SENA OĦRA MAL-MULEJ – L-1 Ħadd ta’ l-Avvent – Sena B – 3 ta’ Diċembru 2017

SENA OĦRA MAL-MULEJ – L-1 Ħadd ta’ l-Avvent – Sena B – 3 ta’ Diċembru 2017

November 24, 2017
0

L-1 Ħadd ta’ l-Avvent

SENA OĦRA MAL-MULEJ

Isaija 63, 16b-17,19b; 64:1-7; Salm 79, 1 Korintin 1,3-9; Mark 13: 33-37

Il-Vanġelu

“Kunu għajnejkom miftuħa, ishru, għax ma tafux meta se jasal il-waqt. Jiġri bħal meta bniedem ikun siefer u telaq mid-dar, iħalli kollox f’idejn il-qaddejja tiegħu, kull wieħed fuq xogħlu, u lil tal-bieb jordnalu biex jibqa’ jishar.  Mela ishru, għax ma tafux meta jiġi Sid id-dar, jekk hux fil-għaxija, jew f’nofs il-lejl, jew xħin jidden is-serduk, jew inkella mas-sebħ, li ma jmurx jiġi għal għarrieda u jsibkom reqdin.  U dak li qiegħed ngħid lilkom, qiegħed ngħidu għal kulħadd: ishru!”

 

Il-Ħsieb
ishru!
Illum bdejna sena liturġika ġdida.  Sena oħra mal-Mulej.  Sena li hija wkoll mixja ma’ Ġesù Kristu, kif tenna l-Papa San Ġwanni Pawlu II, fil-preparazzjoni li rridu nagħmlu f’għeluq is-seklu 20 u fit-tielet millennju ta’ Kristu.  Hija sena li rridu nagħrfu ngħixuha minkejja li d-dgħufija u d-difetti tagħna ħafna drabi jorbtuna ma’ l-art b’mod li ma nkunu nistgħu nagħmlu l-ebda progress spiritwali.  Din hija l-ġlieda li kuljum irridu nwettqu matul din is-sena liturġika.  Fil-bidu wkoll ta’ l-Avvent irridu naraw kif dawn l-erba’ ġimgħat qabel il-miġja ta’ Ġesù Bambin irridu ngħixuhom b’mod ta’ preparazzjoni sabiex tassew innaddfu qalbna ħalli jitwieled għal darba oħra dak Ġesu Bambin li jkun magħna kuljum fil-ħajja tagħna.

Il-Mulej illum jurina kif għandna nagħmlu dan billi NIFTĦU GĦAJNEJNA U NISHRU.  Inkunu konxji tar-realtajiet li hawn madwarna kif ukoll inkunu konxji li waħedna ma nistgħu nagħmlu xejn.  Għalhekk hemm bżonn li jkollna djalogu kontinwu ma’ Alla permezz tat-talb.

 

Il-Kelma

Fl-Ewwel Qari tal-lum, meħud mill-Ktieb tal-Profeta Isaija, nisimgħu lill-profeta jkellem lill-poplu Lhudi eżiljat u umiljat f’Babel.  Jurih lil dan il-poplu li ma jistax jinfeda jekk Alla nnifsu ma jidħolx għalih minn rajh.  Il-profeta għalhekk jitlob dan lil Alla b’fiduċja kbira.  Fis-Salm Responsorjali minn

Salm 79 għandna l-għajta tal-poplu Lhudi li hija wkoll l-għajta tagħna llum biex il-Mulej jeħodna f’idejh u kontinwament jipproteġina.  L-istess protezzjoni ta’ Alla tagħti lok lil San Pawl fl-Ittra lill-Korintin li jagħmel innu ta’ tifħir lil Alla.  Fil-Vanġelu ta’ San Mark għandna lil Ġesù, f’diskors ieħor eskatoloġiku, iwissina biex noqogħdu attenti u nitolbu għax ma nafux il-jum u s-siegħa li niltaqgħu għal dejjem mal-Mulej.

 

Il-Ħajja

Kemm tassew bħala Nisrani li rrid ngħix il-fidi tiegħi ninsab b’għajnejja miftuħa dwar dak li qed jiġri madwari?  Kemm qed nieħu kull deċiżjoni f’għaqda sħiħa ma’ Alla?  Kemm tassew qed ikun hemm mumenti fil-ħajja tiegħi li nkun nishar fit-talb?  Jew insibu ħin għal kollox barra għad-djalogu tiegħi ma’ Dak li ħalaqni?  Kif se nimxi mal-Mulej matul din is-sena?  Kollox bil-qies?  Jiġifieri quddiesa tal-Ħadd għax bilfors, qrara għad-Duluri u daqshekk?  Kemm tassew qed nipprova nitkellem u ngħix li Alla huwa mħabba?

 

Id-Djalogu

Mulej, agħmel li matul din is-sena liturġika ġdida

nikber aktar fil-fidi tiegħi.

 

Leave a Reply

Your email address will not be published.