IT-TRIJONF LEJN IL-QATLA – Ħadd il-Palm – 28 ta’ Marzu 2021 [B]
Ħadd il-Palm [Sena B]
IT-TRIJONF LEJN IL-QATLA
Isaija 50: 4-7; Salm 21; Filippin 2; 6-11; Mark 14; 1-15,47
Il-Vanġelu
Aqra l-Vanġelu billi tagħfas hawn.
Il-Ħsieb
Id-daħla trijonfali ta’ Ġesu f’Ġerusalemm fost it-tixjir tal-Palm u tal-weraq taż-żebbuġ hija anomalija għal dak li kien se jiġri lil Ġesù aktar tard. Ġesù daħal trijonfalment, iżda daħal fuq felu ta’ ħmara. L-istess annimal umli li ġarr lil Ġużeppi u Marija fil-ħarba tagħhom lejn l-Eġittu għax Erodi ried joqtol lil Ġesù. Issa l-istess annimal umli qed iġorr lil Ġesù lejn il-post fejn se jġarrab il-Passjoni tiegħu. Fit-trijonf hemm diġà mniżżla s-sinjali tal-mewt għal Ġesù. In-nies qed tgħajjat u tfaħħar lil Ġesù, HOSANNA. L-istess kotra ftit jiem wara se tgħajjat SALLBU. Din l-ipokresija kbira ta’ dawk li Ġesù magħhom għamel biss ġid ma għandhiex għalfejn tiskandalizzana. Aħna wkoll nagħmlu l-istess. Meta jaqblilna, meta r-reliġjon nużawha għall-konvenjenza tagħna, meta kollox sejjer tajjeb u ħadd m’hu qed iniggiżna malajr ngħidu li aħna ma’ Ġesù, iżda kif jibda jitqawwa l-kurrent, kif jibdew deħlin il-kompromessi, ir-rota tinbidel.
Din il-Ġimgħa Mqaddsa trid tkun ġimgħa li bl-umiltà kollha nħallu lil Ġesù jikxef l-ipokresija tagħna, jikxef il-gwaj tagħna, jikxef il-ħażen tagħna u nħalluh ifejjaq l-istess ġrieħi tagħna.
Il-Kelma
Fl-Ewwel Qari tal-lum, meħud mill-Ktieb tal-Profeta Isaija, għandna l-istampa tal-qaddej ta’ Alla li jagħti lilu nnifsu għall-bnedmin, iżda Alla ma jitilqux waħdu u jagħtih ir-rebħa. Is-Salm Responsorjali huwa għajta tal-Mulej fl-abbandun tiegħu. Hija għajta ta’ kull wieħed u waħda minna meta nkunu waħedna.
It-Tieni Qari huwa meħud mill-Ittra ta’ San Pawl lill-Filippin fejn San Pawl jurina li Kristu, biex isalvana, ġieb ruħu fix-xejn u ma qagħadx iqis il-jeddiiet divini tiegħu. Fil-Vanġelu ta’ San Mark għandna r-rakkont tal-passjoni iebsa ta’ Sidna Ġesù Kristu.
Il-Ħajja
- Din hija l-ġimgħa ta’ l-aktar imħabba. Kun ċert li ma tfallix il-funzjonijiet liturġiċi li jsiru fil-knisja. Hemm se tiġi rrakkuntata l-istorja ta’ kif ġejna salvati bl-akbar imħabba ta’ Ġesu.
- Ġesù huwa l-Qaddej ta’ Alla li sofra ħafna għalina. Kemm qed inkunu grati lejh bl-għajnuna lil dawk kollha madwarna li għaddejjin minn xi tbatija?
- F’ħajjitna, bħal-Lhud, ġieli nkantaw HOSANNA u ġieli nkantaw SALLBU. Kemm aħna konxji min-nuqqasijiet tagħna?
- Fil-ġimgħa tat-twaqqif ta’ l-Ewkaristija ejjew insibu ħin nersqu għall-qrar u t-tqarbin biex niksbu l-veru fejqan ta’ Kristu.
Id-Djalogu
Nadurawk, o Ġesù, u nberkuk,
għax b’salibek u l-mewt tiegħek
inti fdejtna.