Priedki

IL-ĠISEM TIEGĦU GĦALINA – Il-Festa tal-Ġisem u d-Demm ta’ Kristu – Sena A – 11 ta’ Ġunju 2023

June 5, 2023

Il-Festa tal-Ġisem u d-Demm ta’ Kristu

IL-ĠISEM TIEGĦU GĦALINA

Dewtoronomju 8, 2-3; 14b-16a; Salm 147; Korintin 10: 16-17; Ġwanni 6 : 51-58

 

Il-Vanġelu

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lin-nies:  “Jiena hu l-Ħobż il-ħaj, li niżel mis-sema. Jekk xi ħadd jiekol minn dan il-ħobż jgħix għal dejjem. U l-ħobż li jiena nagħti huwa ġismi għall-ħajja tad-dinja.” Fuq hekk il-Lhud tlewmu bejniethom, u bdew jgħidu: «Kif jista’ dan jagħtina ġismu biex nikluh?” Ġesù mela qalilhom: “Tassew, tassew ngħidilkom, jekk ma tiklux il-ġisem ta’ Bin il-bniedem u ma tixorbux demmu, ma jkollkomx il-ħajja fikom. Min jiekol ġismi u jixrob demmi għandu l-ħajja ta’ dejjem, u jiena nqajmu mill-imwiet fl-aħħar jum. Għax ġismi huwa tassew ikel, u demmi hu tassew xorb. Min jiekol ġismi u jixrob demmi jibqa’ fija u jiena fih. Bħalma bagħatni l-Missier, li hu ħaj, u jiena ngħix b’Missieri, hekk ukoll min jiekol lili, hu wkoll jgħix bija. Dan huwa l-ħobż li niżel mis-sema; m’huwiex bħal dak li kielu missirjietkom u mietu; min jiekol dan il-ħobż jgħix għal dejjem.”

Il-Ħsieb

min jiekol dan il-ħobż jgħix għal dejjem
Il-Mulej tela’ fis-sema, bagħtilna l-Ispirtu s-Santu, enfasizza l-preżenza qawwija tat-Trinità Qaddisa u llum iħallilna Ġismu u Demmu għalina biex nikbru fil-fiduċja u fl-għajxien tal-fidi tagħna.  Kemm għandna llum għaliex ngħidulu grazzi lill-Mulej!  Kemm tassew ma nafux napprezzaw il-ġid kbir, l-għajnuna bl-abbundanza li jagħtina l-Mulej kuljum.  Ħallielna ġismu u demmu.  X’seta’ jħallilna aktar sabiex ikun ċert li ma naqgħux, li se jibqa’ magħna dejjem sa l-aħħar taż-żminijiet?  Kemm tassew inkunu grati lejn il-Ħallieq meta nagħmlu ġimgħat, xhur u xi kultant snin ma nersqu biex nirċievu l-EWKARISTIJA – il-Ġisem u d-Demm ħaj ta’ Kristu għalina. Min jaf kemm-il darba ersaqna għat-tqarbin b’indifferenza.  Ġesù ħallielna Ġismu u Demmu biex iħeġġiġna b’nar ta’ mħabba u aħna nitilgħu għax hekk drajna, nersqu lejn l-artal mingħajr l-ebda sens ta’ dak li ser nirċievu, noħorġu mill-knisja u jibqa’ kollox l-istess.

Il-Kelma

Fl-Ewwel Qari tal-lum, meħud mill-Ktieb tad-Dewteronomju, Mosè jfakkar fl-opri kbar li wettaq magħhom Alla fid-deżert, l-ilma li ħareġ mill-blat kif ukoll il-manna li temagħhom.  Huwa għalhekk importanti li lkoll kemm huma jagħrfu l-kobor t’Alla għalihom.  Fis-Salm 147 għandna lis-Salmista jkanta innu ta’ tifħir quddiem l-għeġubijiet li Alla għamel mal-poplu tiegħu.  Fit-Tieni Qari tal-lum San Pawl, fl-Ittra lill-Korintin, juri l-unità li toħroġ mill-Ewkaristija.  “La l-ħobża hi waħda, aħna li aħna ħafna, aħna ġisem wieħed.  “Fil-Vanġelu tal-lum, meħud minn San Ġwann, Ġesù jitkellem ċar li hu l-ħobż tal-ħajja.

Il-Ħajja

1.  Ġesù jrid jagħtina ġismu u demmu biex nibqgħu ħajjin.  Għaliex nibqgħu nagħżlu l-mewt?

2.  Il-Mulej idawwalna u jgħinna fil-mixi tagħna permezz ta’ l-Ewkaristija.  Kemm qed niffrekwentaw u nifhmu dak li nirċievu?

3.  Kemm qed inferrgħu l-imrar tagħna quddiem Ġesù fl-Ewkaristija Mqaddsa?

4.  Jekk trid bidla sħiħa u għajnuna kbira fil-ħajja tiegħek trid tersaq aktar u tifhem l-Ewkaristija.

Id-Djalogu

Mulej tiegħi u Alla tiegħi.

read more

IT-TRINITÀ QADDISA – Ħadd fuq Għid il-Ħamsin – Sena A – 4 ta’ Ġunju 2023

May 30, 2023

Il-Ħadd fuq Għid il-Ħamsin

IT-TRINITÀ QADDISA

Eżodu 34: 4b-6,8-9; Danjel 3: 52-56; 2 Korintin 13:11-13; Ġwanni 3:16-18

Il-Vanġelu

Għax Alla hekk ħabb lid-dinja li ta lil Ibnu l-waħdieni, biex kull min jemmen fih ma jintilifx, iżda jkollu l-ħajja ta’ dejjem. Għax Alla ma bagħatx lil Ibnu fid-dinja biex jagħmel ħaqq mid-dinja, imma biex id-dinja ssalva permezz tiegħu. Min jemmen fih ma jkunx ikkundannat; iżda min ma jemminx huwa ġa kkundannat, għax ma emminx fl-isem ta’ l-Iben il-waħdieni ta’ Alla.

 

Il-Ħsieb

Fit-tlugħ tiegħu fis-sema l-Mulej wegħidna li mhux se jħallina orfni.  U fil-fatt, fil-festa tal-lum naraw kemm tassew il-Mulej ma ħalliniex waħedna.  Il-preżenza ħajja u attiva tat-Tliet Persuni tat-Trinità Mqaddsa turina lilna lkoll li l-Mulej irid iħares kull waqt tal-ħajja tagħna għaliex iridilna l-ġid.  Huwa għal dan il-għan li l-Missier, l-Iben u l-Ispirtu s-Santu jaħdmu fina.  Għalhekk aħna mmarkati bis-sinjal tat-Trinità Qaddisa.  Għalhekk meta nroddu s-Salib inkunu qed nitolbu l-intervent kontinwu tat-Trinità Qaddisa fuq l-għemejjel tagħna.  Alla hekk ħabbna li bagħat lil Ibnu.  Dan l-Iben wettaq il-missjoni tiegħu u wiegħed Difensur fl-Ispirtu s-Santu.  Hija din il-qawwa tat-Trinità Qaddisa fl-istorja ta’ l-umanità u fl-istorja personali ta’ kuljum tagħna lkoll li tqawwilna l-fidi tagħna u tneħħi minna kull sens ta’ biża’.

Il-Kelma

Fl-Ewwel Qari tal-lum, meħud mill-Ktieb ta’ l-Eżodu, għandna lill-poplu Lhudi li beda jadura l-għoġol tad-deheb.  Xeba’ minn Alla.  Abbuża minn Alla.  Mosè jitla’ fuq il-muntanja biex jikseb u jwettaq mill-ġdid il-Patt bejn Alla u l-poplu Lhudi.  Jingħata l-Kmandamenti.

Fis-Salm Responsorjali li ntennu llum, mill-Ktieb tal-Profeta Danjel, għandna innu ta’ radd il-ħajr għax il-Mulej għoġbu jgħarraf l-Isem Qaddis Tiegħu lilna lkoll.  Fil-Vanġelu tal-lum, meħud minn San Ġwann, Ġesù jtenni li Alla bagħat lil Ibnu fid-dinja biex bih hija ssalva.

Il-Ħajja

1.  Kemm tassew qed naduraw ALLA WIEĦED fil-ħajja tagħna?  Jew aħna wkoll għandna l-għoġol tad-deheb li qegħdin naduraw?

2.  Kemm tassew inħossu l-preżenza ħajja tat-TRINITÀ QADDISA FINA LKOLL, il-preżenza tal-MISSIER, L-IBEN u l-ISPIRT S-SANTU?

3.  Kemm qed inkunu ulied denji tal-Missier li nroddu ħajr bis-serjetà għall-ħidma u l-għajnuna kontinwa li jagħtuna permezz tal-Missier, l-Iben u l-Ispirtu s-Santu?

4.  Huwa tajjeb li naraw it-tip ta’ għażliet li qed nagħmlu kuljum fil-ħajja tagħna.  Kemm minn dawn huma mdawlin mill-għerf li tana Alla?

Id-Djalogu

Glorja lill-Missier,

lill-Iben u lill-Ispirtu s-Santu.

read more

NEĦĦU L-BIŻA’ – Għid il-Ħamsin – Sena A – 28 ta’ Mejju 2023

May 26, 2023

Għid il-Ħamsin

NEĦĦU L-BIŻA’

Atti 2: 1-11, Salm 103; 1 Korintin 12:3-7, 12-13; Ġwanni 20:19-23

Il-Vanġelu

Dak in-nhar fil-għaxija, fl-ewwel jum tal-ġimgħa, meta d-dixxipli kienu flimkien imbeżżgħa mil-Lhud, bil-bibien magħluqa, ġie Ġesù u qagħad f’nofshom; u qalilhom: “Is-sliem għalikom!”  Kif qal hekk, uriehom idejh u ġenbu. Id-dixxipli ferħu meta raw lill-Mulej. Mbagħad Ġesù tenna jgħidilhom: “Is-sliem għalikom! Kif il-Missier bagħat lili, hekk jien nibgħat lilkom.”  Kif qal hekk, nefaħ fuqhom u qalilhom: “Ħudu l-Ispirtu  s-Santu.  Dawk li taħfrulhom dnubiethom ikunu maħfura, u dawk li żżommuhomlhom ikunu miżmuma.”

Il-Ħsieb

Is-sliem għalikom!
Kemm-il darba fil-ħajja tagħna ngħaddu minn perjodu ta’ dwejjaq, qtigħ il-qalb, naħsbu li qegħdin waħedna, maqtugħin għal rasna, ma nafux x’se nagħmlu bl-għażliet tal-ħajja ta’ kuljum.  Aktar ma nimxu fil-progress aktar il-bniedem jidher li qed jinfixel u jitfixkel.  Huwa għalhekk li l-ġest tal-lum ta’ l-inżul ta’ l-Ispirtu s-Santu fuq l-Appostli, fuq il-Knisja u fuqna lkoll, għandu sinifikat ferm speċjali, sinifikat li bil-fatti Kristu ħallielna difensur li lest li jdawwalna kull ħin.  U propju fil-mixja li l-bniedem tal-lum qiegħed jagħmel fil-kultura tal-mewt u tad-dlamijiet, id-DIFENSUR, L-ISPIRTU TAL-MULEJ huwa dak li għandu jdawwal l-imħuħ u l-qlub tagħna lkoll fl-għażliet żgħar u kbar li nwettqu kuljum, għażliet li jridu jkunu mdawlin mill-Ispirtu tal-Mulej biex nifhmu l-kelma u r-rieda tiegħu.

Il-Kelma

Fl-Ewwel Qari tal-lum, meħud mill-Ktieb ta’ l-Atti ta’ l-Appostli, għandna l-ewwel ir-rakkont ta’ l-inżul ta’ l-Ispirtu s-Santu fuq l-Appostli u wara naraw nies minn diversi nazzjonijiet jifhmu l-preokkupazzjoni tal-kelma magħmula mill-Appostli.  Fis-Salm Responsorjali tal-lum, Salm 103, għandna innu li juri kif, permezz ta’ l-Ispirtu s-Santu, Alla beda jġedded kollox.  Fit-Tieni Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl lill-Korintin għandna r-rakkont ta’ San Pawl li juri kif il-ħidma ta’ l-Ispirtu s-Santu tgħaqqad il-Knisja u l-ħidma tal-membri kollha tal-Knisja.  Fil-Vanġelu tal-lum minn San Ġwann għandna lil Ġesù li jagħti huwa nnifsu l-Ispirtu fuq l-Appostli.

Il-Ħajja
  1. Mhux talli Ġesù ma fdaniex waħedna, talli ħallielna Difensur kontinwu magħna.  Possibbli għadna ma ndunajniex?
  2. Kemm-il darba ħassejna lill-Ispirtu tal-Mulej qed idawwal id-deċiżjonijiet tagħna?
  3. Il-Mulej jonfoħ kontinwament l-Ispirtu tiegħu fuqna.  Kemm qed nużaw dan l-Ispirtu biex indandnuh?
  4. Aħna ħafna membri iżda ġisem WIEĦED.  Kemm tassew qed nagħtu xhieda ta’ dan bħala Nsara anki fl-istess Knisja Maltija?
  5. L-Ispirtu jneħħi l-biża’ mill-Appostli.  Kapaċi aħna wkoll noħorġu bla biża’ nxandru l-Mulej fil-postijiet tax-xogħol, fid-djar u fis-soċjetà tagħna?
Id-Djalogu

Ejja, Spirtu s-Santu,

neħħi minna l-biża’

ħalli nxandru bla waqfien

il-qawwa ta’ Alla f’ħajjitna u fis-soċjetà tagħna.

 

read more

F’IDEJKOM – Tlugħ il-Mulej fis-Sema – Sena A – 21 ta’ Mejju 2023

May 16, 2023

MinnTlugħ il-Mulej fis-Sema

F’IDEJKOM

Atti 1:1-11, Salm 46; Efesin 1:17-23; Mattew 28: 16-20

 

Il-Vanġelu

Ġesù jagħti l-missjoni lill-appostli

Tlugħ il-Mulej fis-sema – Pietro Perugino

Il-ħdax-il dixxiplu telqu lejn il-Galilija u marru fuq il-muntanja fejn kien ordnalhom Ġesù.  Kif rawh, nxteħtu quddiemu, għalkemm xi wħud iddubitaw. Ġesù resaq ikellimhom u qalilhom: “Lili ngħatat kull setgħa fis-sema u fl-art. Morru, mela, agħmlu dixxipli mill-ġnus kollha, u għammduhom fl-isem tal-Missieru ta’ l-Iben u ta’ l-Ispirtu  s-Santu, u għallmuhom iħarsu dak kollu li ordnajtilkom jien.  U ara, jiena magħkom dejjem, sa l-aħħar taż-żmien.”

 

Il-Ħsieb

U ara, jiena magħkom dejjem, sa l-aħħar taż-żmien.
Il-Mulej tela’ fis-sema.  Ħalliena waħedna?  Le, iżda qed jafda aktar fina dak li Huwa ġie biex jgħallem fuq din l-art.  Ħalla f’idejna mhux biss biex naċċettaw jew le l-fidi tagħna iżda wkoll biex inwasslu din l-aħbar tajba ta’ salvazzjoni lill-ġnus.  Mhux talli mhux ser iħallina orfni, talli l-Mulej jwiegħed solennement li huwa magħna dejjem sa l-aħħar taż-żminijiet.  Għaliex allura nibżgħu?  Għaliex jonqsilna l-kuraġġ?  Għaliex naħsbu li ninsabu waħedna; xi kultant ngħidu li anki Alla nsiena?  Hija l-opra ta’ satana  li jipprova joħloq fil-bniedem sfiduċja totali fih innifsu u fil-qawwa li jagħtina l-Mulej fis-Sagramenti.

Huwa Ħadd fejn irridu nirriflettu kemm aħna kuraġġużi fix-xandir tal-fidi tagħna.  Kemm tassew aħna lesti nimpenjaw ruħna fis-soċjetaÏ biex inxandru din l-aħbar it-tajba kullimkien?  Nibdew mill-ambjent tal-familja tagħna, tax-xogħol, studju, divertiment; kull ħin hu mument tajjeb biex inxandru l-fidi tagħna.

Il-Kelma

L-Ewwel qari tal-lum, meħud mill-Atti ta’ l-Appostli, jirrakkonta t-tlugħ tal-Mulej fis-sema u juri r-responsabbiltaÏ tad-dixxipli li jridu jagħtu xhieda tiegħu sa truf l-art.  Fis-Salm Responsorjali tal-lum, għandna stedina biex nuru l-ferħ tagħna li Kristu tela’ fis-sema biex joqgħod fuq il-lemin tal-Missier.  Fl-Ittra lill-Efesin għandna naraw lil San Pawl juri lill-Insara  b’liema ġieħ ġie gglorifikat Sidna Ġesù Kristu permezz tal-Missier.  Naraw kemm tassew is-salvazzjoni tad-dinja hija opra kontinwa tat-TrinitaÏ.  Fil-Vanġelu għandna t-tlugħ ta’ Ġesù fis-sema iżda wkoll il-kmand ta’ Ġesù lid-dixxipli biex imorru jħabbru u jgħallmu.

Il-Ħajja
  1. Aħna l-Insara ma nistgħux nibqgħu reqdin.  Hemm bżonn li nqumu min-ngħas.  M’aħniex waħedna.  Ġesù bagħatna nxandru. X’qegħdin nagħmlu biex nuruh li fhimna xi jrid minna?
  2. Ma nistgħux inxandru jekk qabel ma nkunux nies li kontinwament  nitgħallmu u nikbru fil-Kelma ta’ Alla.
  3. Qatt ma għandna nibżgħu li aħna waħedna.  Il-Mulej magħna sa l-aħħar taż-żminijiet.
  4. Kuraġġ!  Hemm bżonn li nxammru l-kmiem u nidħlu naħdmu fl-għalqa tal-Mulej.
Id-Djalogu

Għinni, Mulej,

biex inxandar il-Bxara t-Tajba mal-Ġnus.

Għinni biex ma nibżax u ma naqtax qalbi.

read more

JEKK TĦOBBUNI… – Is-6 Ħadd tal-Għid – Sena A – 14 ta’ Mejju 2023

April 30, 2023

Is-6 Ħadd ta’ l-Għid

JEKK TĦOBBUNI….

Atti 8: 5-8,14-17; Salm 65;  1 Pietru 3,15-18; Ġwanni 14:15-21

Il-Vanġelu

Ġesù jwiegħed l-Ispirtu s-Santu

“Jekk tħobbuni, ħarsu l-kmandamenti tiegħi. U jiena nitlob lill-Missier, u hu jagħtikom Difensur ieħor biex jibqa’ magħkom għal dejjem, l-Ispirtu tal-verità, li d-dinja ma tistax tirċevih, għax hija la tarah u lanqas tagħrfu. Iżda intom tagħrfuh, għaliex jgħammar magħkom, u huwa fikom. Ma nħallikomx iltiema. Nerġa’ niġi għandkom. Ftit ieħor, u d-dinja ma taranix aktar. Iżda intom għad tarawni, għax jiena ngħix, u intom ukoll għad tgħixu. F’dak il-jum intom tagħrfu li jiena f’Missieri, u intom fija u jiena fikom. Min iżomm il-kmandamenti tiegħi u jħarishom, dak hu li jħobbni; u min iħobb lili, iħobbu wkoll il-Missier, u jiena wkoll inħobbu u nurih lili nnifsi.”

 

Il-Ħsieb

Il-Kliem tal-Mulej huwa ċar.  Kemm hawn minna li aħna konvinti li aħna ta’ Kristu, li ngħidu li lesti nagħmlu kollox għalih?  Il-Mulej jitkellem ċar meta joffri proposta tiegħu għal dawk li jgħidu li jħobbuh.  Min iħobbni jħares il-KMANDAMENTI TIEGĦI.  Ma tistax tgħid li jiena ta’ Kristu, li jiena nħobb lil Kristu imma…

“U jiena nitlob lill-Missier.”  M’aħniex weħidna.  Il-Mulej huwa magħna u qiegħed jitlob lill-Missier għalina jekk aħna nagħtu xhieda tiegħu.  Għal dan il-għan hemm bżonn li aħna, minkejja d-dgħufija tagħna, irridu nafdawh, nirreċiprokaw il-fiduċja li tana.  Huwa għalhekk li l-kristjaneżmu huwa dejjem diffiċli li tgħixu ġurnata wara oħra.  Huwa għalhekk li f’dawn il-Vanġeli tal-Ħdud ta’ l-Għid, il-Mulej, filwaqt li jiftħilna għajnejna, jimliena bil-kuraġġ vojt ta’ ħafna kliem fieragħ, iżda kuraġġ li jinbena proprju fuq il-ħtieġa li ngħixu jum wara jum il-kristjaneżmu tagħna…

Ġesù jtenni li qatt m’hu se jħallina ltiema, qatt ma aħna waħedna, m’ għandniex minn xiex nibżgħu.  Hemm bżonn li l-Mulej jiftħilna l-qalb imbeżżgħa tagħna biex bil-kuraġġ inħabbru l-qawmien tiegħu li jidher fl-għajxien ta’ ħajjitna.

Il-Kelma

Fl-Ewwel Qari tal-lum, meħud mill-Ktieb ta’ l-Atti ta’ l-Appostli, għandna l-evanġelizazzjoni ta’ Filippu fis-Samarija.  Filippu jħabbar u jwettaq l-għemejjel ta’ fejqan li jsiru bis-saħħa ta’ dak Kristu li qam mill-imwiet.  Fis-Salm Responsorjali għandna għanja ta’ tifħir lill-Mulej li tana l-Ispirtu s-Santu biex isaħħaħ fina l-fidi u l-għajxien ta’ l-istess fidi.  Fit-Tieni Qari tal-lum, meħud mill-Ewwel Ittra ta’ San Pietru, għandna t-twissijiet kif l-Insara għandhom iġibu ruħhom quddiem il-persekuzzjonijiet.  San Pietru jenfasizza li hemm bżonn li l-Insara jkollhom tagħlim sod biex ikunu kapaċi mhux biss iwieġbu iżda wkoll jissaħħu fil-fidi.

Fil-Vanġelu tal-lum, meħud minn San Ġwann, għandna r-rakkont li fih Ġesù jkompli jsaħħaħ id-dixxipli tiegħu u jtennilhom li, min iħobbu, għandu juri tassew li huwa miegħu bil-fatti.

Il-Ħajja

1.  Hemm bżonn li nkunu nafu aħjar it-tagħlim tal-fidi tagħna.  Hemm bżonn li nkunu tassew familjari mal-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika li huwa wieħed.

2.  Irridu ngħixu b’konvinzjoni l-fidi tagħna.  M’ għandniex nibilgħu dak li nisimgħu jew naqraw.  Għandna nirrifjutawh jekk ma jaqbilx mat-tagħlim tagħna.  Għandna r-responsabbiltaÏ li niftħu għajnejn ħutna li għadhom jibilgħu kollox.

3.  Hemm bżonn li l-Insara b’kuraġġ joħorġu aktar fil-beraħ fis-soċjeta tagħna.  Ma nibżgħux minn persekuzzjonijiet li jistgħu jiġu minn kullimkien, anki mill-media.

read more

TITĦAWDUX! – Il-5 Ħadd tal-Għid – Sena A – 7 ta’ Mejju 2023

April 30, 2023

Il-5 Ħadd ta’ l-Għid

TITĦAWDUX!

Atti 6, 1-7;  Salm 32; 1 Pietru 2, 4-9; Ġwanni 14:1-12

Il-Vanġelu

     “Tħallux qalbkom titħawwad! Emmnu f’Alla, u emmnu fija wkoll. Fid-dar ta’ Missieri hemm ħafna postijiet; li ma kienx hekk, kont ngħidilkom. Sejjer inħejjilkom fejn toqogħdu. U meta mmur u nħejjilkom post, nerġa’ niġi biex neħodkom miegħi biex, fejn inkun jien, tkunu intom ukoll.  U t-triq għall-post fejn sejjer tafuha.” Tumas qallu: “Mulej, aħna ma nafux fejn inti sejjer. Kif nistgħu nafu t-triq?” Wieġbu Ġesù: “Jiena hu t-Triq, il-Verità u l-Ħajja. Ħadd ma jmur għand il-Missier jekk mhux permezz tiegħi. Kieku għaraftu lili, kontu tagħrfu wkoll lil Missieri. Minn issa ‘l quddiem tagħrfuh, anzi diġà rajtuh.”  Qallu Filippu: “Mulej, urina l-Missier, u jkun biżżejjed għalina.”  Ġesù wieġeb: “Ili daqshekk magħkom, Filippu, u għadek ma għaraftnix? Min ra lili ra lill-Missier. Kif tgħidli, ‘Urina l-Missier’? Ma temminx li jiena fil-Missier u l-Missier fija? Il-kliem li ngħidilkom jien, ma ngħidux minn moħħi iżda l-Missier li jgħammar fija qiegħed jagħmel l-opri tiegħu. Emmnuni! Jiena fil-Missier u l-Missier huwa fija. Jekk m’hux għal ħaġ’oħra, emmnuni minħabba dawn l-opri stess. Tassew tassew ngħidilkom, min jemmen fija hu wkoll għad jagħmel l-opri li qiegħed nagħmel jien, u akbar minnhom għad jagħmel, għax jiena sejjer għand il-Missier.

 

Il-Ħsieb

     Qatt ħsibt li tista’ titħawwad minħabba f’Ġesù ?  Meta tara diversi għemejjel min-nies li suppost jispiraw fik il-fiduċja u tara l-kuntrarju, bla ma trid titħawwad anki mill-aspett spiritwali.  Ġesù, fil-Vanġelu tal-lum, irid iwasslilna messaġġ qawwi ta’ kuraġġ u tama, iżda wkoll ta’ mpenn.  Hemm bżonn li nżommu sħiħ u nemmnu fih.  Is-silta li nsibu fil-Vanġelu tal-lum tasal wara t-tradiment ta’ Ġuda, iċ-ċaħda ta’ Pietru u Ġesù  li wasal biex jitlaq.  Ġesù  jqawwi l-qlub meta juri d-destinazzjoni tal-bniedem ’il fejn hi, fejn hija d-dar tagħna…fis-sema.  Il-Mulej Ġesù jtenni li sejjer iħejjilna l-post għand il-Missier.  M’hijiex biss wegħda, iżda fuq kollox stedina.  Huwa minn hawn li trid issir fina l-bidla biex inkunu denji li nirrispondu għal din il-wegħda.

 

Il-Kelma

     Fl-Ewwel Qari tal-lum, meħud mill-Atti ta’ l-Appostli, insibu l-importanza li l-ewwel insara kienu jagħtu mhux biss lill-kelma u t-talb iżda wkoll lill-problemi soċjali.  Huwa muri biċ-ċar li l-Knisja, mill-ewwel żminijiet tagħha, dejjem ħasbet fil-batut, fil-fqir u fl-emarġinat.  Is-Salm Responsorjali li ntennu huwa għanja ta’ tifħir lill-Mulej għaliex fil-Kelma tiegħu, li toħloq kollox, jagħtina mħabbtu.  It-Tieni Qari tal-lum, meħud mill-Ewwel Ittra ta’ San Pietru, juri li l-Knisja hija magħmula mhux minn ĠEBEL MEJJET iżda minn ĠEBEL ĦAJ li huwa komunità li tfittex il-ħin kollu li tagħti xhieda tal-qawmien ta’ Kristu fis-soċjeta’ tagħha.

     Fil-Vanġelu tal-lum, meħud minn San Ġwann, insibu lil Ġesù jqawwi l-qlub ta’ l-Appostli li kienu mħawda u jfisser għaliex sejjer għand il-Missier.  Il-Mulej iħeġġeġ lill-Appostli biex jemmnu fih.

Il-Ħajja
  1. Il-Mulej ma jridx li nitħawdu.  Hemm bżonn li nemmnu aktar fit-tagħlim tiegħu.  Hija stedina biex inkunu nies ta’ talb u fl-istess ħin li jkollna fiduċja sħiħa fi Kristu, minkejja t-tfixkil tal-ħajja ta’ kuljum.
  2. San Pietru jistedinna llum nifhmu li aħna l-Knisja.  Il-Knisja li hija komunità, li hija ġebel ħaj, u jekk ħaj allura jagħti l-ħajja.
  3. Ma tistax tkun veru nisrani u ma tagħtix każ ta’ dak li qed jiġri fis-soċjetà tiegħek.  Huwa għal dan il-għan li fl-Ewwel Qari tal-lum insibu li l- Knisja mill-ewwel żminijiet tagħha kienet impenjata fl-għajnuna għall-fqir u l-batut, għajnuna li dejjem żammet bħala l-prinċipju ewlieni tagħha sal-ġurnata tal-lum.

 

Id-Djalogu

     Mulej Ġesù ,

     qawwi fina l-fidi, biex xejn u ħadd

     ma jbegħidni minnek.

read more

IL-BIEB HUWA JIEN – Ir-4 Ħadd tal-Għid, sena A – 30 t’April 2023

April 19, 2023

Ir-4 Ħadd ta’ l-Għid

Jum Mondjali ta’ Talb għall-Vokazzjonijiet

IL-BIEB HUWA JIEN

Atti 2:14a 36-41; Salm 22; 1 Pietru 2, 20b-25; San Ġwann 10:1-10

Il-Vanġelu

“Tassew tassew ngħidilkom, min ma jidħolx fil-maqjel tan-nagħaġ mill-bieb imma jaqbeż ġewwa minn naħa oħra, dak hu ħalliel u brigant. Imma min jidħol mill-bieb hu r-ragħaj  tan-nagħaġ. Min ikun mal-bieb lilu jiftaħ, in-nagħaġ minn leħnu jisimgħu, u hu jsejjaħ in-nagħaġ tiegħu waħda waħda b’isimhom u joħroġhom barra. U meta joħroġ in-nagħaġ tiegħu, huwa jmur quddiemhom u n-nagħaġ jimxu warajh, għax jisimgħu leħnu.  Imma wara wieħed barrani ma jimxux, anzi jaħarbu minnu, għax leħen barrani ma jafuhx.” Din il-parabbola qalilhom Ġesù, iżda huma ma fehmux x’ried jgħidilhom biha.

Għalhekk Ġesù raġa’ qalilhom: “Tassew tassew ngħidilkom li  l-bieb tan-nagħaġ huwa jien. Dawk kollha li ġew sa issa qabli huma ħallelin u briganti. Iżda n-nagħaġ lilhom ma semgħuhomx. Jiena hu l-bieb; jekk xi ħadd jidħol ġewwa permezz tiegħi jsalva, u jidħol u joħroġ u jsib fejn jirgħa. Il-ħalliel ma jidħolx jekk mhux biex jisraq u joqtol u jeqred. Jiena ġejt biex ikollkom il-ħajja, u ħajja bil-kotra.

 

Il-Ħsieb
Jiena hu l-bieb; jekk xi ħadd jidħol ġewwa permezz tiegħi jsalva
Ħafna drabi aħna l-Insara tinbet fina ċerta konvinzjoni li kapaċi nimxu mingħajr Kristu u mingħalina li nkunu qed nagħmlu s-sewwa.  Kapaċi nagħmlu r-rieda ta’ Alla fil-ħajja tagħna mingħajr ma nagħtu każ jekk l-għażliet tagħna jmorrux ma’ l-istess fidi tagħna.  Ma nistaqsux min hu r-ragħaj tagħna?  Jekk hemmx differenza bejn il-mod tal-ħajja tagħna u ta’ dawk li ma jemmnux?  Il-Mulej ġie biex jagħtina l-ħajja mhux biex niddubbaw, iżda ħajja bil-kotra , bl-abbundanza… għaliex qed nibqgħu nisfiduċjaw lill-Mulej?  Għaliex qegħdin nibqgħu nagħmlu għażliet ta’ mewt fuq ħajjitna u mhux favur il-ħajja li jagħtina l-Mulej?  Pietru fis-silta mill-Atti ta’ l-Appostli jitkellem ċar.  Hemm bżonn ta’ xhieda akbar u aktar ħajja minna l-Insara fis-soċjeta tal-lum.  Ma nħallux min jispekula mir-reliġjon tagħna mingħajr ma nkunu lesti li nagħtu tweġibiet f’waqthom.  Ma nħallux lil min minn Kristu jagħmel karikatura… hawn wisq xogħol xi jsir biex ma nkunux mar-Ragħaj tagħna.

 

Il-Kelma

L-Ewwel Qari tal-lum ikompli mill-Atti ta’ l-Appostli u jtenni l-mod ta’ spjegazzjoni li kien qed jagħmel Pietru lil-Lhud u jfisser kif mill-Iskrittura hemm il-ħajja, il-mewt u l-qawmien ta’ Kristu.  Fis-Salm 22 għandna r-rakkont tar-Ragħaj it-Tajjeb li ta ħajtu għan-ngħaġ tiegħu mingħajr interessi ta’ xejn ħlief dak li jħares lill-istess nagħaġ.

It-Tieni Qari huwa meħud mill-Ewwel Ittra ta’ San Pietru fejn naraw li San Pietru jfakkar lin-nisrani li qed ibati sabiex iħares lejn Ġesù li bata, miet imma qam fuq il-ħażen.  Fil-Vanġelu tal-lum, meħud minn San Ġwann, għandna lil Ġesù li jagħti tifsira ta’ kemm hu importanti li nħalluh imexxina hu bħala r-Ragħaj li jrid biss il-ġid tagħna lkoll.

 

Il-Ħajja

1.  Huwa importanti li fil-ħajja tagħna jkollna RAGĦAJ WIEĦED li jiggwidana.

2.  Għandna niftħu għajnejna u naraw li dan ir-Ragħaj tassew qed ifittex l-interessi tagħna u mhux Tiegħu.

3.  Huwa Ġesù biss li huwa miġnun warajna; li jrid jagħtina mhux biss il-ħajja, iżda l-ħajja bil-kotra.

4.  L-għażla bil-libertà kollha hija f’idejna.

 

Id-Djalogu

Mulej, kun dejjem ir-ragħaj tiegħi, sabiex nagħraf nagħmel passi sodi f’ħajti.

 

read more

GĦEMMAWS: IL-MIXJA SAL-ĠIRJA – It-3 Ħadd tal-Għid, sena A –23 t’April 2023

April 15, 2023

It-3 Ħadd ta’ l-Għid

GĦEMMAWS:  IL-MIXJA SAL-ĠIRJA

Atti 2, 14:22-28;  Salm 15; Pietru 1,17-21; Luqa 24:13-35

 Il-Vanġelu

Dak in-nhar stess ġara li tnejn minnhom kienu sejrin lejn raħal jismu Għemmaws, xi sittin stadju bogħod minn Ġerusalemm,  jitħaddtu bejniethom fuq kull ma kien ġara.  Huma u jitħaddtu u jitkixxfu bejniethom, Ġesù nnifsu resaq lejhom u baqa’ miexi magħhom.  Imma għajnejhom kellhom xi jżommhom u ma setgħux jagħrfuh. U hu qalilhom: “X’intom tgħidu bejnietkom intom u miexja?” U huma waqfu, b’ħarsa ta’ niket fuq wiċċhom.  Mbagħad wieħed minnhom, jismu Kleofa, wieġeb u qallu: “Inti waħdek  il-barrani f’Ġerusalemm li ma tafx x’ġara hemmhekk f’dawn il-jiem?” “X’ġara?” staqsiehom Ġesù. Qalulu: “Dak li ġara lil Ġesù ta’ Nazaret, li kien profeta setgħan fl-għemil u fil-kliem quddiem Alla u quddiem il-poplu kollu, kif il-qassisin il-kbar u l-kapijiet tagħna tawh f’idejn il-gvernatur biex ikun ikkundannat għall-mewt u sallbuh. Aħna konna nittamaw li hu kien dak li kellu jifdi lil Iżrael; iżda issa, fuq kollox ġa għaddew tlitt ijiem minn dawn  il-ġrajja!  Issa wkoll xi wħud min-nisa tagħna ħasduna, għax marru kmieni ħdejn il-qabar u l-katavru tiegħu ma sabuhx; ġew jgħidu wkoll li dehrulhom xi anġli li qalulhom li hu ħaj. Mbagħad marru ħdejn il-qabar xi wħud minn tagħna u sabu kollox kif kienu qalu n-nisa, imma lilu ma rawhx!” Qalilhom Ġesù: “Kemm intom boloh u tqal biex temmnu kull ma qalu l-profeti! U ma kellux il-Messija jbati dan kollu u hekk jidħol fil-glorja tiegħu?” U beda minn Mosè u l-Profeti kollha jfissrilhom kull ma kien hemm fl-Iskrittura fuqu.

Meta qorbu lejn ir-raħal fejn kienu sejrin hu għamel ta’ birruħu li hu kien se jibqa’ sejjer aktar ‘il bogħod. Iżda huma ġegħluh jibqa’ magħhom u qalulu: “Ibqa’ magħna, għax issa sar ħafna ħin u l-jum ġa wasal biex jintemm.” Mbagħad daħal biex joqgħod magħhom. U waqt li kien fuq il-mejda magħhom, qabad il-ħobż, qal il-barka, qasmu u tahulhom. Mbagħad infetħulhom għajnejhom u għarfuh, iżda hu għab minn quddiemhom. U wieħed lill-ieħor bdew jgħidu: “Ma kinitx imkebbsa qalbna ġewwa fina huwa u jkellimna fit-triq u jfissrilna l-Iskrittura?” Dak il-ħin stess qamu u reġgħu lura Ġerusalemm. Hemm sabu lill-Ħdax u lil sħabhom miġbura flimkien, u dawn qalulhom: “Il-Mulej qam tassew, u deher lil Xmun!” U huma wkoll tarrfulhom x’kien ġralhom fit-triq, u kif kienu għarfuh fil-qsim tal-ħobż.

 Il-Ħsieb

Il-Mulej qam tassew
Ġesù jimxi magħna, jgħix magħna, jispjega lilna l-istess skrittura u nibqgħu ma nqumux min-nagħas, nibqgħu b’għajnejna magħluqa, nibqgħu mexjin fit-triq u ntennu li Alla nsiena.  Il-mixja ta’ Għemmaws taż-żewġ dixxipli hija meditazzjoni għalija u għalik dwar il-mod ta’ ħajja li qegħdin ngħixu bħala Nsara.  Xi kultant huwa l-isem biss ta’ nsara li jibqgħalna meta m’aħniex nies li naqraw l-iskrittura, meta aħna nies li għalkemm nitilgħu nitqarbnu nibqgħu l-istess.  Il-Mulej irid jibdilna għaliex ilkoll kemm aħna rridu nifhmu li x-xogħol tagħna huwa li nwasslu AĦBAR TAJBA wara li nkunu fhimna, aċċettajna u għexna din l-aħbar.

Il-Liturġija tal-lum hija ċara:  mingħajr l-Iskrittura u l-Ewkaristija qatt ma nistgħu niftħu għajnejna beraħ għall-messaġġ personali li Kristu għandu għal kull wieħed u waħda minna.

 Il-Kelma

L-Ewwel Qari tal-lum huwa meħud mill-Atti ta’ l-Appostli li jkompli jirrakkonta l-effett immedjat tal-qawmien ta’ Kristu fuq l-Appostli.  Kienet injezzjoni ta’ kuraġġ iżda li skoprewha bil-mod il-mod.  F’din is-silta tal-lum insibu d-diskorsi ta’ Pietru flimkien ma’ l-Appostli li fih hemm l-essenza tal-messaġġ nisrani – inħabbru l-mewt, inxandru l-qawmien tal-Mulej u nistennew il-miġja tiegħu fil-glorja.  Fis-Salm Responsorjali għandna għajta ta’ ferħ lill-Mulej – il-kenn tagħna – għaliex bil-qawmien tiegħu sibna lkoll ħajja ġdida.  Fit-Tieni Qari tal-lum insibu l-Ewwel Ittra ta’ San Pietru li jtenni li dak li jiswa jinkiseb bi prezz għoli, kif kien il-prezz li ħallas Kristu għall-ħelsien tagħna.  Fil-Vanġelu ta’ San Luqa għandna r-rakkont tad-dixxipli ta’ Għemmaws.  Huwa rakkont li lilna jiftħilna għajnejna għaliex kull wieħed minn jagħmel l-istess mixja ħafna drabi mingħajr ma nindunaw li magħna hemm Ġesù.  Ta’ min jinnota li meta għarfu li kien il-Mulej, spiċċa l-biża’ minn fuqhom, u minkejja li kien il-lejl u d-dlam telqu wara Ġesù.

 Il-Ħajja

1.  Kemm tassew qed nagħmlu mixja ta’ tagħlim ma’ Ġesù permezz ta’ l-Iskrittura u l-Ewkaristija fil-ħajja tagħna?

2.  Kemm għandna għatx tassew biex lil Ġesù nħalluh jimxi magħna u nixorbu mill-għejjun li joffrilna permezz ta’ l-Iskrittura u l-Ewkaristija?

3.  Kemm tassew qed jinfetħu għajnejna meta nirċievu l-Ewkaristija?

4.  Id-dixxipli ta’ Għemmaws spiċċa minnhom il-biża’ hekk kif għarfu lil Ġesù.  Għaliex ħafna drabi aħna nibqgħu beżgħana?

 

 Id-Djalogu

Mulej, nitolbuk tgħinni

nagħarfek kull ħin.

 

read more

TEMMEN… MA TEMMINX – it-2 Ħadd tal-Għid, sena A – 16 t’April 2023

April 14, 2023
Caravaggio's The Incredulity of Saint Thomas (1601-2)

It-2 Ħadd ta’ l-Għid

TEMMEN… MA TEMMINX

Atti 2,42-47; Salm 117; 1 Pietru 1, 3-9; Ġwanni 20,19-31

Il-Vanġelu

Dak in-nhar fil-għaxija, fl-ewwel jum tal-ġimgħa, meta d-dixxipli kienu flimkien imbeżżgħa mil-Lhud, bil-bibien magħluqa, ġie Ġesù u qagħad f’nofshom; u qalilhom: “Is-sliem għalikom!”  Kif qal hekk, uriehom idejh u ġenbu. Id-dixxipli ferħu meta raw lill-Mulej. Mbagħad Ġesù tenna jgħidilhom: “Is-sliem għalikom! Kif il-Missier bagħat lili, hekk jien nibgħat lilkom.” Kif qal hekk, nefaħ fuqhom u qalilhom: “Ħudu l-Ispirtu  s-Santu. Dawk li taħfrulhom dnubiethom ikunu maħfura, u dawk li żżommuhomlhom ikunu miżmuma.”

Tumas, wieħed mit-Tnax, jgħidulu t-Tewmi, ma kienx magħhom meta ġie Ġesù. Għalhekk id-dixxipli l-oħra qalulu: “Rajna l-Mulej.” Iżda hu qalilhom: “Jekk ma narax f’idejh il-marka ta’ l-imsiemer u ma nqigħedx sebgħi fuq il-marka ta’ l-imsiemer u idi fuq ġenbu, jien ma nemminx.” Tmint ijiem wara, id-dixxipli reġgħu kienu ġewwa, u Tumas magħhom. Il-bibien kienu magħluqa, imma Ġesù daħal, qagħad f’nofshom, u qalilhom: “Is-sliem għalikom!” Mbagħad qal lil Tumas: “Ġib sebgħek hawn u ara idejja, u ressaq idek u qegħedha fuq ġenbi; tkunx bniedem bla fidi, iżda emmen.” Wieġeb Tumas u qallu: “Mulej tiegħi u Alla tiegħi!” Qallu Ġesù: “Emmint għax rajtni! Henjin dawk li ma rawx u emmnu.

Hemm ħafna sinjali oħra li Ġesù għamel quddiem id-dixxipli tiegħu u li m’humiex imniżżla f’dan il-ktieb.  Iżda dawn inkitbu sabiex intom temmnu li Ġesù hu l-Messija l-Iben ta’ Alla, u biex bit-twemmin tagħkom ikollkom il-ħajja f’ismu.

Il-Ħsieb

Henjin dawk li ma rawx u emmnu
Temmen… ma temminx… iddeċidejt.  Għaddew l-erbgħin jum tar-Randan.  L-Għid għadda ġimgħa minn fuqu u inti għadek m’intix deċiż.  Min jaf kemm din il-ġimgħa batejt biex tgħix il-fidi tiegħek.  Min jaf kemm kienu dawk il-mumenti li abbandunajt il-Mulej… min jaf kemm kienu l-mumenti li ddubitajt mill-Mulej.

San Tumas hekk ġralu wkoll … bħall-bniedem tal-lum ried imiss biex jemmen.  U inti li forsi dejjem tiddubita Ġesù qed jistiednek issa mhux biss biex tmissu iżda biex jidħol fik.  L-Ewkaristija huwa l-mument tal-verità li permezz tiegħu l-Mulej jinvadi l-qlub tagħna, il-ħajja tagħna, u jseħħ tassew it-tisħiħ tal-fidi.

Il-Kelma

L-ewwel qari mill-ktieb ta’ l-Atti ta’ l-Appostli juri li l-għaqda ta’ l-ewwel insara kienet permezz ta’ l-Ewkaristija u t-talb.  Is-Salm 117 itenni li aħna wkoll bħall-ewwel insara għandna nfaħħru lill-Mulej li ġabarna flimkien bħala Nsara.  Fl-Ewwel Ittra ta’ San Pietru, li nsibu fit-tieni qari, hemm silta li aktarx kienet innu li jingħad waqt il-magħmudija fl-ewwel żminijiet tal-Knisja.  Kemm it-twelid ġdid u l-ħajja ġdida ġew mogħtija lilna minn Kristu.

Fil-Vanġelu tal-lum, meħud minn San Ġwann, għandna l-każ ta’ Tumas li ma emminx qabel ra. Ġesù jfaħħar lil dawk li ma rawx u emmnu għax kbira hija l-fidi tagħhom.

IL-Ħajja
  1. Minn fejn tingħaraf il-fidi tiegħek… minn ħajtek?
  2. Kemm tassew għandek fidi f’Alla f’dak kollu li twettaq?
  3. X’tagħmel fil-mument li tonqos il-fidi tiegħek?
  4. Kemm tassew qed tħossok ma’ ħutek l-Insara familja waħda fit-talb u l-Ewkaristija?
Id-Djalogu

Mulej tiegħi u Alla tiegħi.

 

read more

QAM GĦALINA – Ħadd il-Għid – Sena A – 9 t’April 2023

March 29, 2023

Ħadd il-Għid

QAM GĦALINA

Atti 10:34,37-43; Kolossin 3, 1-4; 1 Kor 5: 6b-8; Ġwanni 20,1-9

Il-Vanġelu

     Il-qawmien ta’ Ġesù mill-imwiet

Rubens – The Resurrection of Christ – 1611

Kien l-ewwel jum tal-ġimgħa, fil-għodu kmieni kif kien għadu d-dlam, u Marija ta’ Magdala ġiet ħdejn il-qabar u rat il-blata mneħħija mill-qabar. Għalhekk telqet tiġri għand Xmun Pietru u għand id-dixxiplu l-ieħor li kien iħobb Ġesù, u qaltilhom: “Qalgħu l-Mulej  mill-qabar, u ma nafux fejn qegħduh!” Pietru u d-dixxiplu  l-ieħor ħarġu u ġew ħdejn il-qabar. It-tnejn ġrew flimkien, imma d-dixxiplu l-ieħor ħaffef aktar minn Pietru u laħaq qablu ħdejn il-qabar.  Tbaxxa, u ra l-faxex ta’ l-għażel imqiegħda hemm, iżda ma daħalx.  Mbagħad wasal warajh Xmun Pietru, daħal fil-qabar, u ra l-faxex ta’ l-għażel imqiegħda hemm, u l-maktur li kien madwar rasu; dan ma kienx mal-faxex, imma mitwi u mqiegħed f’post għalih. Mbagħad id-dixxiplu l-ieħor, li kien wasal l-ewwel ħdejn il-qabar, daħal hu wkoll, ra, u emmen.  Sa dak in-nhar kienu għadhom ma fehmux l-Iskrittura li tgħid li kellu jqum  mill-imwiet.

Il-Ħsieb

L-Għid il-Kbir.  L-akbar festa fil-kalendarju tal-mixja tal-fidi tagħna.  Hija festa li turi li Ħajjet u Kliem Kristu fuq din l-art kienu kliem bis-serjetà.  Importanti għalhekk li llum nifirħu u nirringrazzjaw lil Ġesù għal din ir-rebħa li permezz tagħha AĦNA SIRNA WLIED IR-REBĦA u li l-mewt mhux ser taħkem aktar fuqna.  Importanti għalhekk li nifirħu, ferħ li jiġi għalina li matul ir-Randan nagħrfu li aħna bnedmin dgħajfa u li mingħajr Ġesù ma aħna xejn.  Importanti għalhekk li lkoll kemm aħna nifhmu li r-rebħa ta’ Ġesù kienet rebħa kontra d-dubji u l-inċertezzi tal-ħajja ta’ kuljum, rebħa kontra l-inġustizzji li nsofru, rebħa li tmur ferm ’il bogħod fiż-żmien u teħodna għall-eternità.  ġustifikat għalehkk huwa l-ferħ tagħna llum.

Il-Kelma

L-ewwel qari tal-lum huwa meħud mill-Ktieb ta’ l-Atti ta’ l-Appostli u jirrakkonta d-diskors ta’ Pietru fejn itenni li l-predikazzjoni tiegħu hija fuq il-passjoni, mewt u qawmien ta’ Ġesù, li huwa l-misteru ta’ l-Għid.  Ma’ dan il-misteru ddur l-istorja kollha ta’ l-Għid u ta’ l-umanità mifdija.  Fis-Salm Responsorjali għandna għajta ta’ ferħ f’Salm 117 għax dan HUWA L-JUM li għamel il-Mulej.  Fit-tieni qari fl-Ittra lill-Kolossin San Pawl itenni li jekk aħna irxuxtajna ma’ Kristu hemm bżonn li nfittxu l-ħwejjeġ tas-sema.  Fil-Vanġelu ta’ San Ġwann insibu li flimkien ma’ Marija ta’ Magdala kienu Pietru u Ġwanni l-ewwel xiehda tal-qawmien ta’ Ġesù.

Il-Ħajja
  1. Tħoss tassew ferħ f’qalbek illum?
  2. Tħoss li pajjiżek huwa s-sema?
  3. Qed tfittex il-ħwejjeġ tas-sema u mhux tad-dinja?
  4. Tħoss li Ġesù kisiblek ir-rebħa?
  5. L-Għid it-tajjeb ifisser li dak li għexna matul ir-Randan issa nkomplu ngħixuh fiċ-ċertezza tar-rebħa ta’ Kristu Rxoxt.
Id-Djalogu

Mulej, rebbieħ fuq il-mewt

għinna nirbħu kontinwament id-difetti tagħna,

biex nifhmu l-kobor tar-rebħ tiegħu.

bħala ulied ir-rebħa.

read more