daqqa waħda ħariġli wieħed u ġie taħt ir-roti u miet. Jien ma kelli l-ebda intenzjoni noqtlu u min-naħa tiegħi ma kontx qed insuq bit-traskuraġġni. Il-qtil (l-għemil) huwa dejjem dnub. Imma f’dan il-każ jien m’iniex ħati tal-qtil, għax jien kont qed insuq għall-affari tiegħi biex nasal id-dar (intenzjoni). Il-proxxmu li tajjart ħareġ bl-addoċċ u sab ruħu taħt il-karozza tiegħi (ċirkustanzi).
- Kif qed naraw għandna l-għemil fih innifsu li l-moralita’ tiegħu (jekk hux tajjeb jew ħażin) ma jiddependix minn min jagħmlu, imma minnu nnifsu, bħalma hu l-qtil.
- Għandna l-intenzjoni, li tiddependi minn min jagħmel l-għemil – għandha x’taqsam mal-ħtija (iżżid u tnaqqas il-ħtija)
- Għandna ċ-ċirkustanzi, li wkoll inaqqsu jew iżidu l-ħtija. Kull min jaġixxi huwa dejjem f’ċirkustanzi partikolari.
Għalfejn ċertu dnubiet jissejħu dnubiet mejta?
a. Biex inħarsu l-ġid tagħna u tal-oħrajn, il-ħajja tagħna trid issir tixbah lill-ħajja t’Alla, jiġifieri għandna nġibu ruħna mal-oħrajn, bl-istess mod kif Alla jġib ruħu magħna: kif Alla jħobbna, hekk aħna għandna nħobbu lil xulxin.
b. Bid-dnubiet mejta mhux talli ma nixbhuhx lil Alla talli proprju nagħmlu l-kuntrarju. Meta l-ħajja t’Alla, l-imħabba t’Alla, ma tkunx fina, ħajjitna tispiċċa mingħajr il-ħajja t’Alla. F’dan is-sens dawn id-dnubiet jissejħu dnubiet mejta, għax Alla, l-għajn tal-ħajja, ma jgħixx aktar fina – inkeċċuh ‘il barra minn qalbna.
Liema huma d-dnubiet mejta?
a. Kull dnub direttament kontra Alla huwa dnub mejjet:
i. Meta nħalli xi ħaġa oħra tieħu post Alla f’qalbi, bħal per eżempju, l-flus, ix-xogħol, ix-xalar, il-politika, l-isports, il-hobbies, eċċ. Meta naħsbu u nemmnu li dawn kollha huma aktar importanti minn Alla fil-ħajja tagħna. Meta għal dawn l-affarijiet lesti li nagħmlu kollox u kull sagrifiċċju u għal Alla nġibu kull skuża immaġinabbli. Meta nsibu ċans għal kollox u qatt ma nsibu ċans għall-quddies tal-Ħadd, għat-talb u biex ngħix il-ħajja Nisranija. Meta niċħdu l-eżistenza t’Alla; jkollna sentimenti ta’ mibegħda lejn Alla, niċħdu l-fidi Kattolika, bil-kliem u bl-għemil. Dawn huma dnubiet kontra l-ewwel kmandament;
ii. meta nwaħħal f’Alla jew nakkuża lil Alla ta’ xi ħsara jew għawġ li nkun għaddej minnu, id-dagħa, kif ukoll dnubiet oħra kontra t-tieni kmandament;
iii. meta ma nieħux sehem fis-sagrifiċċju tal-quddiesa fil-Ħdud u l-festi kmandati, għax nuri ingratitudni gravi lejn Alla li ta ħajtu għalija fuq is-salib, jiġifieri id-dnubiet kontra t-tielet kmandament.
b. Dnubiet gravi lejn l-oħrajn: mibegħda, egoiżmu (naħseb biss fija nnifsi u ma jinteressanix minn ħaddieħor), il-kattiverja, nixtieq id-deni lil ħaddieħor, il-vjolenza, ir-razziżmu, ngħajjar u noffendi bi ħdura, il-qtil, l-għira, ir-regħba u l-kilba għall-flus, dejjem irrid u moħħni biex inkun aħjar minn ħaddierħor, is-serq, is-suppervja, l-arroganza u l-gideb gravi. L-isfruttament tal-ħaddiema / impjegati jew meta niskartaw minn fuq ix-xogħol, nieħdu mill-Istat, mill-flus tal-poplu, dak li ma jistħoqqilnniex, ma nħallsux it-taxxi, bla ebda raġuni, meta nserrħu fuq dahar ħaddieħor u napprofittaw mill-ġenerożita’ tagħhom, qerq gravi, meta nissfruttaw lil ħaddieħor għall-pjaċir sesswali, kemm fiż-żwieġ u kemm barra ż-żwieġ, meta l-ġenituri ma jrabbux sew ‘l-ulied u jkunu ta’ eżempju ħażin għalihom.
c. Biex ikun hemm ħtija ta’ dnub mejjet, jeħtieġ li jiġu mħarsa dawn il-kundizzjonijiet:
i. li jkun għemil gravi, jiġifieri ssir ħsara kbira lil ħaddieħor u ssir inġustizzja kbira lejn Alla: iċ-ċirkustanzi jistgħu jiggravaw jew inaqqsu l-gravita’;
ii. min jagħmlu jkun jaf x’inhu jagħmel;
iii. irid jagħmlu b’rieda sħiħa.
d. Id-dnub mejjet jeqred fina l-imħabba u jifridna minn Alla.
Id-dnubiet venjali
a. Id-dnubiet venjali: wieħed ma jfittixhomx u lanqas biss iridhom imma minħabba stress, l-għejja, dgħufija u ċirkustanzi simili jaqa’ fid-dnub.
Il-kuxjenza
- Il-kuxjenza m’hijiex l-opinjoni tiegħi, kif naħsibha jien jew għax jien hekk nemmen.
- Il-kuxjenza hija l-vuċi t’Alla fil-qalb tal-bniedem.
- It-tagħlim t’Alla u tal-Knisja idawwal qalb u moħħ il-bniedem biex jagħraf x’inhu s-sewwa u xi jrid Alla fis-sitwazzjoni partikolari li jinsab fiha.
Prayer Cafè: Ġesu u l-Liġi
Dskussjoni dwar il-Liturġija tas-VI Ħadd tas-Sena [A]
- Is-Sens tat-Terminu Liġi.
Fit-Testment il-Ġdid it-terminu liġi jintuża f’żewġ sensi differenti. Hemm testi fejn il-Liġi huma kotba tat-Testment il-Qadim [Ġw 10,34; 12,34; 15,25; Rum 3,19; 1 Kor 14,21], aktar u aktar meta il-Liġi tissemma flimkien ma’ il-Profeti. Fil-bidu tas-silta li se tinqara nhar il-Ħadd Ġesù jalludi għal-Liġi f’dan is-sens: “Xejn taħsbu li jien ġejt inwaqqa’ l-Liġi jew il-Profeti” [v. 17]. In-nies kienet temmen li l-kotba tat-Testment il-Qadim kienu jitkellmu fuq il-wegħdiet li Alla kien għamel lill-poplu Lhudi, u fil-bidu tas-silta ta’ dan il-Ħadd Ġesù jgħid li fil-missjoni tiegħu mhux talli ma kienx se jġib fix-xejn il-wegħdiet tat-Testment il-Qadim, talli kien se jwassalhom fil-milja tagħhom, jiġifieri kienu se jseħħu fil-missjoni tiegħu.
Din l-ideja niltaqgħu magħha f’diversi siltiet tat-Testment il-Ġdid. Meta Filippu sab lil Natanjel qallu, “Sibna lil dak li fuqu kitbu Mosè fil-Liġi, u l-profeti fil-kotba tagħhom: Ġesù minn Nazaret, bin Ġużeppi” [Ġw 1,45]. Wara l-qawmien mill-imwiet lid-dixxipli ta’ Għemmaws fissrilhom kull ma kien hemm fuqu fit-Testment il-Qadim [= l-Iskrittura], fil-kotba tal-Liġi ta’ Mosè u tal-Profeti [Lq 24,27], u lill-appostli fetħilhom moħħom biex jifhmu t-Testment il-Qadim [= l-Iskrittura] u spjegalhom kif kien seħħ dak kollu li kien inkiteb fuqu fil-kotba tal-Liġi ta’ Mosè, tal-Profeti u tas-Salmi [Lq 24,46].
Imma t-terminu liġi jintuża f’sens ieħor. It-Testment il-Qadim jirrakkonta l-Patt li Alla kien għamel mal-poplu Lhudi wara li kien ħelsu mill-jasar tal-Eġittu. F’dik okkażjoni Alla kien ta l-liġi lil Mosè u l-komunità kienet aċċettat li toqgħod għaliha. Fit-Testment il-ġdid il-kmandamenti, il-preskrizzjonijiet, l-ordnijiet tal-Patt jissejjħu il-Liġi ta’ Mosè [Lq 2,22.39; Ġw 7,23; Atti 13,38; 15,5; Lhud 10,28] jew il-Liġi ta’ Alla [Mt 15,6]. Jingħad, per eżempju: “Wara li [il-ġenituri ta’ Ġesù] għalqilhom iż-żmien għall-purifikazzjoni tagħhom skont il-Liġi ta’ Mosè, ħaduh Ġerusalemm biex jippreżentawh lill-Mulej kif hemm miktub fil-Liġi tal-Mulej… u biex joffru b’sagrifiċċju par gamiem jew żewġ bċieċen kif jingħad ukoll fil-Liġi tal-Mulej” [Lq 2,22-24]. Din il-Liġi in-nies kienet issibha fil-kotba tal-Eżodu, Levitiku, Numri u Dewteronomju.
Fil-Vanġelu ta’ dan il-Ħadd Ġesù jitkellem anki fuq din il-Liġi, u l-atteġġjament tiegħu lejn il-preskrizzjonijiet ta’ din il-Liġi hu differenti ħafna mill-atteġġjament tiegħu il-kotba tal-Liġi bħala espressjoni tal-wegħdiet li Alla kien għamel lill-komunità.
- Il-Liġi tal-Patt
Wara li l-poplu Lhudi ħeles mill-jasar tal-Eġittu mar fid-deżert u hemmhekk iuntrabat b’Patt ma’ Alla. Alla ntrabat li jħares lill-komunità, imma ried li l-komunità tintrabat li tħares ċerti kundizzjonijiet. Dawn il-kundizzjonijiet ma kienux ir-riżultat ta’ xi trattativa bejn Alla u l-komunità, imma kienu kundizzjonijiet li Alla nnifsu ddeċidiehom unilateralment. Il-komunità kellha l-libertà taċċetta jew ma taċċettax li tintrabat f’Patt ma’ Alla, imma la aċċettat ma kellhiex għażla ħlief li toqgħod għall-kundizzjonijiet li Alla kien impona. Il-Liġi ta’ Mosè fis-sens ta’ kmandamenti, preskrizzjonijiet, u ordnijiet kienet tispeċifika dawn il-kundizzjonijiet.
Forsi nimmaġinaw li l-uniċi kundizzjonijiet tal-Patt kienu l-għaxar kmandamenti, imma s-sitwazzjoni kienet aktar kumplikata minn hekk. L-għaxar kmandamenti kienu meqjusin bħala l-kundizzjonijiet tal-Patt minn żminijiet antiki, imma matul iż-żminijiet inħass il-bżonn li l-kundizzjonijiet tal-Patt ikunu aktar speċifiċi u dettaljati minħabba li s-sitwazzjoni tal-komunità kienet qed tinbidel minn żmien għal żmien. Fi ħdan il-komunità kien hemm mill-bidunett grupp ta’ nies li f’isem Mosè setgħu jifformulaw liġijiet ġodda u jippreżentawhom bħala espressjoni tar-rieda ta’ Alla għall-komunità. Meta kienu jagħmlu hekk l-ideja kienet: kieku Alla kellu jagħmel Patt magħna llum dawn huma l-kmandamenti, l-preskrizzjonijiet, u l-ordnijiet li kien jagħti lil Mosè biex jimponihom fuqna. Dan il-proċess ta’ liġijiet ġodda li jispeċifikaw il-kundizzjonijiet tal-Patt dam sejjer sekli sħaħ, u hekk il-Liġi ta’ Mosè f’dan is-sens kibret u kbiret. Ir-riżultat kien li fil-ħafna liġijiet li llum nsibu fil-kotba tal-Eżodu, Levitiku, Numri u Dewteronomju mhux dejjem hemm koerenza, u n-nies kultant kienet issibha diffiċli kif taqbad tagħmel biex toqgħod għall-kundizzjonijiet tal-Patt.
Hu x’inhu, għall-ħabta ta tmiem is-seklu erbgħa q.K. dan il-proċess li jiżdiedu liġijiet ma’ dawk li diġà kien hemm intemm darba għal dejjem. It-test tal-kmandamenti, preskrizzjonijiet, u ordnijiet kien meqjus sagru, fiss darba għal dejjem, u ħadd aktar ma kellu s-setgħa jżid jew inaqqas minnu. Biss is-sitwazzjoni tal-komunità ma kienitx fissa darba għal dejjem, baqgħet tinbidel, u aktar ma kienet tinbidel aktar kien jinħass il-bżonn li xi ħadd jgħid lin-nies kif kellhom jagħmlu ħa joqogħdu għall-Liġi. Lejn tmiem it-TQ kien hemm imgħallmin tal-Liġi li kienu jgħallmu reguli pratiċi kif wieħed għandu jħares il-Liġi. Dawn it-tradizzjonijiet kienu ta’ awtorità tant li, bħal-Liġi miktuba, kienu meqjusin daqskieku ġejjin minn Mosè nnifsu. Dawk l-imgħallmin li kienu jgħaddu dawn it-tradizzjonijiet kienu jgħidu li meta Mosé ta l-Liġi taha mhux biss bil-miktub imma anki bil-kelma tal-fomm, u huma kienu qed igħallmu dak li kien għallem Mosè bil-kelma fomm. Għalhekk saħansitra Ġesù kien jgħid li biex igħallmu dawn l-imgħallmin kienu joqogħdu fuq il-katedra ta’ Mosè [Mt 23,2], u kienu jgħallmu fl-iskejjel tagħhom u nhar ta’ Sibt fis-singagoga [Atti 15,21]. It-Testment il-Ġdid jagħmel allużjoni għal dawn it-tradizzjonijiet [Mk 7,3; Ġw 2,6; Gal 1,14].
Dawn it-tradizzjonijiet mhux dejjem kienu jaqblu bejniethom, għax għal ċerti sitwazzjonijiet xi imgħallmin kienu jgħidu mod u oħrajn kienu jgħidu mod ieħor. Il-każ klassiku li jsemmih anki t-Testment il-Ġdid hu l-każ tad-divorzju. Fit-Testment il-Qadim jingħad li Mosè kien ippermetta d-divorzju, imma ma kienx speċifika liema huma ċ-ċirkustanzi fejn hu permess id-divorzju [Dewt 24,1-4]. U kien hemm imgħallmin li kienu stretti u kienu jgħidu li hu permess f’ċirkustanzi rari, imma kien hemm oħrajn li kienu aktar liberali u kienu jgħidu li hu permess kważi f’kull ċirkustanza. Il-Fariżej ippruvaw jimplikaw lil Ġesù f’din il-kontroversja [Mt 19,3].
- Ġesù, il-Liġi u t-Tradizzjonijiet Tagħha.
Ġesù kellu stima kbira tal-Liġi u sa ċertu punt anki ta’ dak li kienu jgħallmu l-imgħallmin tal-Liġi. Kellu stima kbira tal-Liġi għax bħall-bqija tal-komunità kien jagħraf li biex wieħed jibqa’ fidil għall-Patt kien neċessarju li wieħed iħares il-Liġi. Biss, kif naraw aktar ’l isfel, bħall-imgħallmin tal-Liġi, għallem kif wieħed għandu jħarisha. Sa ċertu punt kellu stima kbira anki għat-tagħlim li l-imgħallmin tal-Liġi dment li dak li kienu jgħaddu kien jirrifletti dak li kien stabilixxa Mosè. Darba minnhom qal lin-nies, “Fuq il-katedra ta’ Mosè qagħdu l-kittieba u l-Fariżej. Mela kulma jgħidulkom huma agħmluh u ħarsuh” [Mt 23,2-3]. U fil-Vanġelu ta’ dan il-Ħadd jgħid, “Jekk xi ħadd iġib fix-xejn wieħed mill-iżgħar minn dawn il-kmandamenti u jgħallem lin-nies biex jagħmlu l-istess, dan jissejjaħ l-iżgħar fis-Saltna tas-Smewwiet. Imma min iħarishom u jgħallimhom, dan kbir jissejjaħ fis-Saltna tas-Smewwiet” [Mt 5,19]. Kellu anqas stima tal-mod kif kienu jinterpretaw u japplikaw dak li kien stabilixxa Mosè [cf. Mt 15,1-20; 16,6; 19,3-9]. Jiddistingwi bejn dak li kien stabilixxa Mosè u dak li kienu jgħallmu l-imgħallmin tal-Liġi.
Fil-Liġi Ġesù jiddistingwi tlett tipi ta’ preskrizzjonijiet. L-ewwelnett kien hemm dawk il-preskrizzjonijiet li lil dak li jkun kienu jobbligawh jagħmel hekk jew hekk. Per eżempju, il-Liġi kienet tobbliga lill-Lhud jagħmlu pellegrinaġġ lejn it-Tempju biex jiċċelebraw il-festi prinċipali: Għid [Dewt 16,1-8; Lev 23,5-8], Pentekoste [Dewt 16,9-12; Lev 23,15-21; Num 28,26-31], Għerejjex [Dewt 16,13-15; Lev 23,33-43; Num 29,12-39]. Kienet tobbliga il-ħarsien tal-mistrieħ nhar ta’ Sibt [Eż 20,10; Dewt 5,12-15]. Ġesù dejjem qagħad għal dak li kienet tobbliga l-Liġi.
Fil-Liġi kien hemm ukoll serje ta’ preskrizzjonijiet li lil dak li jkun kien jipprojbulu li jagħmel hekk jew hekk. Per eżempju, fl-għaxar kmandamenti il-Liġi kienet tipprojbixxi il-qtil, l-adulterju, is-serq, ix-xhieda falza, kull xenqa għal dak li hu ta’ ħaddiehor [Eż 20,13-17; Dewt 5,17-21]. Anki hawn Ġesù qagħad għal dak kollu li kienet tipprojbixxi il-Liġi.
Fil-Liġi kien hemm imbagħad serje ta’ preskrizzjonijiet li lil dak li jkun jppermettulu jagħmel hekk jew hekk, u kienu jħallu f’idejh biex jiddeċiedi x’jagħmel. Il-Liġi ta’ Mosè kienet tippermetti li wieħed ipattieha lil min jagħmilu l-ħsara. Din kienet il-lex talionis, għajn għal għajn u sinna għal sinna [Eż 21,23-25; Lev 24,19-20; Dewt 19,21]. Il-Liġi ta’ Mosè kienet tippermetti d-divorzju [Dewt 24,1-4]. Ġesù ħeġġeġ lil dak li jkun biex ma japprofittax ruħu minn kull ma tippermettilu l-Liġi u f’sitwazzjonijiet bħal dawn juri mħabbtu [Mt 5,31-32.38-42; 19,1-9].
Il-fedeltà għall-Liġi ta’ Mosè Ġesù riedha tkun espressjoni tal-imħabba lejn Alla u lejn il-proxxmu. Meta darba wieħed mill-imgħallmin tal-Liġi staqsieh liema kien l-akbar kmandament Ġesù wieġeb li kien il-kmandament tal-imħabba lejn Alla u lejn il-proxxmu [Mt 23,34-40; Mk 12,28-31; Lq 10,25-28]. U dan fil-prattika kien ifisser li wieħed kellu jħares il-Liġi għall-imħabba ta’ Alla u tal-proxxmu, u jekk wieħed ma japprofittax ruħu mill-possibilitajiet li kienet tagħtih il-Liġi kellu jagħmlu għall-imħabba t’Alla u tal-proxxmu. U spjega anki x’kien il-kunċett tiegħu ta’ mħabba. Mhux sempliċement li tħobb lil min iħobbok, imma tħobb lil kulħadd, l-aktar lil min hu fil-bżonn [Mt 5,38-48].
Taħt dan l-aspett l-atteġġjament ta’ Ġesù kien differenti ħafna minn dak tal-imgħallmin tal-Liġi, il-Fariżej. Għalkemm kellu stima kbira ta’ dak li kienu jgħallmu l-Fariżej ħeġġeġ lin-nies biex il-Liġi ma jħarsuhiex kif kienu jħarsuha l-Fariżej [Mt 23,3]. Kien hemm raġunijiet għaliex Ġesù ma qabilx mal-mod kif kienu jħarsuha l-Fariżej, u waħda minnhom kienet li ma kienux qed iħarsuha għall-imħabba t’Alla u tal-proxxmu imma pjuttost għall-imħabba tagħhom infushom. Riedu jimpressjonaw lin-nies biex in-nies ikollha stima tagħhom. Kienu jfittxu l-ewwel postijiet fis-sinagoga u l-ogħla postijiet fl-imwejjed, u kienu jistennew li n-nies isselmilhom b’qima pubblikament u ttiehom it-titlu ta’ Rabbi [Mt 23,5-7]. Meta Ġesù tkellem fuq l-għoti tal-karità, talb, u sawm fil-moħbi u mhux għal għajn in-nies bħalma jagħmlu dawk ta’ wiċċ b-ieħor [Mt 6,1-6.16-18] kellu f’moħħu l-imġieba ta’ wiċċ b’ieħor tal-Fariżej [Mt 23,13.15.23.25.27.29].
- Il-Knisja u l-Liġi ta’ Mosè.
Dment li l-Vanġelu kien imxandar il-Palestina dawk li aċċettawh kienu Lhud; kienu jħossuhom membri tal-komunità Lhudija u kienu jħossuhom marbutin bil-Liġi ta’ Mosè. Kienu jiċċelebraw l-Ewkaristija għalihom, imma mal-bqija tal-komunità Lhudija kienu jieħdu sehem fil-liturġija tat-tempju u tas-sinagoga. Il-Knisja sabet ma’ wiċċha problema kif il-Vanġelu ġie mxandar barra l-Palestina, l-aktar għaliex fil-missjoni ta’ Pawlu u Barnaba dawk li aċċettawh ma kienux ta’ nisel Lhudi. Fil-Knisja kien hemm xi nsara ta nisel Lhudi li bdew jitħassbu jekk l-insara li ma kienux ta’ nisel Lhudi kellhomx joqogħdu għal-Liġi ta’ Mosè għax dan kien neċessarju għas-salvazzjoni [Atti 15,1-4]. Biex jaffrontaw il-problema fis-sena 49 iltaqa’ l-Konċilju ta’ Ġerusalemm taħt it-tmexxija tal-appostli, li qatgħha li l-insara li ma kienux ta’ nisel Lhudi ma kienux marbutin bil-Liġi ta’ Mosè [Atti 15,7-12]. Probabbilment aktar tard kien hemm laqgħa oħra tat-tmexxija ta’ Ġakbu ħu l-Mulej li fformula kriterji li kienu jppermettu lill-insara ta’ nisel Lhudi l-insara l-oħra jiltaqgħu bejnietrhom [Atti 15,13-21].
Kien hemm żewġ raġunijiet li għalihom il-Konċilju ta’ Ġerusalemm ħass li ma kellux jimponi l-ħarsien tal-Liġi fuq l-insara li ma kienux ta’ nisel Lhudi. Kien hemm raġuni ta’ natura prattika. Ma kienx se jkun faċli li l-insara li ma kienux ta’ nisel Lhudi imorru Ġerusalemm biex jieħdu sehem fil-liturġija tat-Tempju, aktar u aktar li jitħallew jagħmlu dan mill-Lhud li ma kienux aċċettaw il-kritjaneżimu. Kien hemm ukoll raġuni ta’ natura teoloġika. Kien hemm min qed jgħid li s-salvazzjoni l-bniedem jiksibha bl-opri skont il-Liġi ta’ Mosè. Kienu konvinti li b’xi mod il-bniedem jista’ jikkundizzjona lil Alla, per eżempju bl-għoti tal-karità, bis-sagrifiċċji fit-Tempju, bl-ħarsien tal-Liġi. Meta l-bniedem iġib ruħu hekk Alla jtih dak li għandu bżonn, anki s-salvazzjoni. San Pawl kien jemmen li l-bniedem ma jistax jikkundizzjona lil Alla, u jekk b’xi mod jaħseb li jista’ jikseb is-salvazzjoni bl-osservanza tal-Liġi jkun qed jirrendi inutli l-missjoni ta’ Kristu. Is-salvazzjoni ma jiksibhiex bi dritt, imma hi grazzja li Alla ta lill-bniedem fil-missjoni ta’ Kristu.
Il-bniedem jgħix skont ir-rieda t’Alla għax jilqa’ l-grazzja li Alla offrielu fil-missjoni ta’ Kristu. Biex jgħix skont ir-rieda t’Alla il-bniedem joqgħod għal ċerti normi morali, u xi wħud minnhom qegħdin anki fil-Liġi ta’ Mosè. Imma nisrani josservahom mhux għax qegħdin fil-Liġi ta’ Mosè, imma għaliex jafhom mit-tradizzjoni nisranija kif tgħallimhom il-Knisja.
- Konklużjoni.
Kristu kien ħeġġeġ lil dawk li jridu jimxu warajh biex ma japprofittawx ruħhom minn dak li kienet tippermettilhom il-Liġi ta’ Mosè. L-insara llum mhumiex marbutin bil-Liġi ta’ Mosè, imma fil-punent qed jgħixu f’soċjetà permissiva, anzi soċjetà aktar permissiva minn dik tal-komunità Lhudija marbuta bil-Liġi ta’ Mosè. Is-soċjetà oċċidentali llum tippermettilek tgħix kif trid u kif jogħoġbok dment li ma tiksirx il-liġi ċivili, u tgħix kif tgħix illum ħadd mhu se jgħid bik. F’sitwazzjoni bħal din in-nisrani għandu jżomm quddiem għajnejh li qabel ma japprofitta ruħu minn dak li tippermettilu s-soċjetà jrid jara jekk hux kompatibbli mat-tagħlim ta’ Kristu. Fejn mhuwiex kompattibli ma jistax japprofitta ruħu minn dak li tippermettilu s-soċjetà. Fejn hu kompattibli jista’ japprofitta ruħu mill-possibilitajiet li ttih is-soċjetà, imma għandu dejjem ifassal ħajtu fuq il-preċett tal-imħabba t’Alla u tal-proxxmu.
Nicolette Aquilina – Youth of the Year 2020
The Youth of the Year Award 2019 organised by the Kerŷgma Movement was awarded to Nicolette Aquilina from Luqa. The award, which is sponsored by APS Bank, was announced by Fr. Ivan Attard OP, Director General of the Kerŷgma Movement on Friday 7 February 2020.
His Excellency Dr. George Vella, President of Malta, and his wife were present at the ceremony and mass which was celebrated at St Dominic’s Church, Rabat. Also present at the award-giving ceremony were Mrs. Tania Borg, Vice-President of Kerŷgma Movement, Mr. Jeremy Vassallo representing APS Bank, and other guests.
“Nicolette Aquilina is a 23-year-old youngster from Luqa, a graduate from the University of Malta. Over the last 9 years since she became a member of Luqa’s Youth Centre she was of a great help and inspiration to other young people. Her eagerness and her hard work helped the group, which had dwindled to just 4 members in 2016, to increase once again to 40 registered members.
Two years ago, Nicolette was unanimously elected to fill the post of Chairperson of the Luqa Youth Centre which has in turn continued to grow both spiritually and socially under her guidance. She takes responsibility for organizing and co-ordinating a large number of educational, social and spiritual activities and meetings throughout the year. Some of these activities also include the parents of members and a number of other volunteers, including Luqa’s elderly.
Several people in the parish including the committee of the Youth Center consider Nicolette as an exemplary model and pillar of the local community. She gives individual attention to each member and often goes out of her way to help some members going through various personal problems.
Nicolette is also a member of the Parish Pastoral Council and an active member of the Union Club Band. As chairperson of the Youth Centre she introduced the concept to share the Centre’s building with other organizations that do not have anywhere in which they can meet.
Recently, Nicolette together with other members of the committee, decided to apply for funding from the European Union to renovate all the Centre’s building to turn it into a modern building, wheelchair accessible, lively and with a space for young people to feel safe in and comfortable enough to express themselves and their feelings. This will be a big step forward for Youth Centre since it will have a much brighter look, equipped with modern technology and thus hopefully attract more youngsters from every sphere of society towards it.”
The nominees for this year’s Award were: Nicolette Aquilina from Ħal Luqa, Jean-Claude Borg from Msida, Nathan Borg from Siġġiewi, Amy Chetcuti from Senglea u Martina Livori from Cospicua.
This trophy is awarded every year in honour of the late Dr Rudolph Saliba who was Kerygma Movement’s first president. His Excellency Dr George Vella congratulated Kerygma Movement for organizing this annual event which showcases the voluntary work of so many youths. He said that since becoming President he was very impressed to see so many committed youths performing voluntary work. As an example, he mentioned the hundreds of youths who turn up to help out in activities organised by the Malta Community Chest Fund. They do so despite it not being so easy in view of heavy work commitments or studies however they still make the time to help others out and do so with energy and dedication.
The President said that also paid workers could be considered as performing voluntary work, for example when nurses and carers take care of their patients with so much love and dedication, well beyond their call of duty.
He also said that an important aspect of voluntary organisations was that they imbued youngsters with good values, turning them into respectable citizens to the benefit of the nation.
Dr Vella finally congratulated the five nominees and encouraged them to continue with their voluntary activities not only to help others but also not to get lost in negative distractions.