Il-Preżentazzjoni tal-Mulej – Il-Ħadd 2 ta’ Frar 2020

Il-Preżentazzjoni tal-Mulej – Il-Ħadd 2 ta’ Frar 2020

February 1, 2020
0

2 ta’ Frar:  Festa tal-Preżentazzjoni tal-Mulej

IL-FESTA TAD-DAWL

Malakija 3,1-4; Salm 23; 7-10; Lhud 2; 14-18; Luqa 2; 22-40

 

Il-Vanġelu

Wara li għalqilhom iż-żmien għall-purifikazzjoni tagħhom skond il-Liġi ta’ Mosè, ħaduh Ġerusalemm biex jippreżentawh lill-Mulej, kif hemm miktub fil-Liġi tal-Mulej, li ‘kull tifel li jitwieled l-ewwel, jiġi kkonsagrat lill-Mulej,’ u biex joffru b’sagrifiċċju ‘par gamiem jew żewġ bċieċen,’ kif jingħad ukoll fil-Liġi tal-Mulej.

F’Ġerusalemm kien hemm wieħed, jismu Xmun, raġel ġust u tajjeb, li kien jistenna l-faraġ ta’ Iżrael u li kellu l-Ispirtu s-Santu fuqu. L-Ispirtu s-Santu kien nebbħu li ma kienx se jara l-mewt qabel ma jara l-Messija tal-Mulej. Mar mela fit-tempju, mqanqal mill-Ispirtu, u xħin il-ġenituri daħlu bit-tarbija Ġesù biex jagħmlulu dak li kienet trid il-Liġi, huwa laqgħu fuq dirgħajh, bierek lil Alla u qal:

Issa, o Sid, tista’ tħalli l-qaddej tiegħek

imur fis-sliem, skond kelmtek,

għaliex għajnejja raw

is-salvazzjoni tiegħek

li int ħejjejt għall-popli kollha,

dawl biex idawwal il-ġnus,

u glorja tal-poplu tiegħek Iżrael.”

Dawl biex idawwal il-ġnus, u glorja tal-poplu tiegħek Israel (Lq 2:32)
Missieru u ommu baqgħu mistagħġba b’dak li kien qiegħed jingħad fuqu. Xmun berikhom, u qal lil ommu Marija: “Ara, dan se jġib il-waqgħa u l-qawmien ta’ ħafna f’Iżrael; se jkun sinjal li jmeruh, – u inti wkoll, sejf jinfidlek ruħek! – biex jinkixfu l-ħsibijiet moħbija fil-qlub ta’ ħafna.”

Kien hemm ukoll waħda profetissa, Anna, bint Fanwel, mit-tribù ta’ Aser. Kienet imdaħħla ħafna fiż-żmien; wara xbubitha kienet għamlet seba’ snin miżżewwġa, u mbagħad romlot. Sa ma kellha erbgħa u tmenin sena ma kienet titwarrab qatt mit-tempju, lejl u nhar taqdi lil Alla fis-sawm u t-talb. Dak il-ħin stess waslet, u bdiet trodd ħajr lil Alla u titkellem fuq it-tarbija ma’ dawk kollha li kienu jistennew il-fidwa ta’ Ġerusalemm.

Meta temmew kull ma kellhom jagħmlu skond il-Liġi tal-Mulej reġgħu lura lejn il-Galilija fil-belt tagħhom ta’ Nazaret. U t-tifel baqa’ jikber u jissaħħaħ, mimli  bl-għerf. U l-grazzja ta’ Alla kienet fuqu.

 

Il-Ħsieb

Illum kollox sar jiddependi mid-dawl.  Mhux id-dawl tax-xemgħa iżda l-elettriku.  Jekk jinqata’ d-dawl ikollok sensazzjoni li l-ħajja tieqaf.  Iżda għaliex spiritwalment il-bniedem jibda jippreferi d-dlam mid-dawl?  Il-festa tal-lum, tal-Preżentazzjoni tal-Mulej fit-Tempju, issir erbgħin jum wara l-festa tal-Milied.  Hija l-festa li fiha nifakru f’dan ir-rigal kbir ta’ salvazzjoni li se jdawwal l-umanitaÏ kollha.  Ir-riflessjoni tagħna lkoll waqt li nġorru x-xemgħa tal-Kandlora hija riflessjoni ta’ fidi, ta’ kemm għandna ngħożżu din il-fidi tagħna llum b’dan id-dawl li huwa Ġesù.

 

Il-Kelma

Ewwel Qari, meħud mill-Profeta Malakija, għandu bħala messaġġ prinċipali l-miġja ta’ messaġġier biex iwitti t-trejqa tal-Mulej.  Is-Salm 23 li ntennu fis-Salm Responsorjali, huwa innu ta’ Radd il-Ħajr lill-Mulej, is-Sultan tal-Glorja.  Dan id-dawl, li qed niċċelebraw illum – Kristu l-Mulej – fit-Tieni Qari tal-lum, insibu li Ġesù sar jixbah lil ħutu f’kollox minbarra d-dnub.  Fil-Vanġelu ta’ San Luqa għandna lil Ġużeppi u lil Marija jieħdu lil Ġesù fit-tempju meta ntemm żmien it-tisfija biex jiġi ppreżentat lill-Mulej.

 

Il-Ħajja

  1. Xmun u Anna, żewġ profeti, stennew lil Ġesù dieħel fit-tempju u raddew ħajr għal din il-grazzja li ġiet fuq l-umanitaÏ.  Jien u int  qatt għamilna hekk?
  2. Dawl biex idawwal il-ġnus.  Kemm taħseb li qed nużaw lil Ġesù bħala d-dawl fl-għażliet tagħna?
  3. Jien dixxiplu tad-dawl u tat-tama jew strument li niżra’ disperazzjoni?
  4. Anna, il-profetessa, kienet taqdi lill-Mulej fit-tempju għal 84 sena b’talb u sawm.  Jiena u int kif qed ngħożżu lil dan id-dawl Ġesù?

 

Id-Djalogu

O Ġesù,

tħalli qatt jintefa

minn ħajti d-dawl tiegħek.

biex dejjem inkun miegħek.

 

Leave a Reply

Your email address will not be published.