avvent-2

OBDEW! – Ir-4 Ħadd tal-Avvent, Sena A – 22 ta’ Diċembru 2019

December 6, 2019

Ir–4 Ħadd ta’ l-Avvent

MARIJA U ĠUŻEPPI:  OBDEW

Isaija 7:10-14, Salm 23; Rumani 1,1-7; Mattew 1,18-24

Il-Vanġelu: It-twelid ta’ Ġesù Kristu

It-tnissil ta’ Ġesù l-Messija sar hekk: ommu Marija, wara li tgħarrset ma’ Ġużeppi, qabel ma marru joqogħdu flimkien, saret omm bil-ħidma ta’ l-Ispirtu s-Santu.  Żewġha Ġużeppi, li kien raġel ġust u ma riedx ixandarha quddiem kulħadd, għamel il-ħsieb li jibgħatha bil-moħbi tan-nies.  Meta kien għadu qiegħed jaħsibha, deherlu anġlu tal-Mulej fil-ħolm u qallu: “Ġużeppi, bin David, xejn la tibża’ tieħu għandek lil martek Marija, għax dak li tnissel fiha ġej mill-Ispirtu  s-Santu.  Hi se jkollha iben, u inti ssemmih Ġesù, għax hu jsalva l-poplu tiegħu minn dnubiethom.” Dan kollu ġara biex iseħħ dak li kien qal il-Mulej permezz tal-profeta, meta qal: 

‘Ara, ix-xebba tnissel u jkollha iben, u jsemmuh Għimmanu-El’,

Li bi lsienna jfisser ‘Alla magħna’.  Ġużeppi, meta qam, għamel kif ordnalu l-anġlu tal-Mulej, u ħa lil martu għandu.

Il-Ħsieb

Alla magħna
Ir-riflessjoni tagħna fuq Ġużeppi u Marija m’għandhiex tkun biss dik ta’ personaġġi importanti fil-ġrajja ta’ Betlem, iżda rridu nħarsu lejhom bħala nies li, minkejja li tħawdu quddiem il-proposta ta’ Alla, ħadu r-risku u qalu iva.  Iva li għexuha kull ħin…. F’dan id-dawl irridu nagħmlu riflessjoni personali tagħna f’dan ir-raba’ Ħadd ta’ l-Avvent.  Il-Milied wasal u jintemm jekk fil-fond ta’ qalbna ma nagħmlux is-Sejba ta’ Ħajjitna – dik li niskopru x’inhi r-rieda t’Alla. Skoperta li trid tagħmel minna appostli ħajjin ta’ din il-bxara t-tajba.

Il-Kelma

It-twelid minn xebba, ta’ iben min-nisel ta’ David, li se jkun GħimmanuEl, li tfisser Alla magħna, insibuh fl-Ewwel Qari tal-lum meħud mill-Ktieb tal-Profeta Isaija.  U għalhekk għandna nilqgħu lill-Mulej kif itenni s-Salm 23 -“Ħa jidħol il-Mulej;  Hu s-Sultan tal-Glorja”. kif insibu wkoll fil-bidu ta’ l-Ittra ta’ San Pawl lir-Rumani fejn għandna ġabra tat-tagħlim ta’ l-Insara ta’ l-ewwel żminijiet, fejn il-Vanġelu huwa t-twettiq tar-rabta l-Qadima.  Fil-Vanġelu ta’ San Mattew insibu lil Marija, l-Għarusa ta’ Ġużeppi Bin David, li twelled lil Ġesù.

Il-Ħajja
  1. Ġużeppi u Marija obdew ir-rieda ta’ Alla.  Kemm tassew qed nagħmlu hekk aħna?
  2. Għimmanu-El – Alla magħna.  Temmen inti dan?
  3. Alla jwettaq dak li wiegħed permezz tat-twelid ta’ Ibnu.  Kemm tħossok li inti tifforma parti ħajja mill-pjan tas-Salvazzjoni?
  4. Ma nibżgħux mill-mumenti iebsa.  Qabel qalu IVA, Marija u Ġużeppi kienu mħawda.
.
Id-Djalogu

Mulej Ġesù, għallimni nirbaħ il-biża’ u ngħidlek IVA kuljum.

 

read more

IL-BXARA T-TAJBA WASLET – It-3 Ħadd tal-Avvent, Sena A – 15 ta’ Diċembru 2019

December 6, 2019

It-3 Ħadd ta’ l-Avvent

IL-BXARA T-TAJBA WASLET

Isaija 35:1-6a,10; Salm 145; Ġakbu 5:7-10, Mattew 11:2-11

 Il-Vanġelu

Ġwanni, li kien fil-ħabs sama’ bl-għemejjel al-Messija, u bagħat għandu tnejn mid-dixxipli tiegħu u qallu: “Inti huwa dak li għandu jiġi, jew nistennew lil ħaddieħor?” Ġesù wieġeb u qalilhom: “Morru agħtu lil Ġwanni l-aħbar ta’ dak li qegħdin tisimgħu u taraw: l-għomja jaraw, iz-zopop jimxu, il-lebbrużi jfiqu, it-torox jisimgħu, il-mejtin iqumu, l-Evanġelju jixxandar ill-foqra. Hieni hu min ma jitfixkilx minħabba fija!” Meta dawk telqu, Ġesù qabad ikellem lin-nies fuq Ġwanni: “Xi ħriġtu taraw fid-deżert? Qasba tixxejjer mar-riħ? Xi ħriġtu taraw? Raġel liebes fin? Dawk li jilbsu fin fil-palazzi tas-slaten issibhom. Mela xi ħriġtu taraw? Profeta? Iva, ngħidilkom, anzi xi ħaġa iżjed minn profeta. Dan hu li fuqu hemm miktub:

‘Ara, jiena nibgħat qablek il-ħabbar tiegħi biex iħejji triqtek quddiemek.

 Tassew, ngħidilkom, li fost ulied in-nisa ħadd ma qam akbar minn Ġwanni l-Battista. U b’danakollu l-iżgħar wieħed fis-Saltna tas-Smewwiet hu akbar minnu.

 Il-Ħsieb

Hieni hu min ma jitfixkilx minħabba fija!
Iva.  Il-Bxara t-Tajba waslet u qed titħabbar lil kulħadd, anki lilek u lili.  Il-Mulej ġie b’mod speċjali għal dawk li għandhom bżonnu.  Huwa għal dan il-għan li din il-preparazzjoni ta’ l-Avvent irridu neħduha bis-serjetaÏ.  L-isfortuna tagħna tista’ tkun li jgħaddi dan il-mument u nibqgħu fejn aħna.  Biex naslu għall-bxara t-tajba rridu ngħaddu mid-deżert, anki jekk neħduha kontra l-kurrenti li jdawruna.  Huwa għalhekk li rridu ntennu kull ħin il-frażi tas-Salmista:  “Ejja Mulej ħa ssalvana”.

Il-Kelma

Il-ferħ tal-ħelsien mill-jasar tad-deżert hija t-tema ċentrali ta’ l-Ewwel Qari tal-lum meħud mill-ktieb tal-Profeta Isaija.  Huwa l-ħelsien li se jikseb għalina l-Messija, f’dan il-Milied.  Il-Messija se jfejjaqna mill-ħażen tal-ħajja: huwa għalhekk f’waqtu li fis-Salm Responsorjali ntennu EJJA MULEJ  ĦA SSALVANA.  Salvazzjoni li se tiġi b’mod speċjali għall-foqra kif itenni San Ġakbu fit-Tieni Qari tal-lum filwaqt li San Mattew fil-Vanġelu jsemmi, kemm ix-xogħol tal-Mulej fit-tħabbira t-tajba kif  ukoll il-ħidma ta’ preparazzjoni li wettaq Ġwanni l-Battista.

Il-Ħajja

1.  Dan il-Ħadd huwa l-Ħadd ta’ ferħ:  kelma ta’ kuraġġ għax l-AĦBAR IT-TAJBA hi fil-qrib.

2.  Għax ħabbar din il-Bxara t-Tajba Ġwanni l-Battista qafluh fil-ħabs. Lilek għandhom ċans jaqfluk għax ixxandar il-Bxara t-Tajba?

3.  Kemm tassew nifhmu li l-Milied hija l-festa tal-fqir u l-batut?  Kemm se tgħin f’dawn il-ġranet lil min hu fil-bżonn?

4.  Kemm tassew qed tnaddaf qalbek f’dawn il-ġranet u mhux timliha bi proposti ta’ rigali u xalar bla rażan?

Id-Djalogu

Mulej Ġesù

Grazzi tal-ferħ li trid tiżra’ ġo qalbi

Agħmel li nkun xandár ta’ din l-AĦBAR IT-TAJBA b’għemili.

 

read more

IDDRITTAW – It-2 Ħadd tal-Avvent – Sena A – 8 ta’ Diċembru 2019

November 20, 2019

It-2 Ħadd ta’ l-Avvent

IDDRITTAW

Isaija 11:1-10; Salm 71; Rumani 15:4-9; Mattew 3:1-12

Il-Vanġelu

F’dawk il-jiem deher Ġwanni l-Battista jippriedka fid-deżert tal-Lhudija u jgħid: “Indmu, għax is-Saltna tas-Smewwiet waslet’.  Għax għalih kien ingħad permezz tal-profeta Isaija, meta qal,

‘Leħen ta’ wieħed jgħajjat fid-deżert: Ħejju t-triq tal-Mulej, iddrittaw il-mogħdijiet tiegħu.’

Dan Ġwanni kellu fuqu libsa tax-xagħar tal-ġemel, bi ħżiem tal-ġild madwar qaddu, u l-ikel tiegħu kien ġradijiet u għasel selvaġġ.  U kienet tmur għandu Ġerusalemm u l-Lhudija kollha u l-inħawi kollha ta’ madwar il-Ġordan, u kienu jitgħammdu minnu fix-xmara Ġordan huma u jistqarru dnubiethom.

Kif ra bosta mill-Fariżej u mis-Sadduċej ġejjin għall-magħmudija tiegħu, qalilhom: “Ja nisel il-lifgħat, min uriekom kif għandkom taħarbu mill-korla li ġejja? Agħmlu mela frott xieraq ta’ l-indiema. U taħsbux li tistgħu tgħidu fikom infuskom, ‘Għandna b’missier lil Abraham,’ għax ngħidilkom li Alla, minn dan l-istess ġebel, jista’ jqajjem ulied lil Abraham.  Il-mannara ġa tressqet ma’ għerq is-siġra; u għalhekk, kull siġra li ma tagħmilx frott tajjeb titqaċċat u tinxteħet fin-nar. Jien, ngħid għalija, ngħammidkom bl-ilma   għall-indiema; imma min ġej warajja hu aqwa minni, u jien ma jistħoqqlix inġorr il-qorq tiegħu. Hu jgħammidkom bl-Ispirtu s-Santu u n-nar.  Il-midra qiegħda f’idu, biex iderri l-qiegħa tiegħu u jiġbor il-qamħ fil-maħżen, imma t-tiben jaħarqu b’nar li ma jintefiex.

Il-Ħsieb

Ħejju t-triq tal-Mulej. Iddrittaw il-mogħdijiet tiegħu
It-tħejjija tagħna fl-Avvent hija maqsuma bejn ċerta ħeġġa għal bidla interna u l-orġja ta’ kummerċ li għaddejjin minnha fl-istennija tal-Milied b’elf proposta għal elf rigal.  Huwa għalhekk leħen qawwi dak li nisimgħu lil Ġwanni l-Battista jtenni llum:

“Ħejju t-triq tal-Mulej. Iddrittaw il-mogħdijiet tiegħu.”

Mill-ġdid appell kontra l-aljenazzjoni li tifga fina kull sens ta’ ftuħ għall-Mulej.  U hawn hija l-għażla tagħna f’din it-tħejjija.  Lesti li niddrittaw it-triq ta’ ħajjitna?  Jew  għadna mqabbdin ma’ tant kompromessi?  X’lesti nitilfu f’din it-tħejjija?

Agħmlu mela frott xieraq ta’ ndiema”, jissuġġerixxi Ġwanni l-Battista.”

Israel kollu għad jinqered, iżda mill-qerda għad tinbet il-fergħa tas-Salvazzjoni – il-Messija li jġib il-bidla totali.  Hekk insibu fl-Ewwel Qari tal-lum meħud mill-Ktieb tal-Profeta Isaija 11:1-10 u din l-istennija għas-Saltna ta’ Alla tidher fis-Saltna tal-Messija kif insibu fis-Salm 71:  “Tħaddar f’jiemu l-ġustizzja.”  Din il-ġustizzja trid tixgħel fid-dinja permezz tax-xhieda ta’ għaqda fost l-insara.  Huwa għalhekk li San Pawl jikteb fis-silta tal-lum mill-Ittra lir-Rumani li l-Messija m’hu monopolju ta’ ħadd.  Dan ir-radikaliżmu tat-tħabbira u l-istennija jidher fil-figura u l-kliem ta’ Ġwanni l-Battista fil-Vanġelu ta’ San Mattew.  Ġwanni jistqarr li x-xogħol tiegħu huwa biss xogħol ta’ tħejjija.

Michelangelo Merisi da Caravaggio – St. John the Baptist

Il-Ħajja

  1. Inkomplu l-mixja fl-Avvent b’għażla f’idejna:  IRRIDU NINBIDLU?
  2. X’ser tagħti biex tinbidel?
  3. Hemm bżonn li f’dan l-Avvent issib mument ta’ deżert.  Tirrifletti bis-serjetà fuq x’tip ta’ ħajja qiegħed tgħix.
  4. Hemm bżonn ta’ DEĊIŻJONI u BIDLA fil-ħajja tagħna.
  5. Hu fid-deżert li sseħħ il-bidla.

Id-Djalogu

Mulej Ġesù, idħol fid-deżert ta’ qalbi u għinni niddritta l-mogħdijiet.

read more

INQUMU FL-ISTENNIJA – L-1 Ħadd tal-Avvent Sena A – 1 ta’ Diċembru 2019

November 19, 2019

L-1 Ħadd ta’ l-Avvent

INQUMU FL-ISTENNIJA

Isaija 2,1-5; Salm 121; Rumani 13,11-14; Mattew 24, 37-44

Il-Vanġelu

     Bħal fi żmien Noè, hekk tkun il-miġja ta’ Bin il-Bniedem. Għax kif fiż-żmien ta’ qabel id-dilluvju kienu jieklu u jixorbu, jiżżewwġu u jżewwġu sa dakinhar li Noè daħal fl-arka, u b’xejn ma ntebħu sa ma wasal id-dilluvju u ġarr lil kulħadd, hekk tkun il-miġja ta’ Bin il-bniedem. Mbagħad tnejn ikunu fl-għalqa: wieħed jittieħed u l-ieħor jitħalla; żewġ nisa jkunu jitħnu flimkien: waħda tittieħed u l-oħra titħalla. Ishru, mela, għax ma tafuhx il-jum li fih jiġi Sidkom. Kunu afu dan, li kieku sid id-dar kellu jkun jaf f’liema sahra tal-lejl se jiġi l-ħalliel, kien jishar u ma jħallix min jinfidlu  l-ħitan ta’ daru. Mela kunu lesti intom ukoll, għax qatt ma tistgħu tobsru s-siegħa li fiha jiġi Bin il-bniedem.

Il-Ħsieb

Ishru, mela, għax ma tafuhx il-jum li fih jiġi Sidkom
     Bħala nsara huma ferm importanti l-mumenti li nqumu ftit mir-rutina li ħafna drabi nkunu waqajna fiha.  L-Avvent huwa ż-żmien it-tajjeb biex nagħmlu dan fl-istennija tat-twelid ta’ Ġesù, twelid li d-dinja tal-kummerċ illum għamlet minnu karikatura.  L-Avvent huwa kemm memorja kif ukoll profezija.  Ma rridux inħarsu biss lejn il-passat tal-ġrajja tal-Milied, iżda wkoll lejn il-preżent biex ninterpretawh fid-dawl tal-Kelma t’Alla.  L-Avvent għalhekk mhux xi stennija monotona li fiha ma tagħmel xejn, iżda stennija attiva.

Il-Kelma

Mat-Twaqqif tas-Saltna tal-Messija sal-aħħar tad-dinja, Sijon il- Ġdida – il-Knisja tkun għall-attenzjoni mhux tal-Lhud biss iżda tad-dinja kollha.  Hekk itenni l-awtur tal-Ktieb tal-Profeta Isaija fl-ewwel silta tal-lum.  Il-poplu jkollu x-xewqa li jitgħallem it-triqat u l-mogħdijiet tal-Mulej.  Dan il-ferħ ta’ għażla jidher fis-Salm Responsorjali tal-lum meta fis-Salm 121 insibu l-għanja ta’ ferħ:  “FRAĦT META QALULI: ‘IMMORRU FID-DAR TAL-MULEJ’.  San Pawl fl-Ittra tiegħu lir-Rumani jagħmel distinzjoni bejn il-lejl li huma l-jiem ta’ ħajjitna u l-jum li huwa t-tieni miġja tal-Mulej.  Fil-Vanġelu ta’ San Mattew insibu li Ġesù jisħaq fuq x’għandha tkun l-attitudni tagħna b’din l-istennija.  Hemm bżonn li nkunu dejjem imħejjija.  Quddiem dinja li tipprovdi vanġeli u valuri oħrajn. L-iżball ta’ l-aljenazzjoni jista’ jkun fatali.

Il-Ħajja

  1. L-AVVENT huwa riflessjoni qabel il-Milied fuq it-tip ta’ ħajja li qegħdin ngħixu?
  2. X’qed tħejji għal din il-miġja tal-Mulej?
  3. Kemm tassew qed tipprova tegħleb l-aljenazzjoni tad-dinja biex tiġġedded mal-Mulej?
  4. Theilard de Chardin kien itenni:  “Il-Mulej Ġesù ser jirritorna jekk nistennewh b’tama ħajja.”  Kemm verament qed nistennewh il- Mulej?
  5. Lil min ser nistennew f’dan l-Avvent?
  6. Kif ser nistennewh?
  7. Fejn?

Id-Djalogu

Mulej Ġesù, għinna nirbħu l-aljenazzjoni fil-ħajja tagħna biex naslu ħalli nistennewk bi preparazzjoni serja.

read more

MARIJA MARRET TĦAFFEF – Ir-4 Ħadd tal-Avvent – 23 ta’ Diċembru 2018

December 14, 2018

Ir-4 Ħadd ta’ l-Avvent

MARIJA  MARRET  TĦAFFEF

Mikea 5:1-4a; Salm 79; Lhud 10:5-10; Luqa 1,39-45

Il-Ħsieb

     F’dawk il-ġranet Marija qamet u marret tħaffef lejn l-għoljiet, f’belt tal-Lhudija. Daħlet għand Żakkarija u sellmet lil Eliżabetta. Malli Eliżabetta semgħet lil Marija ssellmilha, it-tarbija qabżet fil-ġuf tagħha u Eliżabetta mtliet bl-Ispirtu s-Santu;  u nfexxet f’għajta kbira u qalet: “Mbierka inti fost  in-nisa, u mbierek il-frott tal-ġuf tiegħek!  U minn fejn ġieni dan li omm il-Mulej tiegħi tiġi għandi?  Għax ara, malli smajt f’widnejja leħen it-tislima tiegħek, it-tarbija li għandi fil-ġuf qabżet bil-ferħ.  Iva, hienja dik li emmnet li jseħħ kull ma bagħat jgħidilha l-Mulej!”

 

Il-Ħsieb 

Iva, hienja dik li emmnet li jseħħ kull ma bagħat jgħidilha l-Mulej!

Wasalna biex niċċelebraw il-festa tat-twelid ta’ Ġesù.  Nistgħu ngħidu li issa l-preparazzjonijiet waslu fl-aħħar u kulħadd lest biex jiċċelebra u jiċċelebra bil-kbir.  Iżda x’se niċċelebraw?  Se niċċelebraw festa pagana jew festa li nfakkru lil xi ħadd li ġie fil-faqar tad-dinja, u d-dinja, jiġifieri aħna, ma lqajniehx mill-bidunett?  Kif se niċċelebraw il-festa ta’ din is-sena?  Kemm se niftakru li fil-Milied il-Mulej Ġesù ftaqar biex aħna nsiru sinjuri?  Il-liturġija tal-lum timmarka proprju dan il-fatt:  li meta naċċettaw li Ġesù se jitwieled għalina jfisser li aħna rridu naċċettaw li nservu lil ħaddieħor…. u mhux bit-tnikkir u l-lajma iżda malajr.  Irridu nħaffu fil-qadi tal-proxxmu tagħna kif għamlet Marija meta marret għand Eliżabetta.  Marija mhux biss wieġbet bil-kelma iva għal dak li ried minnha l-Mulej, iżda wettqitu bil-fatti billi marret tgħin lil min kien fil-bżonn-Eliżabetta.

Il-Kelma

L-Ewwel Qari tal-lum huwa meħud mill-Ktieb tal-Profeta Mikea li, fis-seklu sebgħa qabel Kristu,  iħabbar fejn kellu jitwieled il-Messija, imwiegħed biex jifdi l-poplu tiegħu u jġib is-sliem lid-dinja kollha.  Betlem ta’ Efrata ma kellhiex tfisser biss il-post ġeografiku iżda li Ġesù kellu jitwieled mir-razza ta’ David.  Is-Salm 79 jurina li fit-tiġrib tagħna nsejħu bla heda lill-Mulej biex jerġa’ jiġi jżurna ħa jreġġagħna għalli konna billi jiddi fina bid-dawl tiegħu.  Fit-Tieni Qari mill-Ittra lil-Lhud naraw kif is-sagrifiċċju ta’ Kristu jisboq is-sagrifiċċji qodma kollha.  Fil-Vanġelu ta’ San Luqa għandna ż-żjara li Marija għamlet biex taqdi lil Eliżabetta.

 

Il-Ħajja

  1. Kemm serviena dan iż-żmien ta’ l-Avvent għal bidla radikali lejn Ġesù u mhux biss aljenazzjoni ta’ tiżjin?
  2. Kemm f’dan il-Midlied se ssib okkażjoni li xxammar il-kmiem u tgħin lil xi ħadd fil-bżonn?
  3. Kemm qed taħdem biex dan ikun tassew Milied fejn Ġesù jitwieled fil-qalb tiegħek u inti twelldu bl-eżempju tiegħek fl-ambjent li tgħix fih?
  4. Marija marret tħaffef biex taqdi.  Inti kif qed tagħti sevizz lill-proxxmu tiegħek…. bit-tnikkir, bilfors jew xejn?

Id-Djalogu

Mulej, għinni nservik

fil-proxxmu tiegħi,

għinni biex bl-eżempju tiegħi

nkun tassew strument ta’ għaqda

u fiduċja fik u f’ta madwari.

read more

X’GĦANDNA NAGĦMLU? – It-3 Ħadd ta’ l-Avvent – 16 ta’ Diċembru 2018

December 13, 2018

It-3 Ħadd ta’ l-Avvent

X’GĦANDNA NAGĦMLU?

Sofonija 3:14-18; Isaija 12:2-6; Filippin 4:4-7; Luqa 3:10-18

Il-Vanġelu

     In-nies kienu jistaqsuh u jgħidulu: “Mela x’għandna nagħmlu?”  U huwa kien iweġibhom: “Min għandu żewġ ilbiesi, jaqsam ma’ min ma għandu xejn, u min għandu x’jiekol jagħmel l-istess.” Resqu wkoll xi pubblikani biex jitgħammdu u qalulu: “Mgħallem, x’għandna nagħmlu aħna?” U huwa weġibhom: “Tissikkaw lil ħadd biex jagħtikom taxxi iżjed milli jmisskom tieħdu.” Staqsewh ukoll xi suldati u qalulu: “U aħna, x’għandna nagħmlu?” U huwa weġibhom: “Tisirqu lil ħadd bit-tehdid jew bil-qerq tagħkom, u kkuntentaw ruħkom bil-paga li għandkom.”

     Il-poplu kien qiegħed jistenna ħerqan, u kulħadd kien jistaqsi lilu nnifsu dwar Ġwanni, jekk kienx hu l-Messija.  Għalhekk Ġwanni qabad u qal lil kulħadd: “Jien, ngħid għalija, ngħammidkom bl-ilma, imma ġej wieħed aqwa minni, li ma jistħoqqlix inħollu l-qfieli tal-qorq tiegħu. Hu jgħammidkom bl-Ispirtu s-Santu u n-nar. Il-midra qiegħda f’idu, biex iderri l-qiegħa u jiġbor  il-qamħ fil-maħżen tiegħu, imma t-tiben jaħarqu b’nar li ma jintefiex.” U b’ħafna twissijiet oħra kien ixandar lill-poplu  l-bxara t-tajba.

 

Il-Ħsieb

In-nies staqsew lil Ġwanni domandi li jiena u inti forsi nistaqsu ta’ spiss… “Imma x’għandna nagħmlu?”  Hija domanda li turi li f’din l-istennija ta’ l-Avvent irridu naħdmu bis-serjetà fuq il-ħajja tagħna lkoll.  Naħdmu bis-serjetà billi lkoll kemm aħna nippruvaw niġġeddu u niċċaħħdu ftit minn tant affarijiet li llum nieħdu for granted.  Kemm qed tersaq lejn il-qrar u t-tqarbin u fl-istess ħin tgħix fil-familja jew fil-komunità tiegħek il-bidla li sseħħ fik?  Kemm tassew qed nagħtu kas tal-proxxmu tagħna?  Kemm tassew qed inkunu retti meta nobdu l-liġijiet?  Kemm qed nifhmu, naċċettaw u ngħixu l-kelma ta’ Alla fil-ħajja tagħna ta’ kuljum, bil-waqgħat u d-dgħufija tagħna?

Il-persuna u d-diskors ta’ Ġwanni l-Battista huma għalina lkoll ċanfira u fl-istess ħin sfida.  Ċanfira għall-mod ta’ ħajja li ħafna drabi nkunu ntlaqna għaliha, u fl-istess ħin sfida għal dak kollu li rridu nqaċċtu minna nfusna biex niġġeddu f’dan l-Avvent.

Il-Kelma

L-Ewwel Qari, meħud mill-Ktieb tal-Profeta Sofonija, itenni li l-Mulej Alla tiegħek qiegħed f’nofsok.  Il-profeta jtenni li s-salvazzjoni se tasal għal dawk li bl-umiltà jaċċettaw il-Mulej.  Is-Salm Responsorjali, meħud minn Isaija, huwa għanja ta’ ferħ għax il-Mulej jinsab f’nofs il-poplu tiegħu u għalhekk huwa l-kenn u s-salvazzjoni ta’ l-istess poplu, jiġifieri anki tagħna lkoll.

It-Tieni Qari tal-lum mill-Ittra ta’ San Pawl lill-Filippin, iħeġġiġhom biex ikomplu jitolbu għax il-Mulej qorob.  Huwa l-Mulej li se jagħti s-sliem li jibqa’.  Fil-Vanġelu ta’San Luqa għandna t-twissijiet li Ġwanni l-Battista kien jagħti filwaqt li jxandar il-Bxara t-Tajba.  Huma twissijiet li jgħoddu anki għalina llum u għalhekk ta’ min jaqrahom diversi drabi fil-kwiet.

Il-Ħajja 

  1. It-twissijiet li jagħti Ġwanni l-Battista jħeġġuna nagħmlu reviżjoni tal-mod li bih qed ngħixu l-ħajja tagħna nisranija.
  2. F’din l-istennija tagħna, aħna marbutin aktar ma’ Alla jew ma’ oġġetti u persuni f’din id-dinja?
  3. Kemm tassew ilkoll kemm aħna qed nifhmu li ma nistgħux nagħmlu progress spiritwali jekk, bħalma jtenni San Pawl lill-Filippin, ma nitolbux u ma ninqatgħux mill-oġġetti ta’ din il-ħajja biex jikber fina s-sliem ta’ Kristu? 
    ALLA JIBQA’ JHOBBNA
  4. Minkejja d-dnubiet u d-dgħufija tagħna, ALLA JIBQA’ JHOBBNA.  F’din l-istennija ta’ l-Avvent ejjew induru lejh biex jurina t-triq ta’ tiġdid kontinwu biex insiru nħobbuh aktar bis-serjetà fl-għemil tagħna ta’ kuljum.

Id-Djalogu

Ifirħu dejjem fil-Mulej,

nerġa’ ngħidilkom ifirħu…

Il-Mulej qorob!

read more

NEĦĦU N-NIKET! – It-2 Ħadd ta’ l-Avvent – 9 ta’ Diċembru 2018

November 30, 2018

It-2 Ħadd ta’ l-Avvent

NEĦĦU N-NIKET!

Baruk 5:1-9; Salm 125; Filippin 1:4-6; 8-11; Luqa 3: 1-6

Il-Vanġelu

Fis-sena ħmistax tal-ħakma ta’ Tiberju Ċesari, meta Ponzju Pilatu kien gvernatur tal-Lhudija, Erodi tetrarka tal-Galilija, ħuh Filippu tetrarka ta’ l-artijiet ta’ l-Iturija u t-Trakonija, u Lisanja tetrarka ta’ Abileni, fiż-żmien meta l-uffiċċju ta’ qassis il-kbir kien f’idejn Anna u Kajfa, il-kelma tal-Mulej ġiet fuq Ġwanni bin Żakkarija, fid-deżert. U ġie fl-inħawi kollha ta’ madwar il-Ġordan, ixandar magħmudija ta’ ndiema għall-maħfra tad-dnubiet, kif hemm imniżżel fil-ktieb tal-profeziji ta’ Isaija:

Leħen ta’ wieħed jgħajjat fid-deżert:

Ħejju t-triq tal-Mulej,

iddrittaw il-mogħdijiet tiegħu.

Kull wied jimtela,

kull muntanja u għolja titbaxxa,

il-mogħdijiet mgħawwġa jiddrittaw,

u t-triqat imħarbta jitwittew.

U l-bnedmin kollha jaraw is-salvazzjoni ta’ Alla

Il-Ħsieb

     Hemm bżonn li nneħħu n-niket u noħorġu fil-beraħ inxandru l-miġja tal-Mulej fostna.  Hemm bżonn li nimitaw lil Ġwanni l-Battista u mmorru kontra l-kurrent tas-soċjetà tagħna.  Soċjetà li fiha t-tajjeb iżda soċjetà li ħafna drabi jkaxkarna l-kurrent tagħha ta’ suspetti, għira u konsumiżmu.  F’dan it-tieni pass ta’ stennija ta’ l-Avvent irridu niftħu għajnejna.  Bħala Nsara ma nistgħux noqogħdu neqirdu u nitnikktu għax id-dinja ħżienet.  Hemm bżonn inkunu nies ta’ tama f’dinja li qed titqal bid-disperazzjoni.  U dan huwa l-messaġġ qawwi ta’ Ġwanni l-Battista llum:  INĦEJJU T-TRIQ GĦALL-MULEJ.  Aħna rridu nħejjuha bil-ħajja tagħna fuq it-tagħlim ta’ l-istess Imgħallem tagħna.  Alla huwa dak li se jmexxina fil-ferħ fid-dawl tas-sebħ tiegħu, kif naqraw mill-Profeta Baruk fl-Ewwel Qari tal-lum.

Il-Kelma

     Fl-Ewwel Qari meħud mill-Ktieb tal-Profeta Baruk, il-profeta jimmaġina li qed jikteb fi żmien meta l-poplu Lhudi kien fl-eżilju f’Babel.  Filwaqt li jagħraf il-ħażen u l-ħtija li kien wettaq il-poplu Lhudi, huwa jfarraġ lill-poplu u jqawwilu qalbu.  Itennilu li għandu dejjem iħares il-liġi ta’ Alla.  Huwa diskors ta’ kuraġġ għal dak li Alla għamel ma’ Ġerusalemm.  Fis-Salm Responsorjali meħud minn Salm 125, għandna għanja ta’ ferħ għal dak li wettaq il-Mulej mal-poplu Lhudi meta ħelsu mill-mument iebes ta’ l-eżilju.  Fit-Tieni Qari, fl-Ittra lill-Filippin, San Pawl, li kien qed jikteb mill-ħabs, jirringrazzja lin-nies ta’ Filippi għall-għajnuna li kienu tawh u jgħidilhom li huwa għadu jitlob għalihom għalkemm ’il bogħod minnhom.  Fil-Vanġelu tal-lum San Luqa jurina li Ġesù huwa parti mill-istorja mhux biss tal-poplu Lhudi iżda wkoll mill-istorja tal-bnedmin, tagħna lkoll.  Dan jagħmlu billi jdaħħal lil Ċesari u lil oħrajn li ma kinux Lhud.  L-importanti huwa l-indiema tal-qalb u l-maħfra li jagħti l-Mulej.  Dan huwa l-messaġġ ta’ Ġwanni l-Battista.

Il-Ħajja

  1. Qegħdin fit-tieni pass ta’ l-istennija tagħna fl-Avvent. X’qed nagħmlu biex nersqu lejn il-Mulej aktar fil-qrib? Qed nitnaddfu mid-dnubiet tagħna?
  2. Ġwanni ma beżax ixandar fil-miftuħ l-indiema u s-salvazzjoni lis-soċjeta tiegħu. Aħna, bħala Nsara, qed ninħbew milli nxandru tassew li żmien is-salvazzjoni qiegħed magħna?
  3. Pawlu lill-Filippin jirringrazzjahom għall-għajnuna li tawh fil-qadi tal-missjoni. Kemm qed ngħinu nies li qed inxandru l-kelma ta’ Alla kull ħin: saċerdoti, missjunarji, lajċi?  Kemm tassew qed nifhmu li l-Mulej għandu bżonn lil kulħadd f’din il-missjoni, speċjalment bit-talb?
  4. Qed tipprova twitti t-triq ta’ ħajtek jekk din tinsab imgħawġa?
  5. Mingħajr biża’, ejjew inkomplu naħdmu f’din l-istennija tal-Mulej!

Id-Djalogu

  Mulej,

  qed inkomplu din il-ħidma tagħna

  f’dan iż-żmien ta’ l-Avvent.

  Għinna, Mulej, biex ilkoll kemm aħna

  nagħrfu li aħna dgħajfa,

  li neħtieġu l-għajnuna tiegħek

  biex inwittu t-toroq tagħna.

  Tħalliniex waħedna, Mulej,

  fl-isforzi li nwettqu

biex inkunu aħjar.

read more

STENNIJA FIL-ĦIDMA – L-1 Ħadd ta’ l-Avvent – 2 ta’ Diċembru 2018

November 15, 2018

L-1 Ħadd ta’ l-Avvent

STENNIJA FIL-ĦIDMA

Ġeremija 33:14-6; Salm 24; Tessalonkin 3:12-4,2; Luqa 21: 25-28; 34-36

Il-Vanġelu

      “U jkun hemm sinjali fix-xemx u l-qamar u l-kwiekeb. Il-ġnus fuq l-art, b’qalbhom ittaqtaq, ma jafux x’jaqbdu jagħmlu minħabba l-ħsejjes tal-baħar u ta’ l-imwieġ; in-nies ruħhom ħierġa  bil-biża’ billi jobsru x’ikun ġej fuq id-dinja, għax il-qawwiet tas-smewwiet jitqallbu. Mbagħad jaraw lil Bin il-bniedem ġej fi sħaba, b’qawwa u glorja kbira.  Meta jibda jseħħ dan kollu, qawwu qalbkom u erfgħu raskom, għax il-fidwa tagħkom hi fil-qrib.”

      “Oqogħdu attenti, u qisu li l-ikel u x-xorb żejjed u s-sokor ma jmewwtulkomx qalbkom, u tħallux li l-ħafna tħassib għall-ħtiġiet tal-ħajja jeħdilkom raskom, li ma ssibuhx dak il-Jum fuqkom għal għarrieda. Għax hu Jum li għad jaqa’ bħal nassa fuq kull min jgħammar fuq wiċċ l-art kollha. Ishru, mela, u itolbu l-ħin kollu, biex tkunu tifilħu tgħaddu minn kull ma għandu jiġri u tieqfu quddiem Bin il-bniedem.”

Il-Ħsieb

 

'LEJK MULEJ JIEN NERFA’ RUĦI'
  Xi ħadd jista’ jgħid li bdejna sena liturġika fuq nota negattiva.  Bdejna b’xeni apokalittiċi, nies li jmutu bil-biża’ u bid-dwejjaq.  Is-sena liturġika tiftaħ bl-immaġini ta’ stennija ta’ dak li ġej biex jagħmel ġustizzja f’kull sens.  Dan narawh mhux biss mill-Vanġelu ta’ San Luqa iżda wkoll mill-Ewwel Qari mill-Ktieb tal-Profeta Ġeremija.  Il-Mulej itenni kontinwament li se jġib il-ġid li wiegħed, is-salvazzjoni għal kulħadd, minkejja dak kollu li jidher taqlib fil-ħajja ta’ madwarna.  U hawn, il-messaġġ qawwi li joħroġ mil-liturġija tal-lum mhux messaġġ ta’ biża fl-istennija iżda messaġġ ta’ tama.  Aħna nemmnu jew ma nemmnux li, kif intennu fis-Salm Responsorjali tal-lum, LEJK MULEJ JIEN NERFA’ RUĦI?  Nemmnu jew ma nemmnux li minkejja l-għawġ u t-taqlib ta’ madwarna, fil-Mulej trid tkun it-tama tagħna?  San Pawl ikompli jżid li n-Nisrani jrid jara li kontinwament jinħabb ma’ xulxin u wkoll li naraw li lill-Mulej qed nagħtuh xi ħaġa iżjed ukoll.  Ma nistgħux nimxu mal-Mulej bil-qies għax huwa jimxi magħna bil-Providenza u bl-abbundanza.

Il-Kelma

     L-Ewwel Qari tal-lum huwa meħud mill-Ktieb tal-Profeta Ġeremija.  Il-profeta qed jikteb waqt l-eżilju ta’ Babel fejn il-poplu Lhudi kien imjassar u ma kien jara l-ebda xaqq ta’ dawl u tama.  Il-profeta jtenni li Alla jġedded il-wegħdiet il-kbar ta’ salvazzjoni li kien għamel qabel din il-ħerba.  Is-Salm Responsorjali, minn Salm 24, itenni l-għajta tagħna li lejn il-Mulej irridu nerfgħu r-ruħ u t-tama tagħna.  Ma għandniex triq oħra ta’ faraġ fejn immorru.  Huwa biss jista’ jkun twajjeb u sewwa.  Fit-Tieni qari, mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl lit-Tessalonkin, għandna lil San Pawl jitkellem fuq il-mod kif l-Insara għandhom iħobbu u jġibu rispett lil xulxin kif ukoll li kull Nisrani jrid jara li jagħmel “xi ħaġa iżjed”  għall-Mulej Ġesù.  Il-Vanġelu ta’ San Luqa llum jiddeskrivi t-tieni miġja ta’ Kristu b’setgħa u glorja kbira.  Għall-ħżiena dan se jkun mument ta’ waħx, iżda għal dawk li jittamaw fil-Mulej dan huwa l-waqt tas-salvazzjoni.

Il-Ħajja

  1. Bdejna l-Avvent, stennija għall-miġja tal-Mulej. B’liema mod inti se tiġġedded fil-ħajja tiegħek?  Kemm se ssib aktar ħin għall-Mulej u mal-Mulej?
  2. Ir-relazzjoni tiegħek ma’ Alla fit-talb, fil-qrar u fit-tqarbin se tikber f’din l-istennija ta’ l-Avvent?
  3. Kemm qed nagħmlu dak li jistedinna nagħmlu llum San Pawl fl-Ittra lit-Tessalonkin: “xi ħaġa iżjed għall-Mulej”?
  4. F’dan l-Avvent kapaċi aħna nwettqu b’tama kbira l-konverżjoni tal-qalb biex fil-Milied li ġej Ġesù jitwieled tassew fil-qalb tagħna?
  5. Fl-Avvent u fil-liturġija tal-lum naraw li Alla żamm kelmtu magħna. Aħna x’għamilna miegħu?

Id-Djalogu

  Mulej,

  għinni biex dan iż-żmien ta’ stennija fl-Avvent

  ikun żmien li nafda aktar fik

  u nagħmel xi ħaġa iżjed għalik.

read more

WASALNA? – Ir-4 Ħadd tal-Avvent – Sena B – 21 ta’ Diċembru 2014

December 14, 2017

Ir- 4 Ħadd ta’ l-Avvent

WASALNA?

2 Samwel 7, 1-5; 8b,12; 14a-16; Salm 88; Rumani 16:25-27; Luqa 1:26-38

Il-Vanġelu

     Mbagħad fis-sitt xahar Alla bagħat l-anġlu Gabrijel f’belt tal-Galilija. jisimha Nazaret,  għand xebba, mgħarrsa ma’ raġel jismu Ġużeppi mid-dar ta’ David. Dix-xebba kien jisimha Marija. L-anġlu daħal għandha u qalilha: “Sliem għalik, mimlija bil-grazzja, il-Mulej miegħek.”  Hi tħawwdet ħafna għal dan il-kliem, u bdiet taħseb bejnha u bejn ruħha x’setgħet qatt tfisser din it-tislima. Iżda l-anġlu qalilha: “Tibżax, Marija, għax inti sibt grazzja quddiem Alla.  Ara, inti se tnissel fil-ġuf u jkollok iben u ssemmih Ġesù.  Hu jkun kbir, u jkun jissejjaħ Bin l-Għoli. Il-Mulej Alla jagħtih it-tron ta’ David missieru u jsaltan għal dejjem fuq dar Ġakobb, u ma jkunx hemm tmiem għas-saltna tiegħu.”  Iżda Marija qalet lill-anġlu: “Kif ikun dan, ladarba ma nagħrafx raġel?” Wieġeb l-anġlu u qalilha: “L-Ispirtu s-Santu jiġi fuqek, u l-qawwa ta’ l-Għoli tixħet id-dell tagħha fuqek. U għalhekk dak li jitwieled minnek ikun qaddis, u jissejjaħ Bin Alla. Ara, il-qariba tiegħek Eliżabetta, fi xjuħitha, hi wkoll nisslet iben fil-ġuf, u ġa għandha sitt xhur dik li għaliha kienu jgħidu li ma jistax ikollha tfal,  għax għal Alla ma hemm xejn li ma jistax isir.” Mbagħad qalet Marija: “Ara, jiena l-qaddejja tal-Mulej: ħa jsir minni skond kelmtek!” U l-anġlu telaq minn quddiemha.

 

Il-Ħsieb

 

ħa jsir minni skond kelmtek
    Marija tħawdet quddiem il-messaġġ ta’ Alla permezz ta’ l-Anġlu Gabriel.  Marija ma għarfitx mill-ewwel x’se twieġeb quddiem ir-rieda ta’ Alla.  Iżda ħadet riskju.  Intelqet f’idejh.  Qalet iva.  U ftit jiem qabel il-Milied huwa mument ta’ riflessjoni: kif irridu naċċettaw it-twelid ta’ Ġesù Bambin fil-qalb tagħna minn hawn u ftit ġranet oħra.  Kuljum irridu nagħmlu għażliet.  Kuljum irrid nagħżel bejn dak li jridni nagħmel Alla u dak li jridni nagħmel l-egoiżmu ta’ qalbi.  Ħafna nies qegħdin jagħżlu huma stess li jkunu frustrati fil-ħajja tagħhom.  Ħafna nies qed jagħżlu huma stess li jgħixu f’gaġġa ta’ disperazzjoni.  Ħafna nies qegħdin jirrifjutaw kull ħin il-grazzja u t-tama li Alla biss jaf jagħti.  Marija hija l-mudell għalina.  Hija wkoll tħawdet. Jitkellem ċar San Luqa dwar dan; iżda qalet iva.  Hemm bżonn li ngħidu iva lil Alla għal dak li jrid minna.  Hemm bżonn li nirriskjaw aktar fil-fidi tagħna.  Nirriskjaw aktar billi nintelqu f’idejn Alla.  Ma nħallux biss l-ego tagħna jmexxina.

Il-Kelma

     Fl-Ewwel Qari tal-lum, mill-Ktieb tal-Profeta Samwel, insibu li l-profeta Natan iwiegħed lis-Sultan David li Alla nnifsu kien se jibnilu dar u li s-Saltna tiegħu kienet se tibqa’ sħiħa għal dejjem.  Is-Salm Responsorjali, meħud minn Salm 88, irid jgħanni lill-Mulej għax huwa dejjem iżomm il-wegħdiet li jagħmel ma’ l-umanità.  It-Tieni Qari tal-lum, meħud mill-Ittra ta’ San Pawl lir-Rumani, juri li l-wegħda ta’ Alla li ppronunzja permezz tal-Profeti seħħet fil-persuna ta’ Ġesù Kristu.  Fil-Vanġelu ta’ San Luqa għandna r-rakkont tat-tħabbira tal-Mulej li turi li kienet se sseħħ il-wegħda li Alla għamel lill-Profeta David.

Il-Ħajja

  1. Il-Mulej WASAL. Se tiftaħ beraħ il-qalb tiegħek?
  2. Kemm qed nagħrfu nwettqu bħal Marija dak li jrid minn Alla?
  3. Kemm se jkun Milied ta’ rifelssjoni spiritwali l-Milied li riesaq fuqna?
  4. X’rigal se tagħtih lil Ġesu Bambin din is-sena?

Id-Djalogu

  Hawn jien Mulej,

  ħa jsir minni skond kelmtek!

read more

XHIEDA GĦAD-DAWL – It-3 Ħadd tal-Avvent – Sena B – 14 ta’ Diċembru 2014

December 9, 2017

It-3 Ħadd ta’ l-Avvent

XHIEDA GĦAD-DAWL

Isaija 61: 1-2;10-11; Luqa 1:46-50; 53-54; 1 Tessalonkin 5:15-24; Ġwanni 1:6-8;19-28

Il-Vanġelu

Kien hemm raġel mibgħut minn Alla, jismu Ġwanni. Dan ġie bħala xhud, biex jixhed għad-dawl, biex bih kulħadd jemmen. Ġwanni ma kienx id-dawl, imma ġie biex jixhed għad-dawl.

Ix-xhieda ta’ Ġwanni kienet din: meta l-Lhud ta’ Ġerusalemm bagħtu għandu xi qassisin u Leviti biex jistaqsuh, “Int min int?”,  hu stqarr bla ma ċaħad: “Jien m’iniex il-Messija.” Huma reġgħu staqsewh: “Mela min int? Elija?” “M’iniex,” qalilhom. “Int il-Profeta?” “Le,” weġibhom. Mbagħad qalulu: “Mela min int? Biex nagħtu tweġiba lil dawk li bagħtuna. Min tgħid li int?” U hu wieġeb kif qal  il-profeta Isaija:

 “Jiena leħen ta’ wieħed jgħajjat fid-deżert. ‘Wittu t-triq tal-Mulej.’ ”

Issa dawk il-messaġġiera kienu min-naħa tal-Fariżej. Huma staqsewh: “Mela kif qiegħed tgħammed la m’intix il-Messija, u la Elija u lanqas il-Profeta?” “Jiena ngħammed bl-ilma,” weġibhom Ġwanni, “imma f’nofskom hemm wieħed li intom ma tafuhx, u li ġej warajja; jiena anqas ma jistħoqqli nħoll il-qafla tal-qorq tiegħu.” Dan ġara f’Betanja, in-naħa l-oħra tal-Ġordan, fejn Ġwanni kien jgħammed.

Il-Ħsieb

“Jiena leħen ta’ wieħed jgħajjat fid-deżert. ‘Wittu t-triq tal-Mulej.’ ”
M’huwiex biżżejjed li wieħed jgħid li jrid jinbidel.  Irid jemmen li l-bidla tassew tista’ sseħħ fih permezz tal-grazzja ta’ Alla.  Bidla li sseħħ meta wieħed jagħmel passi kuraġġużi u jinqata’ mir-realtajiet ta’ dawk li ssoltu jdawruh.  Hemm bżonn li wara li naċċettaw l-istedina li Alla jagħmel lil kull wieħed u waħda minna, wara li nħallu ‘l-Mulej ifejqilna l-ġrieħi tal-passat u jinfaxxahomlna bil-grazzja tiegħu, wara li nisimgħu l-kelma tiegħu u naċċettawha fil-ħajja tagħna, inkunu xhieda tassew għal dan id-dawl.  Xhieda jfisser li tkun fhimt tassew il-messaġġ li jagħti Ġesù.  Xhieda jfisser li tkun familjari kuljum mal-kelma tiegħu.  Xhieda jfisser li tkun lest li jidħku bik meta inti tibqa’ żżomm fil-prinċipji, akkost li jgħajruk iblah.  Fina jridu jaraw Ġesu ieħor fl-ambjent li ngħixu fih kuljum.

Il-Kelma

L-Ewwel Qari huwa meħud mill-Ktieb ta’ Isaija u huwa maqsum f’żewġ taqsimiet.  Fl-ewwel taqsima l-profeta juri l-Missjoni ta’ ħelsien u salvazzjoni li l-Mulej bagħtu jwettaq; filwaqt li wara huwa jtenni innu ta’ tifħir għal dak Alla li jieħu ħsieb kollox u ma jħalli lil ħadd jintilef.  Is-Salm Responsorjali llum huwa meħud mill-Vanġelu ta’ San Luqa u huwa l-kantiku ta’ radd il-ħajr li Marija tagħmel lil Alla.  Huwa innu ta’ tifħir li n-nisrani, li jrid ikun xhieda għad-dawl, irid jagħmlu tiegħu kull ħin.  Fit-Tieni Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl Appostlu lit-Tessalonkin, għandna lil San Pawl jgħid lill-Insara biex jifirħu – jitolbu – iroddu ħajr lil Alla.  Huma tliet mumenti li d-dixxiplu ta’ Kristu jrid jgħaddi minnhom kull ħin.  Il-Vanġelu ta’ San Ġwann jgħidilna min hu Ġesù billi jqabblu ma’ Ġwanni l-Battista.

Il-Ħajja
  1. Kemm tassew għarafna u qed nippreparaw ruħna biex  nilqgħu lil Ġesù fil-ħajja tagħna?
  2. Kemm tassew qed naċċettaw mingħajr kompromessi li ħajjitna tkun iddedikata għalih?
  3. Kif qed inkunu xhieda tad-dawl li huwa Kristu?
  4. X’tip ta’ Milied qed tħejji? Xalar jew għajnuna lill-foqra?
Id-Djalogu

Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej!

read more