QALB WAĦDA MAL-PAPA – Dedikazzjoni tal-Bażilika tal-Lateran: 9 ta’ Novembru 2014

QALB WAĦDA MAL-PAPA – Dedikazzjoni tal-Bażilika tal-Lateran: 9 ta’ Novembru 2014

November 3, 2014
0

9 ta’ Novembru:  Id-Dedikazzjoni tal-Bażilika tal-Lateran

QALB WAĦDA MAL-PAPA

Eżekjel 47,1-2; 8-9; 12; Salm 45; 1 Korintin 3: 9-11; 16-17; Ġwanni 2: 13-23

 

Il-Vanġelu

Kien qorob l-Għid tal-Lhud, u Ġesù tela’ Ġerusalemm. Fit-tempju sab min qiegħed ibigħ barrin, nagħaġ u ħamiem, u min kien bilqiegħda jsarraf il-flus. Għamel sawt mill-ħbula, u keċċiehom ilkoll ‘il barra mit-tempju, bin-nagħaġ u l-barrin tagħhom; xerred il-flus ta’ dawk li kienu jsarrfu, u qalbilhom l-imwejjed. U lill-bejjiegħa tal-ħamiem qalilhom: “Warrbu dawn minn hawn, u dar Missieri tagħmluhiex dar tan-negozju!” Id-dixxipli ftakru f’dak li kien hemm miktub fl-Iskrittura, “Il-ħeġġa għal darek fnietni.’ Mbagħad il-Lhud qabdu u qalulu: “X’sinjal se turina li inti tista’ tagħmel dan?” Ġesù weġibhom: “Ħottu dan it-tempju, u fi tlitt ijiem nerġa’ ntellgħu.”  Għalhekk il-Lhud qalulu: “Dan it-tempju ħa sitta u erbgħin sena biex inbena, u int se ttellgħu fi tlitt ijiem?” Iżda hu tkellem fuq it-tempju tal-ġisem tiegħu. Meta mbagħad qam mill-imwiet, id-dixxipli tiegħu ftakru f’dan li kien qal, u emmnu fl-Iskrittura u fil-kliem li kien qal Ġesù.

Waqt li kien Ġerusalemm għall-festa ta’ l-Għid, kien hemm ħafna li emmnu f’ismu billi raw is-sinjali li kien jagħmel.

Il-Ħsieb

It-tifkira tad-dedikazzjoni tal-Bażilika tal-Lateran, il-knisja fejn il-Papa għandu l-katedra tiegħu bħala Isqof ta’ Ruma u ragħaj tal-Knisja kollha, tfakkarna fid-dmir tagħna li nuru fedeltà sħiħa għat-tagħlim li hu jxandrilna biex iwettaqna fil-fidi ta’ Kristu.  Huwa l-mument ta’ unità u għaqda tagħna l-Insara mal-Missier tagħna.  Il-mument li mhux biss inħarsu lejh bħala mexxej iżda wkoll bħala gwida spiritwali.  Ħafna drabi lkoll kemm aħna nisimgħu jew naqraw ċertu dissens fil-Knisja li mhux dejjem ikun dissens li ġej minn diskussjoni għaqlija iżda minn nies li jew ikunu jixtiequ jagħmlu ħoss fil-media jew, minħabba ċerti kompromessi li jkunu ntrabtu magħhom, ikunu jixtiequ jgħawġu u jbiddlu t-tagħlim u t-tifsir li tagħti l-Knisja ta’ Kristu.  Illum huwa l-mument fejn aħna niddikjaraw l-għaqda tagħna mal-Papa u nkunu qalb waħda miegħu u ĠEBEL ĦAJ tal-Knisja fis-soċjetà tagħna.

Il-Kelma

L-Ewwel Qari tal-lum, meħud mill-Ktieb tal-Profeta Eżekjel, jagħti l-immaġini ta’ l-Anġlu li jieħu lill-Profeta sa ħdejn il-bieb tat-tempju u jurih li l-ilma ħaj li ħiereġ mit-tempju se jkun is-salvazzjoni tal-poplu li jersaq lejn it-tempju.

Fis-Salm Responsorjali, minn Salm 45, naraw kemm il-Mulej huwa tassew il-kenn u fl-istess ħin il-qawwa tagħna.  Fit-Tieni Qari, meħud mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl lill-Korintin, insibu lil San Pawl jitkellem dwar Ġesù Kristu nnifsu li huwa l-pedament tat-tempju ta’ Alla u ħadd  ma jista’ jeqred dan it-tempju.  San Pawl itenni li l-Insara huma t-tempju ta’ Alla minħabba li l-Ispirtu ta’ Alla jgħammar fihom.  Fil-Vanġelu tal-lum, meħud minn San Ġwann, insibu li  Ġesù jitkellem fit-tempju u jirreferi għall-mewt u l-qawmien tiegħu.  Ħadd ma fehem li kien qed jitkellem fuq it-tempju tal-ġisem tiegħu.

 

Il-Ħajja
  1. Fil-festa tal-lum irridu nifhmu li aħna l-insara aħna ĠEBEL ĦAJ. Hemm ħafna responsabbiltà fil-mod kif ngħixu u nitkellmu.
  2. Għad-dinja ta’ madwarna, irridu nkunu eżempju għax qed inġorru fina l-istess tempju ta’ Alla. Kif nistgħu nagħmlu dan?
  3. Billi nifhmu u naċċettaw il-Kelma ta’ Alla kif imfissra mill-Maġisteru tal-Knisja.
  4. Irridu nkunu qalb waħda mal-Papa fit-tagħlim li huwa mdawwal mill-Ispirtu s-Santu biex idawwalna ħalli ngħixu kull ħin ir-rieda ta’ Alla fil-ħajja tagħna, fl-ambjent li fih ninsabu.
Id-Djalogu

Mulej, għinni

biex bħal ĠEBEL ĦAJ

ninbena f’dar spiritwali,

saċerdozju qaddis

sabiex inkun strument f’idejk

għat-tixrid tal-kelma tiegħek.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.