KLIEM U SMIGĦ – It-23 Ħadd Matul is-Sena – Il-Ħadd 9 ta’ Settembru 2018

KLIEM U SMIGĦ – It-23 Ħadd Matul is-Sena – Il-Ħadd 9 ta’ Settembru 2018

August 31, 2018

It-23 Ħadd Matul is-Sena

KLIEM U SMIGĦ

Isaija 35: 4-7a; Salm 145; Ġakbu 2:1-5; Mark 7: 31-37

Il-Vanġelu

    Raġa’ telaq mill-inħawi tal-belt ta’ Tir, għadda minn Sidon lejn il-baħar tal-Galilija, fl-inħawi tad-Dekapoli. U ġibulu wieħed, trux u mbikkem, u talbuh iqegħedlu idu fuqu.  Ġesù ħarġu għalih waħdu minn qalb in-nies, daħħal subgħajh f’widnejh u messlu lsienu bir-riq tiegħu.  Mbagħad refa’ għajnejh lejn is-sema, tniehed tnehida, u qallu: “Effata,” jiġifieri, “Infetaħ!”  U minnufih widnejh infetħulu, l-irbit ta’ lsienu nħallu u qabad jitkellem sewwa.   Ġesù wissiehom biex ma jgħidu lil ħadd; iżda aktar ma wissiehom, aktar bdew ixandruh.   U mimlijin bil-għaġeb, bdew jgħidu: “Kollox għamel tajjeb: jagħti s-smigħ lit-torox u l-kliem  lill-imbikkmin.”

 

Il-Ħsieb

     “Il-Mulej jiftaħ għajnejn il-għomja,

      Il-Mulej jerfa’ l-milwijin

      Il-Mulej iħobb il-ġusti

      Il-Mulej iħares il-barranin.”

     Dan il-kliem li nsibu fis-Salm 145 li ntennu fis-Salm Responsorjali tal-lum jurina kemm il-Mulej huwa kontinwament spalla ta’ għajnuna magħna d-dgħajfin.  Il-Mulej huwa kontinwament magħna għax jaf bid-dgħufija tagħna.  Ħafna drabi nkunu aħna li ndumu naħsbuha biex nersqu lejh għall-fejqan.  Minkejja li nafu xi jrid minna minkejja li nagħrfu l-kelma tiegħu, nibqgħu torox u neqsin mis-smigħ.  Ma rridux li l-Mulej jiftħilna widnejna biex nisimgħu l-leħen tiegħu li jibdlilna l-ħajja tagħna.  Fil-liturġija tal-lum, anki fis-silta ta’ San Ġakbu nsibu li Alla kull ħin jagħmel l-għażla tal-fqar.  Aħna qed nagħmlu l-istess?

Il-Kelma

     Fl-Ewwel Qari mill-Ktieb tal-Profeta Isaija għandna lill-Profeta jħabbar żmien ġdid lill-poplu li wasal fi tmiem l-eżilju tiegħu.  Alla jwiegħed li għad ikun f’nofshom billi jagħti d-dawl lill-għomja u s-smigħ lit-torox.  Fis-Salm Repsonsorjali, meħud minn Salm 145, għandna lis-Salmista jfaħħar lill-Mulej għax dejjem ifejjaq lid-dgħajjef.  Fit-Tieni Qari mill-Ittra ta’ San Ġakbu għandna enfasi li l-fidi tidher fl-imġiba tal-ħajja,  speċjalment fl-għażla tal-batut.  Fil-Vanġelu ta’ San Mark għandna l-fejqan tat-trux u l-imbikkem.

Il-Ħajja

  1. Għandek xewqa li tisma’ aħjar il-kelma tal-Mulej? Ersaq lejh u jagħtik is-smigħ.
  2. Is-smigħ li jagħtik irid ibiddillek ħajtek, tagħrfu aħjar u tgħixu kuljum.
  3. Il-Mulej irid il-fejqan tagħna biex aħna nwassluh lill-oħrajn.
  4. Kemm lest li tiskomoda ħajtek biex tgħin lill-imwarrab li jista’ jkun f’darek jew ġirien tiegħek?

Id-Djalogu

  Mulej, grazzi tal-kliem u smigħ li tajtni.

  Għinni ngħaddi l-kelma tiegħek fl-għemil tiegħi.