IL-LE GĦAD-DIVORZJU – Is-27 Ħadd Matul is-Sena – 7 t’Ottubru 2015

IL-LE GĦAD-DIVORZJU – Is-27 Ħadd Matul is-Sena – 7 t’Ottubru 2015

September 27, 2018

Is-27 Ħadd Matul is-Sena

IL-LE GĦAD-DIVORZJU

Ġenesi 2: 18-24: Salm 127; Lhud 2: 9-11; Mark 10: 2-16

Il-Vanġelu

     Resqu xi Fariżej lejh, u biex iġarrbuh staqsewh jekk raġel jistax jitlaq lil martu. Weġibhom u qal: “X’ordnalkom Mosè?”  Qalulu: “Mosè ta l-permess li wieħed jagħmel il-kitba tad-divorzju, u jibgħatha. ” Mbagħad weġibhom Ġesù: “Minħabba l-ebusija ta’ qalbkom kitbilkom dan l-ordni.  Iżda sa mill-bidu tal-ħolqien Alla għamilhom raġel u mara. Għalhekk mela raġel iħalli lil missieru u ‘l ommu u jingħaqad ma’ martu, u t-tnejn isiru ġisem wieħed. Għalhekk m’humiex iżjed tnejn, imma ġisem wieħed. Mela dak li għaqqad Alla ma għandux jifirdu l-bniedem.” Xħin daħlu d-dar id-dixxipli reġgħu staqsewh fuq dan, u hu qalilhom: “Min jitlaq lil martu u jiżżewweġ oħra jkun ħati ta’ adulterju kontra l-ewwel waħda; u jekk mara titlaq lil żewġha u tiżżewweġ ieħor tkun ħatja ta’ adulterju.” 

      Ġibulu quddiemu xi tfal ċkejknin biex iberikhom, iżda d-dixxipli tiegħu qabdu jgħajjtu magħhom. Ġesù, meta ra hekk, inkorla u qalilhom: “Ħalluhom it-tfal żgħar jiġu għandi; iżżommuhomx, għax ta’ min hu bħalhom hija s-Saltna ta’ Alla.  Tassew ngħidilkom, li min is-Saltna ta’ Alla ma jilqagħhiex bħal tifel ċkejken ma jidħolx fiha.”  Mbagħad ħaddanhom miegħu u qiegħed idejh fuqhom u berikhom.

Il-Ħsieb

     Ġesù jitkellem ċar illum:  “Sa mill-bidu tal-ħolqien Alla għamilhom raġel u mara.  Għalhekk, meta jħalli raġel lil missieru u ’l ommu u jingħaqad ma’ martu jsiru ġisem wieħed.”  Ġesù jenfasizza li m’humiex aktar tnejn iżda ġisem wieħed.  Huwa jkompli jitkellem b’qawwa kbira:  DAK LI JGĦAQQAD ALLA MA GĦANDUX JIFIRDU L-BNIEDEM. Id-diskors ta’ Ġesù u t-tagħlim tal-Knisja dwar dan is-suġġett jidhru iebsa u mingħajr flessibiltà.  Iżda llum kulħadd jammetti l-importanza li l-familja għandha fil-bini ta’ soċjetà soda.  Il-familja ffurmata mill-koppja miżżewġa trid tiddefendi ruħha minn mentalità li ġġib il-persuni li jiffirmaw iż-żwieġ oġġetta ta’ konvenjenza għal perjodu qasir ta’ żwieġ.  Il-koppja miżżewġa għandha d-dmir li tibni familja soda fuq l-imħabba ta’ xulxin ibbażata fuq dik l-imħabba-bluha li Alla għandu għall-bniedem.  U għalhekk jagħmel sens li, quddiem kull kriżi li tista’ tfeġġ fil-koppja, dawn jagħmlu mixja ta’ mħabba u konverżjoni; għaliex xi darba jew oħra, minħabba d-dgħufija tagħna kulħadd se jonqos.

     Fl-istess Vanġelu, Ġesù jgħidilna kif trid tkun il-qalb u l-imħabba tagħna bħal dik tat-tfal żgħar.  Hemm bżonn li niritornaw għas-sempliċità.  Hemm bżonn li fil-familja tagħna tirrenja atmosfera sempliċi ta’ qlub ferħana.

Il-Kelma

     Fl-Ewwel Qari tal-lum, meħud mill-Ktieb tal-Ġenesi, għandna l-ħsieb ta’ Alla fuq iż-żwieġ.  F’din is-silta tal-lum naraw li ż-żwieġ huwa ħolqien ta’ Alla u don tiegħu.  Fis-Salm Responsorjali tal-lum insibu talba ta’ barka tal-Mulej fuq il-bniedem u l-familja tiegħu.  Fit-Tieni Qari nsibu silta mill-Ittra lil-Lhud li titkellem dwar is-saċerdozju ta’ Kristu.  Ġesù huwa s-Saċerdot waħdieni u fl-istess ħin bniedem bħalna u ħuna.  Fil-Vanġelu ta’ San Mark għandna lil Ġesù jitkellem kontra d-divorzju kif ukoll jinsisti li rridu nsiru bħat-tfal iż-żgħar.

Il-Ħajja

  1. Hemm bżonn li bħala Nsara nifhmu l-qawwa taż-żwieġ u r-responsabbiltajiet li jġib miegħu.
  2. Iż-żwieġ huwa impenn bejn żewġ bnedmin li jagħtu ħajjithom għal xulxin. Mhux kemm se nieħu miż-żwieġ iżda kemm se noffri.
  3. Kull żwieġ nisrani jagħmel sens jekk ġurnata wara oħra wieħed jgħixu fid-dawl tal-Kelma tal-Mulej.
  4. L-avventura kbira taż-żwieġ nisrani ssaħħaħ lill-bniedem mhux biss moralment iżda wkoll bl-impenn tiegħu fis-soċjetà.
  5. Infittxu dejjem li niżirgħu f’qalbna l-imħabba kbira għal Alla f’kull proġett ta’ ħajjitna, kif ittenni Santa Tereża tal-Bambin Ġesù.
  6. Niftakru dejjem li huwa r-Rużarju li jgħaqqad il-familji tagħna.

Id-Djalogu

  Mulej, żomm idejk fuq kull koppja

  li tixtieq tgħix u tibni miegħek

  il-proġett tal-familja tagħha.