ĦAREĠ JIŻRA’… – Il-ħmistax-il Ħadd matul is-sena A – 16 ta’ Lulju 2017

ĦAREĠ JIŻRA’… – Il-ħmistax-il Ħadd matul is-sena A – 16 ta’ Lulju 2017

July 5, 2017
0

Il-15-il Ħadd Matul is-Sena

ĦAREĠ JIŻRA’…

Isaija 55, 10-11;  Salm 64; Rumani 8,18-23; Mattew 13, 1-23

Il-Vanġelu

Dakinhar Ġesù ħareġ mid-dar, mar f’xatt il-baħar u qagħad bilqiegħda hemm. U nġabru madwaru folol hekk kbar ta’ nies li kellu jitla’ fuq dgħajsa u jinżel bilqiegħda fiha; in-nies qagħdu lkoll wieqfa fuq ix-xatt, u hu beda jkellimhom fuq bosta ħwejjeġ bil-parabboli.

U qalilhom : “Darba wieħed bidwi ħareġ jiżra’. Huwa u jiżra’, xi żerrigħat waqgħu mal-mogħdija; ġew l-għasafar u naqqruhom. Oħrajn waqgħu f’art kollha blat, fejn ma kienx hemm wisq ħamrija, u malajr nibtu, għax il-ħamrija ma kinitx fonda; iżda mbagħad telgħet ix-xemx, u nħarqu u nixfu, għax ma kellhomx għeruq. Oħrajn waqgħu qalb ix-xewk, u x-xewk kiber magħhom u ħonoqhom. Imma oħrajn waqgħu f’art tajba, u għamlu l-frott, min mija, min sittin, u min tletin. Min għandu widnejn, ħa jisma’! “

Resqu lejh id-dixxipli u staqsewh: “Għaliex tkellimhom bil-parabboli?” Hu weġibhom: “Għax lilkom ingħata li tagħrfu l-misteri tas-Saltna tas-Smewwiet; iżda lilhom dan ma kienx mogħti. Għax kull min għandu, jingħatalu, u jkollu żżejjed ukoll; iżda min ma għandux, jitteħidlu saħansitra dak li għandu. Jien għalhekk inkellimhom bil-parabboli; għax iħarsu kemm iħarsu ma jarawx, u jisimgħu kemm jisimgħu ma jifhmux.  U hekk isseħħ fihom il-profezija ta’ Isaija li tgħid,

‘Tisimgħu kemm tisimgħu ma tifhmux,

u tħarsu kemm tħarsu ma tarawx.

Għax il-qalb ta’ dan il-poplu twebbset:

kienu tqal biex jisimgħu b’widnejhom,

u għalqu għajnejhom li ma

jmorrux jaraw b’għajnejhom,

u jisimgħu b’widnejhom,

u jifhmu b’moħħhom,

u hekk ibidlu ħajjithom

u jiena nfejjaqhom.’

“Intom, iżda, henjin għajnejkom, għax qegħdin jaraw; henjin widnejkom, għax qegħdin jisimgħu. Tassew, ngħidilkom, li bosta profeti u nies ġusti xtaqu jaraw dak li qegħdin taraw intom u ma rawhx, u jisimgħu dak li qegħdin tisimgħu intom u ma semgħuhx!

“Mela isimgħuha intom il-parabbola ta’ dak li ħareġ jiżra’. Kull min jisma’ l-kelma tas-Saltna u ma jifhimhiex, jersaq il-ħażin u jisraqlu dak li jkun inżera’ f’qalbu: dan huwa dak li nżera’ mal-mogħdija. Dak li nżera’ f’art kollha blat huwa dak li jisma’ l-kelma u jilqagħha minnufih bil-ferħ; imma għeruq ma jkollux fih innifsu, u għalhekk ftit idum; mbagħad jiġi fuqu l-għawġ, jew isib min iħabbtu minħabba l-kelma, u malajr jitfixkel. Dak li nżera’ qalb ix-xewk huwa dak li jisma’ l-kelma iżda l-inkwiet żejjed għall-ħwejjeġ tad-dinja u l-ġibda għall-ġid ta’ l-art joħonqulu l-kelma, li għalhekk ma tagħmilx frott. Dak imbagħad li nżera’ f’art tajba huwa dak li jisma’ l-kelma u jifhimha; u tassew hu jagħmel il-frott; dan jagħmel mija, dak sittin, u l-ieħor tletin.”

Il-Ħsieb

Il-Mulej illum jagħmlilna sfida:  “Min għandu widnejh ħa jisma’.”  Hija sfida iebsa iżda reali.  Ħafna drabi aħna ma rridux nisimgħu ’l-Mulej jew nagħmlu ta’ bir-ruħna li ma smajnihx għax ma rridux min jindaħlilna fit-tip u l-mod ta’ ħajja li qed ngħixu.  XEWK U FROTT huma ż-żewġ realtajiet tal-ħajja tagħna.  Frott u Xewk li jfissru mumenti sbieħ u oħrajn inqas sbieħ iżda li l-Mulej iridna ngħixuhom fid-dawl tal-kelma tiegħu.  Huwa Hu l-bidwi li jiżra’, huwa Hu li jsaqqi, huwa Hu li jaħsad.  Hemm bżonn li qalbna tkun qalb fertili għall-kelma tiegħu.

Ħajjitna tagħmel sens jekk nisimgħu l-kelma ta’ Alla u nħarsuha.  Dak biss jista’ jkun ta’ ġid u ta’ sens għall-ħajja tagħna.  Ma naħlux ħin niskandalizzaw irwieħna b’dak u bl-ieħor jekk wara kollox aħna stess m’aħniex ta’ eżempju tajjeb għal dawk ta’ madwarna.  Il-Kelma tal-Mulej hija ċara llum dwar dan.  Hemm bżonn li naċċettaw il-kelma ta’ Alla u nifhmuha sew.

Il-Kelma

Fl-ewwel qari mill-Ktieb ta’ Isaija għandna lill-Profeta jħeġġeġ lil-Lhud fl-eżilju biex ifittxu lil Alla u jafdaw fih minħabba li l-kelma tiegħu għandha qawwa kbira.  Fis-Salm 64 għandna l-messaġġ li ż-żerriegħa hija l-Kelma ta’ Alla li jekk taqa’ f’art tajba tagħmel ħafna frott.  Fl-Ittra lir-Rumani għandna lil San Pawl jurina li meta dineb, il-bniedem kaxkar miegħu fil-ħażin il-ħolqien stess, b’mod li meta feda l-bniedem dan sar jaċċetta, jifhem u jgħix din il-kelma.

Il-Ħajja
  1. Kemm tassew għandek għal qalbek il-kelma ta’ Alla? Kemm tassew taf dwarha?
  2. Kemm tassew din il-kelma qed tipprova tgħaddiha fl-għajxien tal-ħajja tiegħek ta’ kuljum?
  3. Kemm tassew qed tapprezza li permezz ta’ din il-kelma qed jasallek il-messaġġ ta’ salvazzjoni lilek u lill-ħolqien kollu?
  4. Il-Kelma ta’ Alla għadha l-fanal li permezz tagħha qed nara fejn nimxi?
  5. Kemm qegħdin ngħinu lil xulxin biex nagħmlu l-frott fil-ħajja tagħna?
Id-Djalogu

Mulej, agħmel li naċċetta l-kelma tiegħek u ngħixha jum wara jum.

Leave a Reply

Your email address will not be published.