AĦDMU BLA WAQFIEN – It-33 Ħadd Matul is-Sena A – 18 ta’ Novembru 2017

AĦDMU BLA WAQFIEN – It-33 Ħadd Matul is-Sena A – 18 ta’ Novembru 2017

November 13, 2017
0

It-33 Ħadd Matul is-Sena

AĦDMU BLA WAQFIEN

Proverbji 31:10-13; 19-20, 30-31;  Salm 127;  Tessalonkin 5: 1-6; Mattew 25:14-30

 

Il-Vanġelu

     “Għax dan bħal wieħed li kien se jsiefer, u sejjaħ lill-qaddejja tiegħu u ħallielhom ġidu f’idejhom. Lil wieħed tah ħames talenti, lil ieħor tnejn, u lil ieħor wieħed, kull wieħed skond il-ħila tiegħu. U siefer. Dak li kien ħa l-ħames talenti mar minnufih iħaddimhom u qala’ ħamsa oħra. Hekk ukoll dak li kien ħa tnejn qala’ tnejn oħra. Iżda dak li ħa wieħed mar ħaffer fl-art u ħeba flus sidu. Wara ħafna, sid dawk il-qaddejja raġa’ lura u beda jagħmel il-kontijiet magħhom. Resaq quddiemu dak li kien ħa ħames talenti u ġieblu ħames talenti oħra. ‘Sinjur,’ qallu, ‘ħames talenti ħallejtli f’idejja; hawn, ara, qlajt ħamsa oħra.’ Qallu s-sinjur, ‘Sewwa, qaddej tajjeb u fidil; int kont fidil fil-ftit, u jien se nafdak fuq ħafna; idħol fl-hena ta’ sidek.’ Resaq ukoll dak li kien ħa żewġ talenti, u qallu, ‘Sinjur, żewġ talenti ħallejtli f’idejja; hawn, ara, qlajt tnejn oħra.’ Qallu s-sinjur, ‘Sewwa, qaddej tajjeb u fidil; int kont fidil fil-ftit, u jien se nafdak fuq ħafna; idħol fl-hena ta’ sidek.’ Iżda resaq ukoll dak li kien ħa talent wieħed, u qal, ‘Sinjur, lilek nafek bħala raġel aħrax, taħsad fejn ma żrajtx u tiġbor fejn ma xerridtx. Bżajt, u mort ħbejt it-talent tiegħek fl-art. ‘Hawn, ara, għandek dak li hu tiegħek.’ Qabeż is-sinjur u qallu, ‘Qaddej ħażin u għażżien, kont taf li jien naħsad fejn ma żrajtx u niġbor fejn ma xerridtx. Mela kien imissek mort qegħedt flusi l-bank biex, meta niġi, kont immur niġborhom bl-imgħax. Ħudulu mela t-talent u agħtuh lil dak li għandu l-għaxar talenti. Għax kull min għandu, jingħatalu, u jkollu ż-żejjed ukoll; iżda min ma għandux, jitteħidlu saħansitra dak li għandu. U lil dan il-qaddej bla fejda itfgħuh ‘il barra fid-dlam; hemmhekk ikun hemm il-biki u t-tgħażżiż tas-snien.

 

Il-Ħsieb

Int kont fidil fil-ftit, u jien se nafdak fuq ħafna; idħol fl-hena ta' sidek
     F’dawn l-aħħar Ħdud tas-sena liturġika l-Mulej Ġesù, permezz tal-parabboli, irid jimliena bil-kuraġġ iżda fl-istess ħin jiftħilna għajnejna.  Filwaqt li jgħidilna biex NISHRU, jgħidilna wkoll biex NAĦDMU u NĦADDMU t-talenti li l-Mulej jagħtina.  Ilkoll kemm aħna nafu li ma nistgħux inkunu veri nsara jekk ma naħdmux ilkoll biex il-Mulej jidher aktar permezz tagħna fis-soċjetà u fl-ambjent li fih ngħixu lkoll kemm aħna.  Il-Mulej iridna lkoll kemm aħna li nagħtu fil-ħidma tagħna dak kollu li nistgħu.  Ma jridx miegħu l-Mulej nies ta’ skużi, nies li jaħbu minnu, nies li kontinwament isibu skużi fil-ħidma  tagħhom ta’ kuljum.  Dak li l-Mulej jagħtina rridu nagħtuh lura mhux kif inhu iżda aħjar billi nkunu mpenjajna ruħna b’mod qawwi fis-soċjetà.  Il-Mulej mhux se jistaqsi jekk żbaljajniex iżda jekk ħdimniex.

Il-Kelma

     L-Ewwel Qari huwa meħud mill-Ktieb tal-Proverbji.  Ilkoll nindunaw li din is-silta hija innu ta’ tifħir lill-mara tad-dar bieżla u ħabrieka.  Is-Salm Responsorjali, minn Salm 127, huwa innu ta’ radd il-ħajr għal dawk li jibżgħu mill-Mulej fil-waqt li fit-Tieni Qari, mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl lit-Tessalonkin, għandna rakkomandazzjonijiet fuq kif għandhom ikunu mħejjija biex jistennew it-tieni miġja tal-Mulej.  Fil-Vanġelu tal-lum għandna l-parabbola tat-talenti fejn Ġesù jurina kif għandha tkun l-istennija tagħna.

Il-Ħajja
  1. Ġesù ma jridx nies reqdin u għażżiena miegħu iżda nies li jishru u jaħdmu.
  1. Hi x’inhi l-età tagħna rridu nkunu nies li nisimgħu leħen il-Mulej u nwettqu r-rieda tiegħu fl-għemil tagħna.
  1. Il-Mulej jurina li jrid jara l-isforz tagħna bħala Nsara jinħadem kontinwament bil-għodda li tana hu stess, il-Kelma ta’ Alla, is-sagramenti u t-tagħlim tal-Knisja.
  1. Kemm qegħdin tassew nużaw il-ħajja tagħna għat-twettiq ta’ dak li jrid minna Ġesù bil-għajnuna li tana?
Id-Djalogu

  Mulej, urini kuljum xi trid minni,

  u kif inħaddem sew it-talenti li fdajtli.

Leave a Reply

Your email address will not be published.