IL-BIDLA: TĦEJJIJA TA’ TRIQ – It-2 Ħadd ta’ l-Avvent – Sena B – 10 ta’ Diċembru 2017

IL-BIDLA: TĦEJJIJA TA’ TRIQ – It-2 Ħadd ta’ l-Avvent – Sena B – 10 ta’ Diċembru 2017

November 26, 2017
0

 

It-2 Ħadd ta’ l-Avvent

IL-BIDLA – TĦEJJIJA TA’ TRIQ

Isaija 40:1-5; 9-11; Salm 84; Pietru 3:8-14; Mark 1, 1-8

Il-Vanġelu

Il-Bidu ta’ l-Evanġelju ta’ Ġesù Kristu l-Iben ta’ Alla. Bħalma hu miktub fil-ktieb ta’ Isaija l-profeta,

‘Ara, jien nibgħat qablek il-ħabbâr

tiegħi biex iħejji triqtek.

Leħen ta’ wieħed jgħajjat fid-deżert:

Ħejju t-triq tal-Mulej,

iddrittaw il-mogħdijiet tiegħi,’

hekk Ġwanni deher jgħammed fid-deżert u jxandar magħmudija ta’ ndiema għall-maħfra tad-dnubiet. U kienet tmur għandu l-Lhudija kollha u n-nies kollha ta’ Ġerusalemm, jitgħammdu minnu fix-xmara Ġordan waqt li jistqarru dnubiethom.

Ġwanni kien jilbes libsa tax-xagħar tal-ġemel, bi ħżiem tal-ġild madwar qaddu, u kien jiekol ġradijiet u għasel selvaġġ.  U kien ixandar u jgħid: “Ġej warajja min hu aqwa minni, li jien ma jistħoqqlix nitbaxxa quddiemu u nħoll il-qfieli tal-qorq tiegħu. Jiena għammidtkom bl-ilma, iżda huwa jgħammidtkom bl-Ispirtu s-Santu.”

Il-Ħsieb

Ħsieb dominanti fil-bidu tas-sena liturġika, b’mod speċjali fil-bidu ta’ l-Avvent, hija insistenza kbira fuq il-ħtieġa li ninbidlu.  Hemm bżonn li kull sena ninbidlu u niġġeddu biex nikbru aktar ma’ Kristu u mal-Knisja fil-mixja u fl-eżempju li għandna nagħtu ta’ Nsara ħajjin.  U dan jitlob minna BIDLA RADIKALI.  Bidla li tfisser li ninqatgħu mill-passat, minn affarijiet li qed jagħmluna lsiera.  Il-figura ta’ Ġwanni l-Battista hija figura ta’ radikalità evanġelika fil-proċess ta’ tħejjija li lkoll irridu nagħmlu tul il-ħajja tagħna.  Hemm bżonn li lkoll, bħal Ġwanni l-Battista, ma nistħux nikkonfrontaw l-ambjent ta’ madwarna;  għax, minħabba l-mistħija, ħafna drabi nikkonformaw ma’ dak li jdur ma’ saqajna għax nistħu ngħidu li aħna nsara.

Il-Kelma

L-Ewwel Qari tal-lum, meħud mill-Ktieb ta’ Isaija, huwa espressjoni ta’ ferħ u hena għaliex il-Mulej se jeħles il-poplu tiegħu mill-eżilju.  Hija espressjoni ta’ hena għax il-Mulej qed iżomm il-wegħdiet li għamel ma’ l-istess poplu.  Salm 84, li ntennu fis-Salm Responsorjali, jurina li għandna nitolbu lill-Mulej biex ilkoll kemm aħna nakkwistaw is-salvazzjoni.  Fit-Tieni Qari tal-lum, meħud mit-Tieni Ittra ta’ San Pietru Appostlu, għandna lil San Pietru iħeġġeġ lill-Insara biex jagħtu s-sehem tagħhom fil-bini ta’  smewwiet ġodda.  Fil-Vanġelu ta’ San Mark, propju fil-bidu ta’ dan il-Vanġelu, għandna l-figura ta’ Ġwanni l-Battista li qiegħed jgħajjat fid-deżert biex inħejju t-triq għall-Mulej.

Il-Ħajja

Ġej warajja min hu aqwa minni... Jiena għammidtkom bl-ilma, iżda huwa jgħammidtkom bl-Ispirtu s-Santu
Il-Mulej qed jistedinna ninbidlu bis-serjetà.  Huwa l-isbaħ mod kif inħejju ruħna għat-twelid tiegħu.  Ġesù se jitwieled mill-ġdid biex iġedded lilna lkoll.  Ġesù jrid li lkoll kemm aħna nagħrfu li mingħajru ma nistgħu naslu mkien.  Huwa għalhekk li ħafna drabi nħossuna li qegħdin fid-deżert ta’ l-indifferenza u ma nweġbux għall-karba tiegħu.  Hemm bżonn li nħejju t-triq għall-Mulej; hemm bżonn li niddrittaw il-mogħdijiet tiegħu.  Hemm bżonn li lkoll kemm aħna nagħrfu li l-magħmudija li rċevejna rridu nagħtu xhieda tagħha kontinwament fil-ħajja ta’ kuljum.  Huwa għal dan il-għan li rridu nfittxu niddrittaw il-mogħdijiet, anki jekk dan ifisser li nbiddlu l-mod li bih qed ngħixu.

Id-Djalogu

Mulej, għinni niddritta l-mogħdijiet ta’ ħajti,

biex niftaħ ħajti beraħ għall-messaġġi tiegħek.

Leave a Reply

Your email address will not be published.