TWIDDIB U MAĦFRA – It-23 Ħadd Matul is-Sena A – 10 ta’ Settembru 2017

TWIDDIB U MAĦFRA – It-23 Ħadd Matul is-Sena A – 10 ta’ Settembru 2017

September 2, 2017
0

It-23 Ħadd Matul is-Sena

TWIDDIB U MAĦFRA

Eżekjel 33:7-9;  Salm 94; Rumani 13: 8-10; Mattew 18: 15-20

Il-Vanġelu

Jekk ħuk jaqa’ f’xi dnub, mur sibu waħdu u widdbu. Jekk jisma’ minnek, tkun irbaħt lura lil ħuk. Jekk ma jismax, erġa’ mur u ħu miegħek wieħed jew tnejn oħra, biex kull ma jingħad jissaħħaħ bil-kelma ta’ żewġ xhieda jew tlieta. Jekk imbagħad anqas minnhom ma jkun irid jisma’, mur għid lill-knisja. U jekk anqas mill-knisja ma jkun irid jisma’ żommu b’wieħed pagan u pubblikan.

Tassew ngħidilkom, li kull ma torbtu fuq l-art ikun marbut fis-sema, u kull ma tħollu fuq l-art ikun maħlul fis-sema. Ngħidilkom ukoll li jekk tnejn minnkom fuq l-art jgħollu leħinhom flimkien biex jitolbu xi ħaġa, Missieri li hu   fis-smewwiet, jagħtihielhom. Għax fejn tnejn jew tlieta jkunu miġbura f’ismi hemm inkun jien f’nofshom.

 

Il-Ħsieb

fejn tnejn jew tlieta jkunu miġbura f'ismi hemm inkun jien f'nofshom
Kemm huwa diffiċli llum li nifhmu li r-reliġjon u l-fidi tagħna aħna rridu ngħixuhom bħala komunità u mhux għal rasna.  U jekk bħala komunità rridu ngħixu flimkien fil-mumenti ta’ ferħ u ta’ tbatija, irridu wkoll nitgħallmu nħobbu lil xulxin.  Irridu fuq kollox nitgħallmu nagħdru u nwiddbu lil xulxin.  Forsi hija eħfef li taħfer milli li twiddeb b’imħabba lil xi ħadd.  Iżda dan ħafna drabi ma naslux għalih għaliex ma nkunux nies li nemmnu li “fejn hemm tnejn jew tlieta miġbura f’ismi hemm jien f’nofshom.”

Il-Mulej qed jagħti din iċ-ċertezza llum li jekk nitolbu f’ismu flimkien hu se jkun magħna l-ħin kollu.  Kemm aħna konvinti minn dan?  Kemm tassew qed inressqu lill-oħrajn biex jifhmu dan?

Il-Kelma

L-Ewwel Qari tal-lum, meħud mill-Ktieb ta’ Eżekjel, juri r-responsabbiltà kbira li l-profeta għandu li jwiddeb lill-midneb.  Is-Salm Responsorjali tal-lum ikompli meta minn Salm 94 itenni li meta nisimgħu leħen il-Mulej hemm bżonn li ma nwebbsux qalbna.  Fit-Tieni Qari mill-Ittra ta’ San Pawl lir-Rumani għandna lil San Pawl jitkellem dwar kif l-Insara għandhom iġibu ruħhom mal-oħrajn.  Fil-Vanġelu ta’ San Mattew illum għandna lil Ġesù jitkellem kif għandna nwiddbu iżda wkoll l-importanza tat-talb komunitarju, flimkien.

IL-Ħajja
  1.  Meta twiddeb lill-midneb, tkun salvajt lilek innifsek.  Kemm qatt għamilt hekk b’imħabba fil-ħajja tiegħek?
  2.   Kemm-il darba għaraft il-ħażen ta’ ħaddieħor u minflok mort ixxandru tkellimt miegħu u tlabt għalih?
  3.  Il-Mulej jenfasizza li l-vera bidla sseħħ meta nitolbu flimkien.  Int bniedem ta’ talb?
  4.  Fil-familja qed insib it-talb flimkien bħala mument ta’ għaqda u grazzja familjari?
Id-Djalogu

Mulej, għallimni nitlob

sabiex inkun nista’ nwiddeb b’imħabba.

Leave a Reply

Your email address will not be published.