TALLAB AGĦMA – It-30 Ħadd Matul is-Sena – 28 t’Ottubru 2018

TALLAB AGĦMA – It-30 Ħadd Matul is-Sena – 28 t’Ottubru 2018

October 11, 2018

 It-30 Ħadd Matul is-Sena

TALLAB AGĦMA

Ġeremija 31: 7-9; Salm 125; Lhud 5: 1-6; Mark 10: 46-52

Il-Vanġelu

      U waslu Ġeriko. Hu u ħiereġ minn Ġeriko flimkien mad-dixxipli tiegħu u ma’ kotra kbira ta’ nies, kien hemm wieħed tallab agħma, jismu Bartimew, bin Timew, bilqiegħda mal-ġenb   tat-triq.  Dan, meta sama’ li kien Ġesù ta’ Nazaret, qabad jgħajjat u jgħid: “Ġesù, bin David, ikollok ħniena minni!” Kien hemm ħafna li bdew jgħajjtu miegħu biex jiskot imma hu aktar beda jgħajjat: “Bin David, ikollok ħniena minni!” Ġesù waqaf u qal: “Sejjħulu.” Huma sejjħu l-agħma u qalulu: “Agħmel il-qalb! Qum, qiegħed isejjaħlek.” Dak tajjar il-mantar minn fuqu, qabeż fuq riġlejh u mar ħdejn Ġesù. U Ġesù kellmu u qallu: “Xi tridni nagħmillek?” “Li nerġa’ nara, Rabbuni,” wieġbu l-agħma.  “Mur,” qallu Ġesù, “il-fidi tiegħek fejjqitek.” U minnufih raġa’ beda jara, u baqa’ miexi warajh fit-triq.

 

Il-Ħsieb

     Tallâb agħma sema’ li ġej Ġesu u sfaċċatament għamel il-kuraġġ, neħħa kull mistħija u beda jgħajjat:  Ikollok ħniena minni.  Ilkoll kemm aħna nagħmlu mumenti mill-ħajja tagħna fid-dlam.  L-iżball huwa li xi kultant, minkejja li nkunu fid-dlam, ma nittalbux.  Nistħu jew nidraw id-dlam u ma jkollna l-ebda xewqa li nfiqu.  L-agħma jagħtina eżempju.  Kif kellu l-ewwel indikazzjoni li riesaq lejh Ġesu, beda jgħajjat.  ried jagħmel l-esperjenza ta’ fejqan li Ġesu biss seta’ jagħtih.  Kellu għatx għall-veru dawl.  Għandna aħnda dan l-għatx biex nibdlu l-ħajja tagħna?  Għandna aħna dan il-għatx biex ngħajtu lil Ġesu sabiex ifejjaqna?  Ġesu kontinwament imissna bl-imħabba tiegħu u jgħidilna:  Il-fidi tiegħek fejqitek.  Imma jrid ikollna fidi qawwija bħal dik tallâb agħma.  kemm nistgħu ngħidu li għandna din il-fidi?  Dan huwa Ħadd fejn il-liturġija tiftħilna għajnejna għall-veru dawl iżda fuq kollox trid tagħmlilna kuraġġ.  Hemm tama kbira għall-fejqan tagħna!

Il-Kelma

     Fl-Ewwel Qari tal-lum, meħud mill-Ktieb tal-Profeta Ġeremija, għandna silta fejn Alla jidher bħal ragħaj tajjeb li jiġbor flimkien dak li fadal mill-merħla tiegħu, jiġifieri l-Lhud ta’ wara l-eżilju ta’ Babel.  Wara t-tisfija, dan il-poplu se jibni ġens ġdid.  Dan iseħħ għax Alla huwa ħanin.  Dan il-kobor ta’ għemil insibuh fis-Salm 125 – KBIR U F’GĦAEMILU L-MULEJ MAGĦNA!  Fit-Tieni Qari tal-lum, meħdu mill-Ittra lill-Lhud, għandna l-idea tal-qassis il-kbir li kien meħtieġ li jiġi magħżul mill-bnedmin.  Xogħol il-qass il-kbir li Alla jagħżlu biex bl-offerta tiegħu jpatti għad-dnubiet ta’ l-oħrajn.  Fil-Vanġelu tal-lum, meħud minn San Mark, għandna l-għajta ta’ Bartilmew bin Timew, tallâb agħma.  Ried lill-Mulej ifejqu.  Il-Mulej itenni li l-fidi tiegħu stess fejqitu.

Il-Ħajja

  1. Irridu li tassew il-Mulej imissna u jfejjaqna mill-ħażen tagħna?  Li jagħtina d-dawl mill-ġdid?
  2. Kemm qegħdin nittallbu u nitolbu lilu biex ikun magħna kull ħin, speċjalment fil-mumenti li nħossuna mitlufin b’nuqqas ta’ fidi?
  3. Kemm qed nuru l-ferħ tagħna f’ħajjita li l-Mulej huwa preżenti magħna? Qegħdin nagħtu xhieda fi djarna u fuq il-post tax-xogħol tagħna?
  4. Il-Mulej jersaq lejn il-persuni bi ħtiġijiet speċjali biex ifejjaq u jqawwi l-qalb.  Din hija l-missjoni tagħna l-Insara.  Qiegħed tagħti sehmek?

Id-Djalogu

  Mulej Ġesu

  inti li missejt u tajt id-dawl lit-tallab agħma,

  nitolbok inżel ħdejja u miss il-pjagi u l-problemi tiegħi.

  Għinni kull ħin nikseb id-dawl,

  li bih nagħraf nimx warajk kull ħin.