IS-SUQ TAL-KOMPROMESSI – It-3 Ħadd tar-Randan [B] – 3 ta’ Marzu 2024

IS-SUQ TAL-KOMPROMESSI – It-3 Ħadd tar-Randan [B] – 3 ta’ Marzu 2024

February 26, 2024

It-3 Ħadd tar-Randan [Sena B]

IS-SUQ TAL-KOMPROMESSI

Eżodu 20: 1-17; Salm 18; 1 Korintin 1:22-25; Ġwanni 2:13-25

Il-Vanġelu

     Kien qorob l-Għid tal-Lhud, u Ġesù tela’ Ġerusalemm. Fit-tempju sab min qiegħed ibigħ barrin, nagħaġ u ħamiem, u min kien bilqiegħda jsarraf il-flus. Għamel sawt mill-ħbula, u keċċiehom ilkoll ‘il barra mit-tempju, bin-nagħaġ u l-barrin tagħhom; xerred il-flus ta’ dawk li kienu jsarrfu, u qalbilhom l-imwejjed. U lill-bejjiegħa tal-ħamiem qalilhom: “Warrbu dawn minn hawn, u dar Missieri tagħmluhiex dar tan-negozju!” Id-dixxipli ftakru f’dak li kien hemm miktub fl-Iskrittura, “Il-ħeġġa għal darek fnietni.’ Mbagħad il-Lhud qabdu u qalulu: “X’sinjal se turina li inti tista’ tagħmel dan?” Ġesù weġibhom: “Ħottu dan it-tempju, u fi tlitt ijiem nerġa’ ntellgħu.” Għalhekk il-Lhud qalulu: “Dan it-tempju ħa sitta u erbgħin sena biex inbena, u int se ttellgħu fi tlitt ijiem?” Iżda hu tkellem fuq it-tempju tal-ġisem tiegħu. Meta mbagħad qam mill-imwiet, id-dixxipli tiegħu ftakru f’dan li kien qal, u emmnu fl-Iskrittura u fil-kliem li kien qal Ġesù.

     Waqt li kien Ġerusalemm għall-festa ta’ l-Għid, kien hemm ħafna li emmnu f’ismu billi raw is-sinjali li kien jagħmel. Imma Ġesù, min-naħa tiegħu, ma kienx jafda fihom, għax hu kien jaf lil kulħadd u ma kellux bżonn min jagħtih xhieda fuq il-bniedem, għax hu stess kien jaf x’hemm fil-bniedem. 

 

Il-Ħsieb

     Huma ħafna dawk li jaħsbu li llum jaqbillek tkun Nisrani tal-KONVENJENZA milli tal-KONVINZJONI.  Għaliex li tkun Nisrani konvint ifisser li trid tirfes il-kallijiet; trid toqros fil-laħam il-ħaj ibda minnek stess.  F’dinja li tippriedka l-konvenjenza u l-kompromessi, din hi mixja kbira kontra l-kurrent, mixja li ħafna nsara jaqtgħu nifishom imqar jaħsbu fuqha.  Ġesù llum jitkellem u jaġixxi b’mod ċar u aggressiv.  Huwa Ġesù radikali mhux għall-fatt li kaxkar ’il barra lil dawk li mit-tempju għamlu suq, iżda fuq kollox għax iċanfar il-mod ta’ ipokresija li ħafna nsara qed jgħixu l-ħajja tagħhom.  Hemm bżonn li niddeċiedu.  Hemm bżonn li naraw jekk ħajjitna wkoll saritx suq ta’ kompromessi, suq fejn qed naċċettaw kollox; suq fejn minflok tempju ta’ Alla, billi nfittxu li nwettqu dak li jrid Alla minna, qed nagħmlu minn ħajjitna aċċettazzjoni bla sens ta’ dak li toffri d-dinja, mingħajr lanqas biss nagħmlu domandi jekk dak li qed inwettqu jmurx tajjeb mal-fidi tagħna.

     Ġesù tkellem dwar it-tempju tal-Ġisem tiegħu u jridna, f’dan il-kliem, naraw it-tempju ta’ ġisimna.  Naraw kemm tassew qed nindunaw bil-fejqan għal ġisimna u ħajjitna li qed joffrilna Ġesù bil-passjoni u l-mewt tiegħu.  Naraw kemm qed naċċettaw dawn il-mumenti ta’ fejqan u kemm qed nippruvaw, minkejja d-dgħufija tagħna, nimxu kontra l-kurrent.

Il-Kelma

     Fl-Ewwel Qari meħud mill-Ktieb ta’ l-Eżodu, insibu r-rakkont li, wara l-ħelsien tal-poplu mill-jasar ta’ l-Eġittu, Alla ried jidħol mal-poplu f’patt ta’ ħbiberija.  Fuq il-muntanja Sinai, permezz ta’ Mosè, Alla ntrabat li jagħżel il-poplu Lhudi bħala l-Poplu tiegħu, kemm-il darba l-poplu jaċċetta li jimxi fuq il-liġi tiegħu.  Fis-Salm Responsorjali, meħud minn Salm 18, għandna għanja lill-Mulej li għandu l-kliem tal-ħajja ta’ dejjem.  Fit-Tieni Qari tal-lum, meħud mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl lill-Korintin, għandna l-predikazzjoni tan-Nisrani li trid tkun is-Salib.  Fil-Vanġelu tal-lum, meħud minn San Ġwann, insibu lil Ġesù jżur it-tempju u jqaċċat ’il barra lil dawk li mit-tempju għamlu suq.  Dawk li marru kontra r-rieda ta’ Alla.  Huwa jħabbar li se jmut u jqum wara tlett ijiem.

Il-Ħajja
  1. Il-Mulej qaċċathom ’il barra mit-tempju għax għamlu mit- tempju suq.  X’se jgħid il-Mulej fuq it-tip ta’ ħajja li qed  tgħix? Tingħaraf fik il-marka tan-Nisrani?
  2. Kemm tassew qed ixxandar bil-ħajja tiegħek lil Kristu Msallab? Kemm int kapaċi tgħix is-salib ta’ kuljum?
  3. Il-Mulej illum iridna nagħmlu għażla ċara. Jekk se nimxu warajh nitfgħu ’l barra l-kompromessi. Kemm tassew ħafna drabi b’għemilna qed inkunu ta’ skandlu, qed niżirgħu l-għira?
  4. Il-Mulej daħal f’patt ta’ mħabba u ħbiberija magħna. X’qed nagħmlu biex nirreċiprokaw dan il-patt?
Id-Djalogu

  Mulej, inti tħobbni,

  dħalt f’patt ta’ mħabba miegħi.

  Għinni, Mulej, biex fil-jiem li fadal tar-Randan

  nagħraf nitnaddaf minn kull kompromess,

  biex inkun Nisrani konvint

  u nagħti xhieda tiegħek.