FARIŻEJ? – It-22 Ħadd Matul is-Sena – Il-Ħadd 2 ta’ Settembru 2018

FARIŻEJ? – It-22 Ħadd Matul is-Sena – Il-Ħadd 2 ta’ Settembru 2018

August 24, 2018

It-22 Ħadd Matul is-Sena

GĦAJXIEN TA’ FARIŻEJ

Dewteronomju 4, 1-2,6-8; Salm 14; Ġakbu 1,17-18,21b-22,27; Mark 7, 1-8, 14-15,21-23

Il-Vanġelu

F’dak iż-żmien, il-Fariżej u xi wħud mill-kittieba li ġew minn Ġerusalemm inġabru ħdejn Ġesù, u raw li xi wħud mid-dixxipli tiegħu kienu qegħdin jieklu b’idejhom mhumiex indaf, jiġifieri mhumiex maħsulin. Għax il-Fariżej, u l-Lhud kollha, biex iħarsu t-tradizzjoni ta’ missirijiethom, ma jmissux ikel qabel ma jkunu ħaslu idejhom sewwa; hekk ukoll wara li jerġgħu lura mis-suq, ma jiklux jekk ma jinħaslux; u għandhom bosta drawwiet oħra li baqgħu marbutin magħhom minn żmien għal ieħor, bħalma huma l-ħasil tat-tazzi u tal-buqari u tal-ktieli tal-bronż. Mela, il-Fariżej u l-kittieba staqsewh: “Dan l-għala d-dixxipli tiegħek ma jġibux ruħhom skont it-tradizzjoni ta’ missirijiethom, imma jieklu b’idejhom mhumiex indaf?” Iżda hu weġibhom: “Sewwa ħabbar Isaija fuqkom, ja nies ta’ wiċċ b’ieħor, bħalma hu miktub: ‘Dan il-poplu, bix-xufftejn biss jagħtini ġieħ, imma qalbhom hija ’l bogħod minni. Fiergħa hi l-qima li jagħtuni; jgħallmu duttrina li mhijiex għajr preċetti tal-bnedmin.’  Hekk intom, twarrbu l-kmandamenti ta’ Alla biex tħaddnu t-tradizzjoni tal-bnedmin.” Raġa’ sejjaħ in-nies lejh u qalilhom: “Isimgħuni, intom ilkoll, u ifhmuni! Ma hemm xejn minn barra li meta jidħol fi bniedem itebbgħu; imma dak li joħroġ minn ġol-bniedem, dak hu li jtabba’ lill-bniedem. Għax hu minn ġewwa, mill-qalb tal-bniedem, li joħorġu l-ħsibijiet il-ħżiena, żína, serq, qtil, adulterju, regħba, ħażen, qerq, libertinaġġ, għira, malafama, suppervja u bluha. Dal-ħażen kollu minn ġewwa joħroġ u jtabba’ lill-bniedem.”

The Pharisees Question Jesus - James Tissot

 

Il-Ħsieb

     “Dan il-poplu bix-xofftejn biss jagħtini ġieħ, imma qalbhom hija ’l bogħod minni.”  Hekk iċanfar Ġesù lill-Fariżej u bl-istess ton u diskors iċanfar Ġesù lilna lkoll li ngħidu li nħobbu lil Ġesu, li mmorru l-quddies nhar ta’ Ħadd, li nagħmlu l-preċetti tiegħu iżda meta niġu biex nagħtu xhieda tiegħu aħna ħafna ’l bogħod minnu.  Huwa dan il-ħsieb dominanti tal-liturġija tal-lum:  kemm bħala bnedmin għandna post għal Alla fil-qalb tagħna, kemm verament il-fidi li nħaddnu hija xi ħaġa mibnija fuq il-konvinzjoni.  Kemm tassew aħna m’aħniex nies li nsegwu biss riti kultwali fil-ħajja tagħna mingħajr ma nagħtu każ li l-fidi tagħna hija xi ħaġa mibnija fuq imħabba ħajja lejn dak Alla li ħalaqna.  Ħafna drabi nkunu l-ewwel nies li nippuntaw subgħjna ta’ kundanna lejn ħaddieħor u ma narawx dak kollu li għaddejjin minnu aħna.

Il-Kelma

     Fl-Ewwel Qari mill-Ktieb tad-Dewteronomju għandna lil Mosè li jwissi lill-poplu biex mhux biss josserva bir-reqqa l-liġijiet li tah Alla, iżda wkoll biex, fl-istess liġi, jara l-imħabba ta’ Alla.  Fis-Salm Responsorjali minn Salm 14, naraw li min isegwi l-liġi ta’ Alla jħobb tassew lill Alla.  San Ġakbu fl-Ittra tiegħu fit-Tieni Qari jinsisti li l-fidi trid tinżel fl-għemil.  Fil-Vanġelu ta’ San Mark insibu lil Ġesù jċanfar lill-Fariżej u jsejħilhom uċuħ b’oħra, għax minkejja li josservaw il-liġi, fil-qalb tagħhom ma hemmx post għal Alla.

Il-Ħajja

  1. Aħna Nsara li nintgħarfu biss għax immorru l-quddies il-Ħadd? Qiegħed tagħti xhieda tat-twemmin tiegħek id-dar, fil-post tax-xogħol, l-iskola?
  2. Tħoss li għandek preżenza u mħabba għal Alla f’qalbek?
  3. X’qima qed tagħti lil Alla, dik biss mitluba mill-kult u ritwali u obbligi liturġiċi?
  4. Hemm bżonn li nkunu aktar dixxipli ta’ Kristu bix-xhieda vera u ħajja li nagħtu.

Id-Djalogu

  Ħenn għalija Mulej,

  għax lilek ngħajjat il-ħin kollu.