ŻERRIEGĦA ŻGĦIRA, IMMA… – Il-11-il Ħadd Matul is-Sena – 17 ta’ Ġunju 2018

ŻERRIEGĦA ŻGĦIRA, IMMA… – Il-11-il Ħadd Matul is-Sena – 17 ta’ Ġunju 2018

June 12, 2018

Il-11-il Ħadd Matul is-Sena

ŻERRIEGĦA ŻGĦIRA, IMMA…

Eżekjel 17: 22-24; Salm 91; 2 Korintin 5: 6-10; Mark 4: 26-34

Il-Vanġelu

U qal: “Is-Saltna ta’ Alla hi bħal meta raġel ikun xeħet  iż-żerriegħa fl-art. Rieqed jew imqajjem, billejl jew binhar, iż-żerriegħa tinbet u tikber, bla ma jaf kif. L-art trodd minnha nfisha l-ewwel il-barma, mbagħad is-sbula, mbagħad il-qamħ mimli fis-sbula.  U meta l-frott isir, malajr il-bidwi jmidd idu  għall-minġel, għax ikun wasal żmien il-ħsad.”

U qal: “Ma’ xiex sejrin inqabbluha s-Saltna ta’ Alla, jew b’liema parabbola nfissruha? Qisha żerriegħa tal-mustarda; din meta tinżara’ fil-ħamrija, hi l-iċken fost iż-żrieragħ kollha fuq l-art; imma wara li tinżara’ tikber u ssir l-akbar waħda fost il-ħxejjex kollha, u toħroġ friegħi wesgħin, hekk li l-għasafar ta’ l-ajru jkunu jistgħu jistkennu għad-dell tagħha.”

B’ħafna parabboli bħal dawn kien ixandrilhom il-kelma, kif kienu jistgħu jifhmuha huma,  u mingħajr xi parabbola ma kienx ikellimhom; imma lid-dixxipli tiegħu, meta kien ikun waħdu magħhom, kien ifissrilhom kollox.

Parabbola taż-Żerriegħa (http://www.freebibleimages.org/)

 

Il-Ħsieb

Aktar ma jgħaddi ż-żmien aktar qed jiġri li dawk li qed jgħixu l-fidi tagħhom qed ikunu f’minoranza fil-familja, fil-postijiet tax-xogħol, fil-politika, fl-oqsma soċjali.  Meta jiġri hekk jista’ jkun hemm ir-riskju li ħafna jibdew jgħejjew jgħixu l-fidi tagħhom, il-fidi titlef id-dinamiżmu u l-entużjażmu u għalhekk ħafna jsiru passivi u ma jikkonfrontawx l-attwalità li jkunu qed jgħixu fih.  Il-messaġġ qawwi li joħroġ mil-liturġija tal-lum huwa injezzjoni ta’ kuraġġ lejn dak kollu li hemm bżonn biex tidher, tinħass u tikber is-Saltna ta’ Alla, imma wkoll il-ħabbâra tas-Saltna ta’ Alla.  Il-liturġija tal-lum tħeġġiġna biex ma naqtgħux qalbna u nemmnu aktar fil-ħidma li għandna aħna l-imgħammdin: dik li nxerrdu l-kelma ta’ Alla bl-għemil tagħna sa truf l-art minkejja d-diffikultajiet li niltaqgħu magħhom.

Il-Kelma

L-Ewwel Qari tal-lum huwa meħud mill-Ktieb tal-Profeta Eżekjel.  Alla jikkastiga s-Sultan Sedekija minħabba l-ħażen tiegħu, iżda Hu xorta jibqa’ fidil lejn il-Patt li kien għamel u jwiegħed li xorta kien se jkabbar is-Saltna tiegħu.  Is-Salm Responsorjali, li huwa Salm 91, huwa għanja ta’ tifħir lill-Mulej għax is-Saltna tal-Mulej tikber dejjem.  Fit-Tieni Qari tal-lum, fit-Tieni Ittra lill-Korintin, San Pawl itenni li n-Nisrani ma jgħix biss b’dak li jara b’għajnejh iżda fuq kollox jgħix bil-fidi f’Alla u bil-kelma tiegħu.  Il-Vanġelu ta’ San Mark juri t-tfixkil li kellu jiltaqa’ miegħu Ġesù fil-predikazzjoni tiegħù.  X’se jiġri mill-ħidma ta’ Ġesù li bħal bidwi xeħet iż-żerriegħa fl-art?  Is-Saltna ta’ Alla għandha bidu umli iżda qawwi.

Il-Ħajja

  1. Aħna parti mis-Saltna t’Alla. Qegħdin ngħixu din ir-realtà kull ħin?
  2. Aħna lkoll irridu naħdmu biex tikber din is-Saltna. Dan huwa dmir li ksibna mill-magħmudija.  Kif qed ngħixuh? Fejn qed naħdmu?
  3. Minkejja li kultant tħossok waħdek kontra l-kurrent, kemm hija kbira u perseveranti l-fidi tiegħek?
  4. Il-Mulej jgħinna fil-ħidma tagħna. Ma għandniex għalfejn naqtgħu qalbna.

Id-Djalogu

Mulej, grazzi talli għamiltni parti mis-Saltna tiegħek.

Għinni ma naqtax qalbi

u naħdem bla waqfien għal dan il-għan

tul ħajti kollha.