Liturgy

Weekly Liturgy and Reflections

FEJQAN KONTINWU – Il-5 Ħadd Matul is-Sena B – 4 ta’ Frar 2024

February 1, 2024
Christ Healing the Mother of Simon Peter's Wife by John Bridges

Il-5 Ħadd Matul is-Sena

FEJQAN KONTINWU

Ġob 7: 1-4,6-7;  Salm 146; 1 Korintin 9: 16-19; 22-23; Mark 1, 29-39

Il-Vanġelu

      Ħarġu mis-sinagoga u baqa’ sejjer ma’ Ġakbu u Ġwanni għand Xmun u Indrì. Issa omm il-mara ta’ Xmun kienet fis-sodda bid-deni, u malajr qalulu biha.  Resaq lejha, qabadha minn idha u qajjimha. U d-deni ħallieha, u bdiet isservihom.

     Fil-għaxija, mbagħad, fi nżul ix-xemx, ħadulu quddiemu lil dawk kollha li kienu morda jew li kienu maħkuma mix-xitan. U quddiem il-bieb inġabret il-belt bi ħġarha. U fejjaq ħafna morda minn kull xorta ta’ mard, u ħareġ għadd kbir ta’ xjaten li hu ma kienx iħallihom jitkellmu, għax huma kienu jafu min kien.

      L-għada fil-għodu kmieni, qabel ma żernaq, qam, ħareġ u mar f’post imwarrab u qagħad hemm jitlob. Xmun u sħabu l-oħrajn marru jfittxuh. Kif sabuh, qalulu: “Kulħadd jistaqsi għalik.” U qalilhom: “Ejjew immorru band’oħra, fl-irħula tal-qrib, ħalli nippriedka hemmhekk ukoll, għax għalhekk ħriġt.” U dar il-Galilija kollha, jippriedka fis-sinagogi tagħhom u joħroġ ix-xjaten 

Il-Ħsieb

     Fejjaq il-kunjata ta’ Pietru, fejjaq tant morda u ħareġ ix-xjaten.  Il-missjoni ta’ Ġesù hija waħda ċara ta’ fejqan favur il-bniedem.  Il-bniedem huwa fiċ-ċentru mhux biss tat-tagħlim ta’ Ġesù iżda anki ta’ l-azzjoni ta’ fejqan ta’ Ġesù.  Ġesù jara d-dgħufija tal-bniedem u ma jridx iħalli lill-istess bniedem fil-miżerja.  Il-ħarsa ta’ Ġesù lejn il-bniedem mhix dik li titħassar iżda li tgħin mill-ewwel.

     Ġesù huwa dak li jinteressa ruħu mill-ħajja tagħna kollha.  Mhux ser iħares biss lejn l-affarijiet spiritwali.  Il-Vanġelu tal-lum juri biċ-ċar li Ġesù jinteresa ruħu mill-bniedem sħiħ.  Għalhekk iħares lejn il-bniedem kontinwament biex isalvah kemm fir-ruħ kif ukoll fil-ġisem.

Il-Kelma

     Fl-Ewwel Qari mill-Ktieb ta’ Ġob għandna meditazzjoni dwar it-tbatija li l-bniedem ikollu jħabbat wiċċu magħha.  F’din is-silta hemm ideja pessimista tal-ħajja.  Għad m’hemmx ideja ta’ x’se jiġri wara din il-ħajja.  Is-Salm Responsorjali huwa innu ta’ tifħir lill-Mulej li jfejjaq lil dawk ta’ qalbhom maqsuma.  Fit-Tieni Qari għandna silta mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl lill-Korintin fejn juri l-qawwa u r-responsabbiltà tax-xandir tal-Vanġelu.  Il-Vanġelu ta’ San Mark jippreżenta lil Ġesù bħala t-tabib tar-ruħ u l-ġisem.

Il-Ħajja
  1. Kemm qed nersaq b’umiltà lejn Ġesù biex ifejjaqni?
  2. Kemm qed nafda fil-Mulej fil-mard tiegħi tar-ruħ u tal-ġisem?
  3. Ġesù kontinwament jiġri warajna biex ifejjaqna. Qed inwasslu nies oħrajn għandu għall-fejqan?
  4. San Pawl illum jurina r-responsabbiltà tad-dmir li nxandru l-Vanġelu. Kemm qed tħoss li dan huwa dmir bħala nisrani?
Id-Djalogu

  Mulej, għallimni nersaq lejk

  bil-ġrieħi tiegħi.  Fejjaqni Mulej.

read more

L-IMXAJTAN U L-KELMA SETGĦANA – Ir-4 Ħadd Matul is-Sena B – 28 ta’ Jannar 2024

January 15, 2024

Ir-4 Ħadd Matul is-Sena

L-IMXAJTAN U L-KELMA SETGĦANA

Dewteronomju 18, 15-20; Salm94; 1 Korintin 7, 32-35; Mark 1,21-28

 

Il-Vanġelu

U daħlu Kafarnahum. Malajr, f’jum is-Sibt, daħal fis-sinagoga u qagħad jgħallem. In-nies baqgħu mistagħġbin bil-mod tat-tagħlim tiegħu, għax beda jgħallimhom bħal wieħed li għandu  s-setgħa, u mhux bħall-kittieba. Mela jkun hemm fis-sinagoga tagħhom raġel bi spirtu ħażin u qabad jgħajjat u jgħid: “Aħna x’għandna x’naqsmu, Ġesù ta’ Nazaret? Ġejt biex teqridna? Jien naf min int: ‘Il-Qaddis ta’ Alla’.” Imma Ġesù kkmandah: “Iskot,” qallu,”u oħroġ minnu.”  Mbagħad l-ispirtu ħażin lir-raġel beda jħabbtu ħafna, għajjat għajta kbira u ħareġ minnu. U lkoll stagħġbu, u bdew jistaqsu lil xulxin u jgħidu: “Dan x’inhu? X’tagħlim ġdid mogħti bis-setgħa! Sa lill-ispirti ħżiena jikkmanda, u huma joqogħdu għalih!” U l-fama tiegħu malajr xterdet ma’ l-inħawi kollha  tal-Galilija.

 

Il-Ħsieb

Fil-ġrajja tagħna ta’ kuljum ħafna drabi nħossuna mitlufin anki fl-istess fidi tagħna.  Inkunu nemmnu… iżda m’aħniex nemmnu biżżejjed.  Ħafna drabi nibdew nissuspettaw fl-istess fidi tagħna.  Qed nitlob għall-paċi u tfaqqa’ l-gwerra; qed nitlob għall-fejqan u nibqa’ marid… iżda fejn qed imur it-talb tiegħi?  It-talb tagħna jkun talb ħerqan lejn dak Ġesù li għandu s-setgħa u l-qawwa fl-istess kelma tiegħu.  Kemm Hawn fostna li jippruvaw jaraw li jitolbu l-ħin kollu u mbagħad ikunu ferm ’il bogħod mill-Iskrittura Mqaddsa?  Ħemm bżonn urġenti li nkunu nafu ħafna dwar l-Iskrittura Mqaddsa b’mod speċjali l-kliem ta’ Kristu, għax dan l-istess kliem għandu jkun għalina l-qawwa, tama, faraġ, kuraġġ kontra l-imxajtnin ta’ ġo fina u ta’ madwarna.  Kulħadd kien jibqa’ mistagħġeb meta jitkellem Ġesù.  Illum għadna nkunu mistagħġba bil-kliem ta’ Kristu li qed jitwassal lilna mill-Knisja?  Għadna nemmnu meta nisimgħu l-kliem ta’ Kristu jew aħna biss ossessjonati f’talb li ħafna drabi joħroġ fil-beraħ l-egoiżmu sfrenat ta’ l-umanità tagħna?  Il-kliem ta’ Kristu jgħinna naċċettaw kull sitwazzjoni fil-ħajja tagħna… għaliex m’aħniex naċċettawH u ngħixuH?

Il-Kelma

L-Ewwel qari tal-lum Huwa meħud mill-Ktieb tad-Dewteronomju fejn Hemm il-wegħda li se jqum Profeta li se jwassal il-Kelma ta’ Alla lill-popli kollha.  Is-Salm 94 li ntennu fis-Salm Responsorjali Huwa stedina biex ma nwebbsux qalbna iżda nisimgħu l-leħen tal-Mulej.  It-Tieni Qari tal-lum Huwa meħud mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl lill-Korintin fejn l-Appostlu jgħidilna li jkun xi jkun l-istat tagħna fil-ħajja għandna nħallu l-ewwel post għal Alla.  Il-Vanġelu ta’ San Mark jurina kif in-nies ta’ Kafarnahum baqgħu mistagħġba bil-qawwa u s-setgħa fil-kliem ta’ Ġesù.

Il-Ħajja

  1. Ir-reazzjoni tagħna għax-xitan qed tkun il-Kelma t’Alla?
  2. Kemm nemmnu fil-qawwa tal-Kelma t’Alla?
  3. Kemm għamilna deċiżjonijiet żbaljati għax ma afdajniex lil Alla u afdajna f’esseri inferjuri?
  4. Qed nitolbuH ineħħi minna l-Ispirti mniġġsa ta’ tant vizzji u ħażen li jakkumulaw fina tul ħajjitna?

Id-Djalogu

Mulej, il-Kelma tiegħek tagħtini l-ħajja!

read more

XANDRU L-MESSAĠĠ MALAJR! – It-3 Ħadd matul is-sena B – 21 ta’ Jannar 2024

January 15, 2024

It- 3 Ħadd Matul is-Sena

XANDRU L-MESSAĠĠ MALAJR!

Ġona 3:1-5,10; Salm 24; 1 Kor 7: 29-31; Mark 1: 14-20

Il-Vanġelu

     Wara li arrestaw lil Ġwanni, Ġesù mar il-Galilija jxandar l-Evanġelju ta’ Alla u jgħid: “Iż-żmien huwa mitmum, u s-Saltna ta’ Alla waslet; indmu u emmnu fl-Evanġelju.”

     Waqt li kien għaddej ma’ xatt il-baħar tal-Galilija, lemaħ lil Xmun u ‘l ħuh Indrì qegħdin ikalaw ix-xbiek fil-baħar, għax kienu sajjieda. U Ġesù qalilhom: “Ejjew warajja, u nagħmel minnkom sajjieda tal-bnedmin.” U minnufih telqu x-xbiek, u marru warajh.

     Wara li mexa ftit ieħor ra lil Ġakbu ta’ Żebedew u lil ħuh Ġwanni fid-dgħajsa qegħdin isewwu x-xbiek, u minnufih sejjħilhom. U huma telqu lil missierhom Żebedew fid-dgħajsa mal-lavranti, u marru warajh.

 

Il-Ħsieb

Ejjew warajja, u nagħmel minnkom sajjieda tal-bnedmin
     Hemm bżonn urġenti ta’ konverżjoni – BIDLA.  Hemm bżonn urġenti li l-messaġġ ta’ Kristu llum jasal aħjar u b’mod effiċjenti.  Hemm bżonn li l-bnedmin anki llum jaħdmu kif kien jagħmel Ġesù, mhux biss għall-konverżjoni tal-bnedmin iżda biex inkunu missjunarji ta’ tama ġdida fis-soċjetà.

      Ġesù jagħżel lil kull min jiftaħ qalbu għas- sejħa li jagħmel.  Huwa ferħ importanti li nwieġbu għal din is-sejħa mingħajr qtigħ ta’ qalb.  Ġesù  għandu fiduċja fina.  Huwa jħares f’għajnejna u jridna nkunu miegħu.

Il-Kelma

     Fl-Ewwel Qari tal-lum, mill-Ktieb ta’ Ġona, għandna lil Alla jagħżel lil Ġona biex juri li s-sejħiet tiegħu hu jagħmilhom lil kulħadd, inkluż lill-pagani.  Fis-Salm Responsorjali, minn Salm 24, għandna talba lill-Mulej biex jurina triqatu, filwaqt li fit-Tieni Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl lill-Korintin, San Pawl uriena li l-investiment tagħna jkun fl-affarijiet tas-sema għax iż-żmien qasir,  Fil-Vanġelu ta’ San Mark għandna l-predikazzjoni ta’ l-Aħbar it-Tajba u s-sejħiet ta’ Kristu lill-Appostli.

Il-Ħajja
  1. Ġesù jgħidlek llum: iż-żmien huwa mitmum u s-Saltna t’Alla waslet. Indmu u emmnu fil-Bxara t-Tajba.  Temmen inti f’dan?
  2. Kemm qed tifhem li anki lilek Ġesù sejjaħlek b’ismek mhux biss biex inti tikkonverti iżda wkoll biex tħabbar l-Aħbar it-Tajba fl-ambjent tiegħek?
  3. Ġesù qed isejjaħ kull ħin biex nimxu warajh… għadni indeċiż biex nilqgħu f’kollox?
  4. San Pawl itenni li ż-żmien qsar. Torbotx qalbek ma’ affarijiet tad-dinja.
Id-Djalogu

     Mulej, għinni int

     biex nitlaq kollox

     u fil-libertà nimxi warajk.

read more

4.00 p.m. – It-2 Ħadd matul is-sena B – 14 ta’ Jannar 2024

January 11, 2024

It- 2 Ħadd Matul is-Sena

4.00 p.m.

Samwel 5: 3b-10.19; Salm 39; 1 Korintin 6: 13c-15a: 17-20; Ġwanni 1:35-42

Il-Vanġelu

[Ġwanni 1:35-42]

L-għada Ġwanni raġa’ kien hemm ma’ tnejn mid-dixxipli tiegħu. Ħares lejn Ġesù li kien għaddej minn hemm, u qal: “Araw il-Ħaruf ta’ Alla.” Iż-żewġ dixxipli semgħuh jgħid dan, u marru wara Ġesù. Ġesù dar u rahom mexjin warajh, u qalilhom: “Xi tridu?” Iżda huma staqsewh: “Fejn toqgħod, Rabbi?” – li tfisser Mgħallem. Hu weġibhom: “Ejjew u taraw.” U marru miegħu u raw fejn kien joqgħod, u dak in-nhar baqgħu miegħu. Kien għall-ħabta ta’ l-għaxar siegħa. Wieħed mit-tnejn li semgħu x’kien qal Ġwanni u marru wara Ġesù kien Indrì, ħu Xmun Pietru. L-ewwel ma għamel mar isib lil ħuh Xmun, u qallu: “Sibna l-Messija” – li tfisser Kristu. U ħadu għand Ġesù. Ġesù ħares lejh u qallu: “Inti Xmun, bin Ġwanni. Inti tissejjaħ Kefa” – jew Pietru.

 

Il-Ħsieb

Ejjew u taraw
     Kienu l-erbgħa ta’ wara nofsinhar.  Ġwanni jibqa’ jiftakar il-ħin preċiż tal-laqgħa tiegħu mal-Mulej.  Mhux il-ġurnata biss baqa’ jiftakar iżda l-ħin preċiż ta’ l-istedina tiegħu.  Ma tantx ħela kliem, iżda tenna EJJEW U TARAW.  Hija stedina u sfida biex nimxu wara Ġesù.  Hija stedina biex jekk naħsbu li l-ħajja ta’ Ġesù hija iebsa nistgħu nwarrbu.  Ġesù din l-istedina jagħmilha b’mod personali, anzi ‘ħares lejn’ l-għajnejn ta’ Ġesù jiltaqgħu ma’ tas-sajjied Xmun.  Is-sejħa tibda b’Pietru.

Il-Kelma

     Fl-Ewwel Qari, meħud mill-Ktieb ta’ Samwel, għandna r-rakkont tas-sejħa ta’ Samwel li ma għarafx mill-ewwel iżda wara wieġeb il-kelma tal-Mulej.  Fis-Salm Responsorjali, meħud minn Salm 39, għandna t-tweġiba miftuħa tan-nisrani matur quddiem l-istedina ta’ Alla.  It-Tieni Qari, mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl lill-Korintin, jurina li għandna nużaw tajjeb il-libertà li ksibna fi Kristu.  Fil-Vanġelu tal-lum għandna s-sejħa u stedina li għamel Ġesu lid-dixxipli – ejjew u araw.

Il-Ħajja
  1. Kemm qegħdin tassew, fil-ħajja tagħna, nirrispondu bis-serjetà għas-sejħiet ta’ Ġesù?  Kemm qed infittxu u naraw x’qed jagħmel magħna Ġesù?
  2. Ġesù? jagħżilna b’isimna. Għandu missjoni għal kull wieħed u waħda minna.  M’huwiex diffiċli li nsegwuh.  Huwa tajjeb li ma naqtgħux qalbna.  Importanti li nsegwuh.
  3. Fil-ħajja tagħna nieħdu ħafna riskji, speċjalment fejn jidħlu l-finanzi. Kemm qed nieħdu riskji ta’ fidi fl-għażliet li nwettqu għal Ġesù?  Kemm qed insegwu dak li qed jgħidilna llum Ġesù, minkejja li jidher kontradittorju għas-soċjeta ta’ llum?
  4. Kemm qed nindikaw lil Ġesù lin-nies ta’ madwarna, bħalma għamel Ġwanni l-Battista?
  5. Ġwanni l-Evanġelista jiftakar il-ħin preċiż li sejjaħlu Ġesù. Int tiftakar?
Id-Djalogu

  Hawn jien Mulej,

  ġej nagħmel ir-rieda tiegħek (Salm 39).

read more

ID-DAWL TAL-KEWKBA – L-Epifanija tal-Mulej – 7 ta’ Jannar 2024

January 2, 2024

L-Epifanija tal-Mulej

ID-DAWL TAL-KEWKBA

Isaija 60: 1-6; Salm 71, Efesin 3: 2-6; Mattew 2: 1-12

 

Il-Vanġelu

Meta twieled Ġesù f’Betlehem tal-Lhudija, fi żmien is-sultan Erodi, xi maġi mil-lvant ġew Ġerusalemm jistaqsu: “Fejn hu dak li twieled sultan tal-Lhud? Għax rajna l-kewkba tiegħu tielgħa, u ġejna nqimuh.” Is-sultan Erodi sama’ bihom, u tħawwad hu u Ġerusalemm kollha miegħu. Ġabar flimkien il-qassisin il-kbar u  l-kittieba kollha tal-poplu, u ried jaf mingħandhom fejn kellu jitwieled   il-Messija. U huma qalulu: “F’Betlehem tal-Lhudija, għax hekk inkiteb mill-profeta:

                 ‘U int, Betlehem, art ta’ Ġuda,

                 le, m’intix l-iżgħar fost il-bliet il-kbar ta’ Ġuda

                 għax minnek joħroġ mexxej

                 li jirgħa l-poplu tiegħi Iżrael.’

Erodi mbagħad sejjaħ lill-maġi bil-moħbi, u tkixxef bir-reqqa kollha mingħandhom iż-żmien li fih dehritilhom il-kewkba; bagħathom Betlehem u qalilhom: “Morru, staqsu sewwa għat-tifel, u meta ssibuh ejjew għiduli, ħalli jien ukoll niġi nqimu.”  Dawk, wara li semgħu lis-sultan, telqu, u ara, il-kewkba li kienu raw tielgħa bdiet miexja quddiemhom sakemm waslet u waqfet fuq il-post fejn kien hemm it-tifel. Kif raw il-kewkba mtlew b’ferħ kbir tassew. Meta mbagħad daħlu d-dar u raw lit-tifel ma’ ommu Marija, nxteħtu fl-art iqimuh; fetħu t-teżori tagħhom u offrewlu rigali deheb, inċens u mirra. Mbagħad, billi kienu mwissijin f’ħolma biex ma jerġgħux imorru għand Erodi, telqu lura lejn arthom minn triq oħra.

 

Il-Ħsieb

 

Imtlew b'ferħ kbir tassew
    It-twelid ta’ Ġesù Bambin kien mument ta’ ferħ mhux magħruf għall-umanità kollha sakemm il-kewkba indikat dan il-mument u lokalità lill-Maġi li ġew ifittxu lil Ġesù minn diversi lokalitajiet.  Minkejja tant tfixkil, baqgħu jfittxu sakemm sabu lil Ġesù minn diversi lokalitajiet.  Minkejja tant tfixkil, baqgħu jfittxu sakemm sabu lil Ġesù.  Ħafna drabi fil-ħajj tagħna, minkejja tant dwal ta’ grazzja li jagħtina l-Mulej, naqtgħu qalbna malajr quddiem l-iċken tfixkil u malajr indawru wiċċna ’l bogħod minn Ġesù.  Il-Maġi ma għamlux hekk!  Baqgħu jfittxu lil Ġesù sakemm sabuh u ppreżentaw ir-rigali taghhom:  deheb – inċens – mirra.  It-tfittxija temmewha bil-laqgħa ma’ Ġesù li bidilhom – “imtlew b’ferħ kbir tassew.”

Il-Kelma

     L-Ewwel Qari tal-lum joffrilna silta mill-ktieb ta’ Isaija, fejn l-Awtur jirrakkonta l-mixja tal-poplu Lhudi li hu meħlus mill-jasar ta’ Babel u riesaq lejn Ġerusalem.  Is-Salm Responsorjali, meħud minn Salm 71, huwa innu ta’ tifħir lill-Messija – is-Sultan tal-Ħolqien kollu.  Fit-Tieni Qari tal-lum, meħud mill-Ittra ta’ San Pawl lill-Efesin, għandna lil San Pawl jitkellem dwar il-misteru tal-Pjan ta’ Salvazzjoni lill-pagani.  Fil-Vanġelu ta’ San Mattew għandna r-rakkont taż-Żjara tal-Maġi li ġew mil-Lvant biex jagħtu qima lill-Mulej.

Il-Ħajja
  1. Kemm qed nagħmlu minn ħajjitna tfittxija serja għal Ġesù?
  2. Kemm qed inkunu nies li naqtgħu qalbna malajr ma’ l-ewwel tfixkil li nsibu fit-triq tagħna?
  3. Kemm tassew qed ikollna mumenti fil-ħajja tagħna li naduraw lil Ġesù?
  4. X’tip ta’ rigali qed noffru lil Ġesù? Kemm-il darba qed noffru l-istess ħajja tagħna?
  5. Fil-jum ta’ l-Epifanija ejjew inwiegħdu lil Ġesù li se nagħtu xhieda akbar tiegħu fil-jiem ta’ ħajjitna.
Id-Djalogu

  Mulej, inti li wrejt lilek innifsek lill-ġnus kollha,agħmel li fiċ-ċokon tiegħi nagħti xhieda tiegħek lil ta’ madwari.

read more

L-IMQADDSA OMM ALLA – L-1 ta’ Jannar 2024

December 28, 2023

L-1 ta’ Jannar

L-IMQADDSA OMM ALLA

Numri 6, 22-27, Salm 62; Galatin 4; 4-7; Luqa 2: 16-21

Il-Vanġelu

Marru mela jgħaġġlu, u sabu lil Marija u ‘l Ġużeppi, bit-tarbija mimduda f’maxtura. Kif raw dan, bdew jgħarrfu b’kull ma kien intqal lilhom dwar dik it-tarbija, u kull min semagħhom baqa’ mistagħġeb b’dak li qalulhom ir-rgħajja. Marija, min-naħa tagħha, baqgħet tgħożż f’qalbha dawn il-ħwejjeġ kollha u taħseb fuqhom bejnha u bejn ruħha. Ir-rgħajja mbagħad reġgħu lura, isebbħu u jfaħħru lil Alla għal kull ma kienu raw u semgħu, kif l-anġlu kien qalilhom.

Meta wasal it-tmien jum biex lit-tifel jagħmlulu ċ-ċirkonċiżjoni, semmewh Ġesù, bl-isem li kien tah l-anġlu qabel ma tnissel fil-ġuf.

Il-Ħsieb

Illum l-ewwel ġurnata tas-sena l-ġdida. Min jaf kemm nippruvaw nagħmlu proponimenti u l-Knisja tgħinna biex nagħmlu dawn il-proponimenti u nsegwuhom. Illum il-Knisja tippreżentalna lill-Imqaddsa Omm Alla bħala l-pedament kemm tal-ħajja tagħna ta’ kuljum u niftakru li Marija ħadet ħsieb lill-Iben t’Alla li sar beniedem. Marija, li hija mudell għal dawk kollha li m’humiex suppervi iżda umli. Huwa għalhekk li Ġesù Bambin wera lilu nnifsu fil-Grotta ta’ Betlem lil grupp ta’ ragħajja li kienu fqar u umli. Ġesù juri lilu nnifsu biss lil dawk li huma foqra sabiex bil-preżenza u l-ħajja tiegħu jimliehom bil-ferħ veru. Il-festa ta’ llum mhix biss il-festa ta’ l-ewwel ġurnata ta’ sena ġdida, iżda hija l-festa ta’ Marija Ommna li hija mudell għalina lkoll, għall-mod ta’ ħajja li rridu ngħixu kif ukoll Omm li se tħarisna. It-titlu ta’ Omm Alla huwa l-pedament tat-titli l-oħra u tal-qima li l-Insara minn dejjem tawha. Kull meta fl-art mqaddsa ta’ l-ewwel insara nsibu x-xbieha ta’ Marija, insibuha dejjem ma’ Binha Ġesù fi ħdanha. Marija laqgħet lill-Iben ta’ Alla fil-ġuf wara li kienet diġà laqgħetu fil-qalb tagħha permezz tal-fidi. Ġesù jqis lilna lkoll bħala ommu u ħutu, jekk bħal Marija nilqgħu f’qalbna l-kelma tiegħu.

Il-Kelma

Fl-Ewwel Qari mill-Ktieb tan-Numri, insibu li l-Mulej kellem lil MoseÏ biex jitlob il-barka tal-Mulej. Dan kien ifisser li jsejjaħ fuq in-nisel tiegħu l-isem tal-Mulej biex huwa nnifsu jiġi ħalli jsalvana. Din is-salvazzjoni ġġib magħha lill-Mulej li jħarisna, jaħfrilna u jagħtina r-rigal tal-paċi u tal-hena. Il-Mulej jibgħat din il-barka fil-persuna ta’ Ġesù ta’ Nażaret. Fis-Salm Responsorjali minn Salm 62 għandna innu ta’ radd il-ħajr lill-Mulej Alla tagħna li permezz ta’ Ġesù Kristu tana sehem mill-barkiet tiegħu li fl-imgħoddi ta lill-poplu ta’ Israel. Fit-Tieni Qari mill-Ittra ta’ San Pawl lill-Galatin għandna stqarrija ta’ San Pawl li Ġesu huwa tassew bniedem bħalna għax huwa mwieled minn mara. Ġesù mhux biss jeħlisna mill-jasar tal-ħażen iżda permezz ta’ l-Ispirtu tiegħu jagħmilna wlied u werrieta tas-Saltna tiegħu. Fil-Vanġelu ta’ San Luqa għandna dehra oħra tal-Grotta ta’ Betlem; din id-darba huma r-ragħajja n-nies privileġġjati li jagħmlu żjara lil Ġesu bambin. Quddiem ħafna bibien magħluqa kienet il-qalb tar-ragħajja foqra, iżda twajba, ta’ dawk l-inħawi li ġegħlithom jersqu lejn dik il-Grotta u jaraw u jaduraw lil Ġesù Bambin. Is-Salvatur tad-dinja jrid quddiemu nies bi qlubhom safja, foqra u sempliċi.

Il-Ħajja

Fl-ewwel jum ta’ sena ġdida rridu nirriflettu sew fuq il-mod ta’ ħajja li qed ngħixu. Fl-ewwel jum tas-sena rridu mmorru aħna wkoll quddiem Ġesù biex noffrulu din is-sena li se jislifna biex ngħixu. Fl-ewwel jum tas-sena lkoll kemm aħna rridu nersqu b’mod sempliċi u b’qalbna miftuħa beraħ quddiem is-Salvatur, quddiem l-Imanuel – Alla magħna. Dan il-lejl ħafna nies iċċelebraw bidu ta’ sena ġdida, iżda x’iċċelebraw? Sena fejn ser ikomplu jikbru l-ġrieħi tal-firda? Sena li fiha s-sinjur ser isir aktar sinjur u l-fqir aktar fqir? Sena li fiha lkoll kemm aħna se naħdmu għal rasna? Kemm ser niċċelebraw għax ser niftaqru mis-suppervja, mill-egoiżmu, mill-għatx għall-poter u l-flus? Kemm qed niċċelebraw għax sibna OMM li hija wkoll OMM ALLA li ser inħarsu lejha bħala l-mudell ta’ ħajjitna u hi min-naħa tagħha ser tipproteġina? Bdejna sena li l-ferħ tagħha ser idum daqskemm inkunu nies foqra u sempliċi. Din hija l-isfida għal din is-sena!

Id-Djalogu

O Alla li kellimtna permezz ta’ Ibnek,
Li tajtna lil Marija bħala Ommna,
Għinna ngħixu fuq l-eżempju tagħha,
Tul il-jiem kollha ta’ din is-sena.

read more

RIFLESS TA’ FAMILJA – Il-Festa tal-Familja Mqaddsa – il-Ħadd 31 ta’ Diċembru 2023

December 28, 2023

Il-Festa tal-Familja Mqaddsa ta’ Nażaret

RIFLESS TA’ FAMILJA

Bin Sirak 3:2-6; 12-14; Salm 127, 1-5; Kolossin 3: 12-21; Luqa 2: 22-40

Il-Vanġelu

Il-preżentazzjoni ta’ Ġesù fit-tempju

 Wara li għalqilhom iż-żmien għall-purifikazzjoni tagħhom skond il-Liġi ta’ Mosè, ħaduh Ġerusalemm biex jippreżentawh lill-Mulej, kif hemm miktub fil-Liġi tal-Mulej, li ‘kull tifel li jitwieled l-ewwel, jiġi kkonsagrat lill-Mulej,’ u biex joffru b’sagrifiċċju ‘par gamiem jew żewġ bċieċen,’ kif jingħad ukoll fil-Liġi tal-Mulej.

 F’Ġerusalemm kien hemm wieħed, jismu Xmun, raġel ġust u tajjeb, li kien jistenna l-faraġ ta’ Iżrael u li kellu l-Ispirtu s-Santu fuqu. L-Ispirtu s-Santu kien nebbħu li ma kienx se jara l-mewt qabel ma jara l-Messija tal-Mulej. Mar mela fit-tempju, mqanqal mill-Ispirtu, u xħin il-ġenituri daħlu bit-tarbija Ġesù biex jagħmlulu dak li kienet trid il-Liġi, huwa laqgħu fuq dirgħajh, bierek lil Alla u qal:

“Issa, o Sid, tista’ tħalli l-qaddej tiegħek imur fis-sliem, skond kelmtek, għaliex għajnejja raw is-salvazzjoni tiegħek li int ħejjejt għall-popli kollha, dawl biex idawwal il-ġnus, u glorja tal-poplu tiegħek Iżrael.”

 Missieru u ommu baqgħu mistagħġba b’dak li kien qiegħed jingħad fuqu. Xmun berikhom, u qal lil ommu Marija: “Ara, dan se jġib il-waqgħa u l-qawmien ta’ ħafna f’Iżrael; se jkun sinjal li jmeruh, – u inti wkoll, sejf jinfidlek ruħek! – biex jinkixfu l-ħsibijiet moħbija fil-qlub ta’ ħafna.”

Kien hemm ukoll waħda profetissa, Anna, bint Fanwel, mit-tribù ta’ Aser. Kienet imdaħħla ħafna fiż-żmien; wara xbubitha kienet għamlet seba’ snin miżżewwġa, u mbagħad romlot. Sa ma kellha erbgħa u tmenin sena ma kienet titwarrab qatt mit-tempju, lejl u nhar taqdi lil Alla fis-sawm u t-talb. Dak il-ħin stess waslet, u bdiet trodd ħajr lil Alla u titkellem fuq it-tarbija ma’ dawk kollha li kienu jistennew il-fidwa ta’ Ġerusalemm.

Meta temmew kull ma kellhom jagħmlu skond il-Liġi tal-Mulej reġgħu lura lejn il-Galilija fil-belt tagħhom ta’ Nazaret.  U t-tifel baqa’ jikber u jissaħħaħ, mimli  bl-għerf. U l-grazzja ta’ Alla kienet fuqu

 

Il-Ħsieb

     Xi ftit jew wisq kulħadd għandu għal qalbu l-familja tiegħu.  Kulħadd jaf kemm dwejjaq jaqbduk meta tisma’ bi stejjer ta’ familji li qed jitfarrku kull ħin.  L-ewwel Ħadd fuq il-Milied il-liturġija tiddedikah għall-familja ta’ Nażaret bħala rifless tal-familji nsara llum.  Il-Milied huwa l-festa li tgħaqqad il-familja.  Iżda dan għadu jseħħ illum?  Kemm tassew qed inpoġġu l-valuri ta’ l-għaqda fil-familja f’post ċentrali ta’ ħajjitna?  Dawk li se jibnu familja qed iħarsu b’entużjażmu lejn din l-esperjenza, jew għalihom id-dar tiġi qabel il-familja?  Ir-rifless tal-familja ta’ Nażaret huwa rifless ta’ famija umli u sempliċi iżda magħquda bil-preżenza ta’ Ġesù f’nofshom.  Kemm qed nittamaw u naħdmu ħalli kull familja llum ikollha preżenza li tinħass ta’ Ġesù fin-nofs tar-realtà familjari?  Il-Familja ta’ Nażaret hija rifless ta’ rispett iżda wkoll sagrifiċċju, xi ħaġa li forsi qed tgħib mill-familji Maltin illum.

Il-Kelma

     L-Ewwel Qari tal-lum huwa meħud mill-Ktieb ta’ Bin Sirak u juri kif wieħed irid iħobb u jirrispetta l-ġenituri tiegħu biex juri li tassew iħobb u jirrispetta lil Alla.  Fis-Salm Responsorjali għandna Salm li jfaħħar lil dawk kollha li jagħżlu b’mod għaqli li jimxu fil-mogħdijiet tal-Mulej.  San Pawl, fit-Tieni Qari tal-lum, itenni l-istedina tal-maħfra ta’ xulxin għax aħna lkoll maħbubin ta’ Alla.  Fil-Vanġelu tal-lum għandna ritratt tal-familja ta’ Nażaret bħala xempju ta’ fedeltà lejn Alla u lejn il-liġi tiegħu.

Il-Ħajja
  1. Kemm għandna nagħtu importanza lit-talb fil-familja tagħna?
  2. Kemm qed inħoss li l-preżenza ta’ Alla hija importanti fil-ħajja tal-familja tiegħu; kemm tinqara l-kelma ta’ Alla flimkien; kemm tassew qed nifhmu u nagħdru lil xulxin?
  3. Kemm qed insibu ħin nisimgħu lil xulxin fil-familja tagħna?
  4. Il-pedament tal-familja hija s-sagrifiċċju bi spirtu evanġeliku.  Qed nifhmu li Alla jinsab anki meta inti tiċċaħħad minn xi ħaġa għal xi ħadd fil-familja tiegħek?
  5. Kemm qed nitolbu għall-qdusija tal-familja tagħna?
  6. Attenti li jkun hemm Alla wieħed fil-familja u nibżgħu minn allat foloz li jistgħu jitlajjaw mal-familja, bħalma huma l-flus u attrazzjonijiet oħra.
Id-Djalogu

  Mulej, żomm idejk fuq il-familji tagħna.

  Qaddishom u berikhom.

read more

AWGURI GĦAL ĦAJJITNA – il-Milied – 25 ta’ Diċembru 2023

December 18, 2023

Il-Milied

AWGURI GĦAL ĦAJJITNA

Isaija 52, 7-10; Salm 97; Lhud 1,1-6; Ġwanni 1, 1-18

Il-Vanġelu – Il-Verb sar bniedem

Fil-bidu kien il-Verb, u l-Verb kien ma’ Alla, u l-Verb kien Alla. Hu kien fil-bidu ma’ Alla. Kollox bih sar, u xejn ma sar mingħajru; kull ma sar kellu l-ħajja fih, u l-ħajja kienet id-dawl tal-bnedmin. Id-dawl jiddi fid-dlam, imma d-dlam ma għelbux.

Kien hemm raġel mibgħut minn Alla, jismu Ġwanni. Dan ġie bħala xhud, biex jixhed għad-dawl, biex bih kulħadd jemmen. Ġwanni ma kienx id-dawl, imma ġie biex jixhed għad-dawl, dak id-dawl veru, li jdawwal kull bniedem, huwa u ġej fid-dinja. Kien fid-dinja, u d-dinja saret bih, imma d-dinja ma għarfitux. Ġie f’daru, u niesu ma laqgħuhx. Imma lil dawk li laqgħuh tahom is-setgħa li jsiru wlied Alla, dawk li jemmnu f’ismu, li twieldu mhux bid-demm, anqas mill-ġibda tal-ġisem, u anqas mir-rieda tal-bniedem, iżda minn Alla.

U l-Verb sar bniedem u għammar fostna, u aħna rajna l-glorja tiegħu, il-glorja li għandu mill-Missier bħala Ibnu l-waħdieni, mimli bil-grazzja u l-verità. Ġwanni ta xhieda fuqu meta għajjat u qal: “Dan hu li għalih għedtilkom, ‘Jiġi warajja, imma hu aqwa minni, għax kien minn qabli.’ “

Għax mill-milja tiegħu aħna lkoll ħadna, grazzja fuq grazzja. Alla ta l-Liġi permezz ta’ Mosè imma l-grazzja u l-verità seħħu permezz ta’ Ġesù Kristu. Lil Alla għadu ħadd ma rah; imma għarrafhulna l-Iben il-waħdieni ta’ Alla, li hu fi ħdan il-Missier.

Il-Ħsieb

U l-Verb sar bniedem u għammar fostna - verbum dei caro factum est
     Illum nawguraw ħafna lil xulxin.  Nawguraw il-Milied it-Tajjeb, iżda l-Milied it-tajjeb jista’ jkun biss tajjeb jekk nifhmu li qed niċċelebraw il-festa tat-Twelid tal-Messija.  Il-ferħ tagħna llum m’huwiex ferħ ta’ mument iżda ferħ ta’ ħajja sħiħa.  Il-ferħ tagħna llum mhux marbut ma’ rigal jew xi party iżda ferħ li jwassal lilna lkoll viċin il-faqar tal-maxtura ta’ Betlem, iwassalna biex niżvujtaw qlubna mill-imbarazz ta’ tant affarijiet materjali biex insibu dak il-ferħ li huwa biss ta’ ġid spiritwali.  Din mhix utopjija iżda hija tfittxija għall-veru ferħ li jibqa’ magħna kuljum matul is-sena.  Il-ferħ tagħna llum, għax Alla fdiena billi bagħat lil Ibnu fid-dinja, għalina jrid ifisser li lkoll kemm aħna nifhmu li Alla jsegwi l-passi tagħna minkejja li jħallina liberi.  Alla jsegwi l-passi tagħna minkejja li nistgħu neħduha kontra tiegħu, li Alla jsegwi l-passi tagħna biex fil-waqgħat ikun ħdejna u jkennina.  Il-Bambin ta’ Betlem, li mill-ewwel sigħat id-dinja ma għarfitux u ma laqgħetux, qed isejħilna biex nersqu lejh.  Ser inkunu b’għajnejna miftuħa llum fil-ġurnata tal-Milied Imqaddes li nersqu lejh u nadurawh?

     Il-festa tal-lum trid twasslilna wkoll il-messaġġ ta’ l-għażla bejn id-dawl u d-dlam.  Noqogħdu attenti għall-kliem tal-Vanġelu ta’ San Ġwann li ntennu llum:  “Kien id-dawl tassew li jdawwal kull bniedem li jiġi fid-dinja.  Kien fid-dinja u d-dinja saret bih imma d-dinja ma għarfitux.  Ġie f’daru u niesu ma laqgħuhx.”  Araw l-arroganza tiegħi u tiegħek.  Il-Mulej jiskomoda ruħu u jidħol fid-dinja tagħna u aħna ma nagħrfuhx u ma nilqgħuhx.  Din is-sena wkoll ser inħallu l-bibien magħluqa għalih?

Il-Kelma

     Fl-Ewwel Qari tal-lum, meħud mill-Ktieb tal-Profeta Isaija, għandna r-rakkont kif Alla ħeles il-poplu tiegħu mill-eżilju ta’ Babel u qiegħed imexxih lura lejn art twelidu.  Il-Ħabbâra qed jiġru quddiemu biex jagħtu din l-aħbar ta’ ferħ u sliem lil Ġerusalemm.  Il-għassiesa nfushom tal-belt qegħdin jaraw b’għajnejhom lill-poplu ġej lura.  Alla ġej jifdi, ifarraġ, isalva u jagħti l-paċi.  Alla ġej biex iwaqqaf is-Saltna tiegħu fostna.  Is-Salm Responsorjali, meħud minn Salm 97, jurina li Alla jagħmel għeġubijiet kbar ma’ l-umanità u għalhekk jeħtieġ li nfaħħruh għal dak li għamel magħna.  Fit-Tieni Qari, mill-Ittra lil-Lhud, jingħad li l-festa tal-lum turina li Alla jkellimna mhux biss bil-kliem iżda fil-ġrajjiet.  “Kellimna permezz ta’ Ibnu, li hu għamlu werriet ta’ kollox.”  Dan l-Iben, itenni l-awtur ta’ l-Ittra lil-Lhud, huwa d-dija ta’ Alla u x-xbieha ta’ l-essenza tiegħu u li jżimm id-dinja kollha bil-kelma setgħana tiegħu.  Il-Vanġelu tal-lum, meħud minn San Ġwann, jurina li l-Għerf-Kelma-Verb sar bniedem bħalna fil-Persuna ta’ Ġesu ta’ Nażaret biex ikun għalina dawl u ħajja li tagħmilna wlied Alla.

Il-Ħajja

     Iva, huwa ġust li llum nifirħu.  Iva, huwa ġust li llum nawguraw flimkien.  Iva, huwa ġust li lkoll kemm aħna nifhmu li Alla mhux talli ma nsiniex talli bagħat lill-istess Ibnu fid-dinja biex jifdina u jsalvana.  L-Imanuel ifisser li Alla hu magħna.  Dik it-tarbija ċkejkna tterter bil-bard ta’ Betlem għalina hija sinjal kbir ta’ dawl u fiduċja kbira li Alla wera ma’ l-umanità mġarrba, miegħi u miegħek li ħafna drabi naħsbu li Alla nsiena.  Alla ma jinsiena qatt.

Id-Djalogu

  O Ġesu Bambin

  Li tħares lejna kull ħin,

  Aħfer lilna l-midinbin,

  Biex nifhmu li int Alla ħanin.

read more

WASALNA? – Ir-4 Ħadd tal-Avvent – Sena B – 24 ta’ Diċembru 2023

December 17, 2023

Ir- 4 Ħadd ta’ l-Avvent

WASALNA?

2 Samwel 7, 1-5; 8b,12; 14a-16; Salm 88; Rumani 16:25-27; Luqa 1:26-38

Il-Vanġelu

     Mbagħad fis-sitt xahar Alla bagħat l-anġlu Gabrijel f’belt tal-Galilija. jisimha Nazaret,  għand xebba, mgħarrsa ma’ raġel jismu Ġużeppi mid-dar ta’ David. Dix-xebba kien jisimha Marija. L-anġlu daħal għandha u qalilha: “Sliem għalik, mimlija bil-grazzja, il-Mulej miegħek.”  Hi tħawwdet ħafna għal dan il-kliem, u bdiet taħseb bejnha u bejn ruħha x’setgħet qatt tfisser din it-tislima. Iżda l-anġlu qalilha: “Tibżax, Marija, għax inti sibt grazzja quddiem Alla.  Ara, inti se tnissel fil-ġuf u jkollok iben u ssemmih Ġesù.  Hu jkun kbir, u jkun jissejjaħ Bin l-Għoli. Il-Mulej Alla jagħtih it-tron ta’ David missieru u jsaltan għal dejjem fuq dar Ġakobb, u ma jkunx hemm tmiem għas-saltna tiegħu.”  Iżda Marija qalet lill-anġlu: “Kif ikun dan, ladarba ma nagħrafx raġel?” Wieġeb l-anġlu u qalilha: “L-Ispirtu s-Santu jiġi fuqek, u l-qawwa ta’ l-Għoli tixħet id-dell tagħha fuqek. U għalhekk dak li jitwieled minnek ikun qaddis, u jissejjaħ Bin Alla. Ara, il-qariba tiegħek Eliżabetta, fi xjuħitha, hi wkoll nisslet iben fil-ġuf, u ġa għandha sitt xhur dik li għaliha kienu jgħidu li ma jistax ikollha tfal,  għax għal Alla ma hemm xejn li ma jistax isir.” Mbagħad qalet Marija: “Ara, jiena l-qaddejja tal-Mulej: ħa jsir minni skond kelmtek!” U l-anġlu telaq minn quddiemha.

 

Il-Ħsieb

 

ħa jsir minni skond kelmtek
    Marija tħawdet quddiem il-messaġġ ta’ Alla permezz ta’ l-Anġlu Gabriel.  Marija ma għarfitx mill-ewwel x’se twieġeb quddiem ir-rieda ta’ Alla.  Iżda ħadet riskju.  Intelqet f’idejh.  Qalet iva.  U ftit jiem qabel il-Milied huwa mument ta’ riflessjoni: kif irridu naċċettaw it-twelid ta’ Ġesù Bambin fil-qalb tagħna minn hawn u ftit ġranet oħra.  Kuljum irridu nagħmlu għażliet.  Kuljum irrid nagħżel bejn dak li jridni nagħmel Alla u dak li jridni nagħmel l-egoiżmu ta’ qalbi.  Ħafna nies qegħdin jagħżlu huma stess li jkunu frustrati fil-ħajja tagħhom.  Ħafna nies qed jagħżlu huma stess li jgħixu f’gaġġa ta’ disperazzjoni.  Ħafna nies qegħdin jirrifjutaw kull ħin il-grazzja u t-tama li Alla biss jaf jagħti.  Marija hija l-mudell għalina.  Hija wkoll tħawdet. Jitkellem ċar San Luqa dwar dan; iżda qalet iva.  Hemm bżonn li ngħidu iva lil Alla għal dak li jrid minna.  Hemm bżonn li nirriskjaw aktar fil-fidi tagħna.  Nirriskjaw aktar billi nintelqu f’idejn Alla.  Ma nħallux biss l-ego tagħna jmexxina.

Il-Kelma

     Fl-Ewwel Qari tal-lum, mill-Ktieb tal-Profeta Samwel, insibu li l-profeta Natan iwiegħed lis-Sultan David li Alla nnifsu kien se jibnilu dar u li s-Saltna tiegħu kienet se tibqa’ sħiħa għal dejjem.  Is-Salm Responsorjali, meħud minn Salm 88, irid jgħanni lill-Mulej għax huwa dejjem iżomm il-wegħdiet li jagħmel ma’ l-umanità.  It-Tieni Qari tal-lum, meħud mill-Ittra ta’ San Pawl lir-Rumani, juri li l-wegħda ta’ Alla li ppronunzja permezz tal-Profeti seħħet fil-persuna ta’ Ġesù Kristu.  Fil-Vanġelu ta’ San Luqa għandna r-rakkont tat-tħabbira tal-Mulej li turi li kienet se sseħħ il-wegħda li Alla għamel lill-Profeta David.

Il-Ħajja

  1. Il-Mulej WASAL. Se tiftaħ beraħ il-qalb tiegħek?
  2. Kemm qed nagħrfu nwettqu bħal Marija dak li jrid minn Alla?
  3. Kemm se jkun Milied ta’ rifelssjoni spiritwali l-Milied li riesaq fuqna?
  4. X’rigal se tagħtih lil Ġesu Bambin din is-sena?

Id-Djalogu

  Hawn jien Mulej,

  ħa jsir minni skond kelmtek!

read more

XHIEDA GĦAD-DAWL – It-3 Ħadd tal-Avvent – Sena B – 17 ta’ Diċembru 2023

December 10, 2023

It-3 Ħadd ta’ l-Avvent

XHIEDA GĦAD-DAWL

Isaija 61: 1-2;10-11; Luqa 1:46-50; 53-54; 1 Tessalonkin 5:15-24; Ġwanni 1:6-8;19-28

Il-Vanġelu

Kien hemm raġel mibgħut minn Alla, jismu Ġwanni. Dan ġie bħala xhud, biex jixhed għad-dawl, biex bih kulħadd jemmen. Ġwanni ma kienx id-dawl, imma ġie biex jixhed għad-dawl.

Ix-xhieda ta’ Ġwanni kienet din: meta l-Lhud ta’ Ġerusalemm bagħtu għandu xi qassisin u Leviti biex jistaqsuh, “Int min int?”,  hu stqarr bla ma ċaħad: “Jien m’iniex il-Messija.” Huma reġgħu staqsewh: “Mela min int? Elija?” “M’iniex,” qalilhom. “Int il-Profeta?” “Le,” weġibhom. Mbagħad qalulu: “Mela min int? Biex nagħtu tweġiba lil dawk li bagħtuna. Min tgħid li int?” U hu wieġeb kif qal  il-profeta Isaija:

 “Jiena leħen ta’ wieħed jgħajjat fid-deżert. ‘Wittu t-triq tal-Mulej.’ ”

Issa dawk il-messaġġiera kienu min-naħa tal-Fariżej. Huma staqsewh: “Mela kif qiegħed tgħammed la m’intix il-Messija, u la Elija u lanqas il-Profeta?” “Jiena ngħammed bl-ilma,” weġibhom Ġwanni, “imma f’nofskom hemm wieħed li intom ma tafuhx, u li ġej warajja; jiena anqas ma jistħoqqli nħoll il-qafla tal-qorq tiegħu.” Dan ġara f’Betanja, in-naħa l-oħra tal-Ġordan, fejn Ġwanni kien jgħammed.

Il-Ħsieb

“Jiena leħen ta’ wieħed jgħajjat fid-deżert. ‘Wittu t-triq tal-Mulej.’ ”
M’huwiex biżżejjed li wieħed jgħid li jrid jinbidel.  Irid jemmen li l-bidla tassew tista’ sseħħ fih permezz tal-grazzja ta’ Alla.  Bidla li sseħħ meta wieħed jagħmel passi kuraġġużi u jinqata’ mir-realtajiet ta’ dawk li ssoltu jdawruh.  Hemm bżonn li wara li naċċettaw l-istedina li Alla jagħmel lil kull wieħed u waħda minna, wara li nħallu ‘l-Mulej ifejqilna l-ġrieħi tal-passat u jinfaxxahomlna bil-grazzja tiegħu, wara li nisimgħu l-kelma tiegħu u naċċettawha fil-ħajja tagħna, inkunu xhieda tassew għal dan id-dawl.  Xhieda jfisser li tkun fhimt tassew il-messaġġ li jagħti Ġesù.  Xhieda jfisser li tkun familjari kuljum mal-kelma tiegħu.  Xhieda jfisser li tkun lest li jidħku bik meta inti tibqa’ żżomm fil-prinċipji, akkost li jgħajruk iblah.  Fina jridu jaraw Ġesu ieħor fl-ambjent li ngħixu fih kuljum.

Il-Kelma

L-Ewwel Qari huwa meħud mill-Ktieb ta’ Isaija u huwa maqsum f’żewġ taqsimiet.  Fl-ewwel taqsima l-profeta juri l-Missjoni ta’ ħelsien u salvazzjoni li l-Mulej bagħtu jwettaq; filwaqt li wara huwa jtenni innu ta’ tifħir għal dak Alla li jieħu ħsieb kollox u ma jħalli lil ħadd jintilef.  Is-Salm Responsorjali llum huwa meħud mill-Vanġelu ta’ San Luqa u huwa l-kantiku ta’ radd il-ħajr li Marija tagħmel lil Alla.  Huwa innu ta’ tifħir li n-nisrani, li jrid ikun xhieda għad-dawl, irid jagħmlu tiegħu kull ħin.  Fit-Tieni Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl Appostlu lit-Tessalonkin, għandna lil San Pawl jgħid lill-Insara biex jifirħu – jitolbu – iroddu ħajr lil Alla.  Huma tliet mumenti li d-dixxiplu ta’ Kristu jrid jgħaddi minnhom kull ħin.  Il-Vanġelu ta’ San Ġwann jgħidilna min hu Ġesù billi jqabblu ma’ Ġwanni l-Battista.

Il-Ħajja
  1. Kemm tassew għarafna u qed nippreparaw ruħna biex  nilqgħu lil Ġesù fil-ħajja tagħna?
  2. Kemm tassew qed naċċettaw mingħajr kompromessi li ħajjitna tkun iddedikata għalih?
  3. Kif qed inkunu xhieda tad-dawl li huwa Kristu?
  4. X’tip ta’ Milied qed tħejji? Xalar jew għajnuna lill-foqra?
Id-Djalogu

Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej!

read more