TITĦAWDUX! – Il-5 Ħadd tal-Għid – Sena A – 10 ta’ Mejju 2020

TITĦAWDUX! – Il-5 Ħadd tal-Għid – Sena A – 10 ta’ Mejju 2020

April 23, 2020
0

Il-5 Ħadd ta’ l-Għid

TITĦAWDUX!

Atti 6, 1-7;  Salm 32; 1 Pietru 2, 4-9; Ġwanni 14:1-12

Il-Vanġelu

     “Tħallux qalbkom titħawwad! Emmnu f’Alla, u emmnu fija wkoll. Fid-dar ta’ Missieri hemm ħafna postijiet; li ma kienx hekk, kont ngħidilkom. Sejjer inħejjilkom fejn toqogħdu. U meta mmur u nħejjilkom post, nerġa’ niġi biex neħodkom miegħi biex, fejn inkun jien, tkunu intom ukoll.  U t-triq għall-post fejn sejjer tafuha.” Tumas qallu: “Mulej, aħna ma nafux fejn inti sejjer. Kif nistgħu nafu t-triq?” Wieġbu Ġesù: “Jiena hu t-Triq, il-Verità u l-Ħajja. Ħadd ma jmur għand il-Missier jekk mhux permezz tiegħi. Kieku għaraftu lili, kontu tagħrfu wkoll lil Missieri. Minn issa ‘l quddiem tagħrfuh, anzi diġà rajtuh.”  Qallu Filippu: “Mulej, urina l-Missier, u jkun biżżejjed għalina.”  Ġesù wieġeb: “Ili daqshekk magħkom, Filippu, u għadek ma għaraftnix? Min ra lili ra lill-Missier. Kif tgħidli, ‘Urina l-Missier’? Ma temminx li jiena fil-Missier u l-Missier fija? Il-kliem li ngħidilkom jien, ma ngħidux minn moħħi iżda l-Missier li jgħammar fija qiegħed jagħmel l-opri tiegħu. Emmnuni! Jiena fil-Missier u l-Missier huwa fija. Jekk m’hux għal ħaġ’oħra, emmnuni minħabba dawn l-opri stess. Tassew tassew ngħidilkom, min jemmen fija hu wkoll għad jagħmel l-opri li qiegħed nagħmel jien, u akbar minnhom għad jagħmel, għax jiena sejjer għand il-Missier.

 

Il-Ħsieb

     Qatt ħsibt li tista’ titħawwad minħabba f’Ġesù ?  Meta tara diversi għemejjel min-nies li suppost jispiraw fik il-fiduċja u tara l-kuntrarju, bla ma trid titħawwad anki mill-aspett spiritwali.  Ġesù, fil-Vanġelu tal-lum, irid iwasslilna messaġġ qawwi ta’ kuraġġ u tama, iżda wkoll ta’ mpenn.  Hemm bżonn li nżommu sħiħ u nemmnu fih.  Is-silta li nsibu fil-Vanġelu tal-lum tasal wara t-tradiment ta’ Ġuda, iċ-ċaħda ta’ Pietru u Ġesù  li wasal biex jitlaq.  Ġesù  jqawwi l-qlub meta juri d-destinazzjoni tal-bniedem ’il fejn hi, fejn hija d-dar tagħna…fis-sema.  Il-Mulej Ġesù jtenni li sejjer iħejjilna l-post għand il-Missier.  M’hijiex biss wegħda, iżda fuq kollox stedina.  Huwa minn hawn li trid issir fina l-bidla biex inkunu denji li nirrispondu għal din il-wegħda.

 

Il-Kelma

     Fl-Ewwel Qari tal-lum, meħud mill-Atti ta’ l-Appostli, insibu l-importanza li l-ewwel insara kienu jagħtu mhux biss lill-kelma u t-talb iżda wkoll lill-problemi soċjali.  Huwa muri biċ-ċar li l-Knisja, mill-ewwel żminijiet tagħha, dejjem ħasbet fil-batut, fil-fqir u fl-emarġinat.  Is-Salm Responsorjali li ntennu huwa għanja ta’ tifħir lill-Mulej għaliex fil-Kelma tiegħu, li toħloq kollox, jagħtina mħabbtu.  It-Tieni Qari tal-lum, meħud mill-Ewwel Ittra ta’ San Pietru, juri li l-Knisja hija magħmula mhux minn ĠEBEL MEJJET iżda minn ĠEBEL ĦAJ li huwa komunità li tfittex il-ħin kollu li tagħti xhieda tal-qawmien ta’ Kristu fis-soċjeta’ tagħha.

     Fil-Vanġelu tal-lum, meħud minn San Ġwann, insibu lil Ġesù jqawwi l-qlub ta’ l-Appostli li kienu mħawda u jfisser għaliex sejjer għand il-Missier.  Il-Mulej iħeġġeġ lill-Appostli biex jemmnu fih.

Il-Ħajja
  1. Il-Mulej ma jridx li nitħawdu.  Hemm bżonn li nemmnu aktar fit-tagħlim tiegħu.  Hija stedina biex inkunu nies ta’ talb u fl-istess ħin li jkollna fiduċja sħiħa fi Kristu, minkejja t-tfixkil tal-ħajja ta’ kuljum.
  2. San Pietru jistedinna llum nifhmu li aħna l-Knisja.  Il-Knisja li hija komunità, li hija ġebel ħaj, u jekk ħaj allura jagħti l-ħajja.
  3. Ma tistax tkun veru nisrani u ma tagħtix każ ta’ dak li qed jiġri fis-soċjetà tiegħek.  Huwa għal dan il-għan li fl-Ewwel Qari tal-lum insibu li l- Knisja mill-ewwel żminijiet tagħha kienet impenjata fl-għajnuna għall-fqir u l-batut, għajnuna li dejjem żammet bħala l-prinċipju ewlieni tagħha sal-ġurnata tal-lum.

 

Id-Djalogu

     Mulej Ġesù ,

     qawwi fina l-fidi, biex xejn u ħadd

     ma jbegħidni minnek.

Leave a Reply

Your email address will not be published.