NIES ALJENATI. FIL-BŻONN TA’ RAGĦAJ! – Is-16-il Ħadd Matul is-Sena – 22 ta’ Lulju 2018

NIES ALJENATI. FIL-BŻONN TA’ RAGĦAJ! – Is-16-il Ħadd Matul is-Sena – 22 ta’ Lulju 2018

July 7, 2018

Is-16-il Ħadd Matul is-Sena

NIES ALJENATI.  FIL-BŻONN TA’ RAGĦAJ!

Ġeremija 23:1-6; Salm 22; Efesin 2, 13-18; Mark 6: 30-34

Il-Vanġelu

L-appostli reġgħu ġew ħdejn Ġesù u qalulu kull ma kienu għamlu u għallmu.  U hu qalilhom: “Ejjew miegħi  intom  biss  weħidkom  f’xi  post  imwarrab,  u  strieħu ftit.”  Għax tassew, kien hemm ħafna nies ġejjin u sejrin, u anqas żmien biex jieklu ma kienu jħallulhom. Marru mela bid-dgħajsa weħidhom lejn post imwarrab, imma n-nies rawhom sejrin; kienu ħafna dawk li għarfuhom, u telqu jiġru ‘l hemm bil-mixi, nies mill-ibliet kollha, u waslu qabilhom.

 Xħin niżel l-art mid-dgħajsa ra kotra kbira ta’ nies u tħassarhom, għax kienu qishom nagħaġ bla ma għandhom ragħaj, u qabad jgħallimhom ħafna ħwejjeġ.”

Il-Ħsieb

     Il-mument tas-sajf ħafna drabi jfisser mument ta’ telqa u aljenazzjoni.  Mument li fih aktar tara kif tistrieħ minn kollox, xi kultant anki mill-fidi.  Nibqgħu mħawda kif il-fidi ma nistgħux inwarrbuha minna għaliex hi l-istess ħajja tagħna.  Ġesù anki lill-Appostli, wara li rritornaw mill-predikazzjoni, ipprova jeħodhom f’post imwarrab biex jistrieħu.  Iżda quddiem it-taħwid u l-għatx tan-nies mifxula, Ġesù jċedi għall-mistrieħ u jerġa’ jibda jgħallem.

     Nies mifxula u mħawda.  Kemm tassew ilkoll kemm aħna nistgħu ngħidu li aħna fl-istess pożizzjoni tan-nies?  Kemm tassew ilkoll kemm aħna rridu nagħrfu li Ġesù huwa l-Iben t’Alla li qiegħed magħna kull ħin, anki fil-ġranet tas-sajf?  Kemm tassew qed inħossu li Ġesu qed iħares lejn il-ħajja tagħna għax irid jgħinna tassew u mhux jindaħlilna?

Il-Kelma

     Fl-Ewwel Qari, meħud mill-Ktieb tal-Profeta Ġeremija, insibu li għaliex ir-re u l-mexxejja tal-Lhud kienu qed imexxu ħażin, Alla bagħat il-Profeta Ġeremija biex iwissi lill-poplu li kien se jaqa f’eżilju, iżda se jkun hemm il-mument li jqum mit-tifrik.  Toħroġ fil-beraħ il-qawwa tal-figura tar-Ragħaj.  Fis-Salm 22 għandna x-xebh tar-Ragħaj it-Tajjeb fejn xejn ma jkun jonqosna jekk l-Mulej ikun ir-ragħaj tagħna.  Fit-Tieni Qari tal-lum għandna silta mill-Ittra ta’ San Pawl lill-Efesin fejn San Pawl juri li Alla wettaq dan il-pjan permezz ta’ Kristu.

Bis-saħħa tas-sagrifiċċju tiegħu fuq is-Salib, Kristu sar għalina għajn tas-sliem.  Fil-Vanġelu tal-lum minn San Mark Kristu jitħassar lin-nies ta’ żmienu għax kienu qishom ngħaġ mingħajr ragħaj u għalhekk kompla jgħallem.

Il-Ħajja

  1. Kristu wkoll iħares lejn ġensna u jitħassarna għax jarana mexjin mingħajr sens ta’ direzzjoni. Hemm bżonn li nduru lejh u nisimgħuh.
  2. Kemm qegħdin infittxu li naħarbu l-aljenazzjoni tal-ħajja u nersqu lejn il-kelma li tagħti l-ħajja fl-Iskrittura Mqaddsa, b’mod speċjali fis-sajf?
  3. Kemm qegħdin nersqu aktar lejn il-quddiesa, ngħidu r-rużarju fil-familja, naqraw il-Kotba Mqaddsa biex nitħeġġu aktar f’dan il-mument tas-sajf?
  4. Nista’ tassew intenni bis-sinċerità li l-Mulej huwa r-Ragħaj tiegħi?

Id-Djalogu

  Il-Mulej huwa r-Ragħaj tiegħi,

  xejn ma jonqosni!