DWEJJAQ – TENTAZZJONIJIET – BIDLA – L-1 Ħadd tar-Randan – Il-Ħadd 14 ta Frar 2016

DWEJJAQ – TENTAZZJONIJIET – BIDLA – L-1 Ħadd tar-Randan – Il-Ħadd 14 ta Frar 2016

March 6, 2019

L-1 Ħadd tar-Randan

DWEJJAQ – TENTAZZJONIJIET – BIDLA

Dewteronomju 26:4-10; Salm 90; Rumani 10:8-13; Luqa 4:1-13

Il-Vanġelu


     Ġesù, mimli bl-Ispirtu s-Santu, raġa’ lura mill-Ġordan u l-Ispirtu ħadu fid-deżert. Hemm għal erbgħin jum Ġesù kien imġarrab mix-Xitan. Matul dawk il-jiem ma kiel xejn; u mbagħad, meta għaddew dawk il-jiem, ħadu l-ġuħ.  U x-Xitan qallu: “Jekk inti Bin Alla, għid lil din il-ġebla ssir ħobż.”  Wieġbu Ġesù: “Hemm miktub li ‘l-bniedem mhux bil-ħobż biss jgħix.’ ” Mbagħad ix-Xitan ħadu fl-għoli u wrieh is-saltniet tad-dinja kollha f’daqqa.  Qallu x-Xitan: “Nagħtik is-setgħa fuq dawn kollha, bil-glorja tagħhom ukoll għax hija ngħatat lili, u jiena nagħtiha lil min irrid.  Jekk tinxteħet quddiemi tagħtini qima, kollha tiegħek tkun.”  Ġesù wieġbu u qallu: “Hemm miktub, ‘Lill-Mulej Alla tiegħek tagħti qima u lilu biss taqdi.’ ”

Mbagħad ix-Xitan ħadu Ġerusalemm, qiegħdu fuq  il-quċċata tat-tempju, u qallu: “Jekk inti Bin Alla, inxteħet minn hawn għal isfel. Għax hemm miktub li ‘Lill-anġli tiegħu jordnalhom biex jieħdu ħsiebek sewwa,’  u li fuq idejhom jerfgħuk, ħalli ma taħbatx riġlek ma’ xi ġebla.’ ”  Wieġeb Ġesù u qallu: “Jingħad, ‘Iġġarrabx lill-Mulej Alla tiegħek.’ ” Mbagħad ix-Xitan meta temm dan it-tiġrib kollu, telaq minn ħdejh sa ma wasal il-waqt.

Il-Ħsieb

     “Kun miegħi Mulej fid-dwejjaq.”  Huwa t-tweġiba li ntennu fis-Salm Responsorjali tal-lum.  Huwa kliem li joħrog fil-beraħ ir-realtà li ħafna drabi ngħaddu minnha.  Iżda dan ma jfissirx li żmien ir-Randan huwa żmien id-dwejjaq…. anzi huwa mument ta’ riflessjoni u konverżjoni, mument li naraw lejn liema sens ta’ direzzjoni miexja l-ħajja tagħna lkoll.

     Kif se ngħixu dan il-mument tar-Randan?  L-ewwelnett billi lkoll kemm aħna nagħrfu u naċċettaw is-sejħa li tagħmlilna l-Knisja għall-konverżjoni b’mod sinċier.  Din is-sejħa tibda tagħmel sens fil-ħajja tagħna billi lkoll kemm aħna nisimgħu bis-serjetà l-Kelma ta’ Alla kif ukoll li nwettqu din l-istess Kelma fil-ħajja tagħna ta’ kuljum.  Huwa żmien li fih nirriflettu kemm tassew inħobbu lil Alla u qed inpoġġuh fl-ewwel post ta’ ħajjitna.

Il-Kelma

     L-ewwel Qari huwa meħud mill-Ktieb tad-Dewteronomju fejn insibu l-istqarrija tal-fidi tal-poplu Lhudi li kienet mibnija fuq il-ġrajjiet ta’ l-għaġeb li l-Mulej Alla kien għamel u baqa’ jagħmel magħhom matul iż-żminijiet.  Il-qalba ta’ dawn il-ġrajjiet kienet il-ħelsien mill-jasar ta’ l-Eġittu.  Fis-Salm Responsorjali, is-Salm 90, għandna talba lill-Mulej biex ikun magħna fil-mumenti iebsa ta’ ħajjitna.  Fit-tieni Qari, meħud mill-Ittra ta’ San Pawl lir-Rumani, San Pawl itenni li s-salvazzjoni tiġi mill-fidi fi Kristu Ġesù permezz tal-mewt u l-qawmien tiegħu.  Fil-Vanġelu tal-lum, meħud minn San Luqa, għandna r-rakkont tat-tentazzjonijiet tax-xitan fil-bidu tal-ħidma tiegħu.

Il-Ħajja

  1. Tentazzjonijiet – Dwejjaq – Bidla. Kemm tassew se nċarrtu l-maskra tagħna minn fuq wiċċna u nħarsu f’għajnejn il-Mulej u nwettqu dak li jrid minna?
  1. Ix-xitan ittanta lil Ġesù. Ix-xitan jittanta lil kull wieħed u waħda minna.  Kemm qed nieqfu lix-xitan u mhux nidħlu f’kompromessi miegħu?
  2. Il-Mulej iridna nċarrtu qlubna u nibdlu l-ħajja tagħna. Kapaċi nużaw dawn l-erbgħin jum tar-Randan biex isseħħ fina din il-bidla?
  3. Sawm – Talb – Penitenza. Iżda kollox immirat lejn il-karità li rridu nagħmlu mal-proxxmu tagħna.  Id-dwejjaq minn ġewwa fina jintemm meta niċċaħħdu aħna biex jikber ħaddieħor, biex il-proxxmu tagħna jieħu n-nifs meħtieġ.

Id-Djalogu

  Mulej, bdejna Randan ieħor.

  Agħmel li matul dawn l-erbgħin jum

  nifhem aktar xi trid minn inti,

  sabiex tassew inbiddel ħajti.