matul-is-sena

U L-PROXXMU TIEGĦI MIN HU? – Il-15-il Ħadd Matul is-Sena – 13 ta’ Lulju 2025

July 9, 2025

Il-15-il Ħadd Matul is-Sena

U L-PROXXMU TIEGĦI MIN HU?

Dewteronomju 30:10-14;  Salm 68;  Kolossin 1:15-20; Luqa 10:25-37

Il-Vanġelu

      Mela jqum wieħed għaref fil-Liġi u, biex iġarrbu, staqsieh: “Mgħallem, x’nagħmel biex niret il-ħajja ta’ dejjem?”  Qallu Ġesù: “Fil-Liġi x’hemm miktub? Inti x’taqra fiha?” U dak wieġeb: “Int għandek tħobb il-Mulej, Alla tiegħek, b’qalbek kollha, u b’ruħek kollha, bil-qawwa tiegħek kollha, u b’moħħok kollu, u lill-proxxmu tiegħek bħalek innifsek.”  “Sewwa weġibt,” qallu Ġesù, “agħmel hekk u tgħix.”  Iżda dak, biex juri li kellu raġun, qal lil Ġesù: “U l-proxxmu tiegħi min hu?” U Ġesù raġa’ qabad jgħidlu: “Wieħed raġel kien nieżel Ġeriko minn Ġerusalemm, u waqa’ f’idejn il-ħallelin; dawn neżżgħuh, biċċruh bis-swat u telqu, u ħallewh nofsu mejjet. Nzerta kien nieżel qassis minn dik it-triq u rah, għadda minn mal-ġenb u baqa’ sejjer. Hekk ukoll wieħed levita, meta wasal hemm u rah, għadda minn mal-ġenb u baqa’ sejjer. Imma kien għaddej minn hemm wieħed Samaritan, wasal ħdejh, rah u tħassru. Resaq lejh, dewwielu l-ġrieħi biż-żejt u l-inbid u rabathomlu, u mbagħad tellgħu fuq il-bhima tiegħu, wasslu f’lukanda u ħa ħsiebu. L-għada ħareġ biċċtejn flus, tahom lil tal-lukanda u qallu, “Ħu ħsiebu; jekk tonfoq xi ħaġa iżjed, nroddhielek jien meta nerġa’ ngħaddi.’ Minn dawn it-tlieta, int min jidhirlek li ġieb ruħu ta’ proxxmu ma’ dak li waqa’ f’idejn il-ħallelin?” “Min ħenn għalih,” wieġbu dak. “Mur,” qallu Ġesù, “u agħmel hekk int ukoll.”

Il-Ħsieb

     Kemm-il darba fil-ħajja tagħna nkunu nafu x’irridu nagħmlu iżda minħabba tant skużi li nġibu magħna nfusna ma nwettqu xejn!  U nkunu diżappuntati li stajna għamilna ftit ġid u minflok bqajna skantati.  Din hija wkoll il-problema li Ġesù jpoġġi quddiemna llum.  Ir-raġel għaref tal-liġi – u minn dawn hawn ħafna mas-saqajn! – ried iġarrab lil Ġesù.  Kien jaf Ġesù x’se jwieġeb iżda ried jara x’se jgħid.  Xtaq jistaqsi lil Ġesù xi jfisser tkun tgħix tajjeb u xi trid tagħmel.  Ġesù wieġbu ċar li hemm il-liġi ta’ Alla li trid tiġi obduta… u aktar.  Ħobb lil għajrek bħalek innfisek.  U dan il-proxxmu min hu?

     U Ġesù jurih malajr min kien il-proxxmu tiegħu.  Itenni li hemm bżonn li lill-proxxmu tagħna narawh f’dawk li jkunu ħdejna u nwettqu azzjoni biex ngħinuhom.  Għaliex toqgħod tisma’ l-istejjer u tgħid, jaħasra, jekk imbagħad inti ma tagħmel xejn biex terfa’ s-sofferenzi tal-batut?

Il-Kelma

     Fl-Ewwel Qari, meħud mill-Ktieb tad-Dewteronomju, għandna silta fejn naraw il-qawwa tal-liġi tal-Mulej u tħeġġiġ biex il-poplu jħobb din il-liġi.  Il-Kelma ta’ Alla hija qrib il-poplu u jeħtieġ li l-poplu stess jagħtiha l-ħajja.  Fis-Salm Responsorjali għandna għanja lill-Mulej u twissija fl-istess ħin: li l-qalb tagħna tgħix, aktar ma nfittxu r-rieda ta’ Alla.  Fit-Tieni Qari, meħud mill-Ittra ta’ San Pawl lill-Kolossin għandna innu ta’ tifħir lil Kristu għax huwa l-qofol u l-għan tal-ħolqien kollu.  Fil-Vanġelu ta’ San Luqa Ġesù jiġi mġarrab minn għaref tal-liġi dwar l-ubbidjenza għall-Kelma t’Alla.  Ġesù jenfasizza, anki bil-parabbola tas-Samaritan it-tajjeb, li l-Kelma t’Alla tinduna li qed tgħixha meta tagħtiha l-ħajja bl-għemil tiegħek.

Il-Ħajja

  1. Kemm tassew tista’ tgħid li taf x’irid il-Mulej minnek u kemm qed tipprova tgħix il-kelma tiegħu fil-ħajja tiegħek ta’ kuljum?
  1. Min hu l-proxxmu tiegħek? Qed tiftaħ għajnejk sew biex tagħraf min hu?
  1. Il-Mulej iridna nkunu familjari mal-kelma tiegħu biex inlaħħmuha fl-aġir tagħna ta’ kuljum.  Qed tagħmel dan l-isforz fil-ħajja tiegħek?
  1. Il-Mulej iridna nkunu nies ta’ ħniena u kompassjoni.

Id-Djalogu

  Mulej, inti tridni nħares madwari

  u ngħix bil-fidi fil-ħajja tiegħi

  il-mument li tippreżentali;

  agħmel li ma naħrabx din ir-realtà,

  b’mod speċjali meta niġi ffaċċjat

  b’għajnuna urġenti lil dawk ta’ madwari,

  għax inti għentni kuljum,

  qabel biss indunajt bik.

read more

MORRU FIL-MISSJONI – It-14-il Ħadd Matul is-Sena – 6 ta’Lulju 2025

July 2, 2025

It-14-il Ħadd Matul is-Sena

MORRU FIL-MISSJONI

Isaija 66:10-14c; Salm 65;  Galatin 6:14-18; Luqa 10:1-9Isaija 66:10-14c; Salm 65;  Galatin 6:14-18; Luqa 10:1-9

Il-Vanġelu

     F’dak iż-żmien, il-Mulej għażel tnejn u sebgħin oħra u bagħathom tnejn tnejn qablu f’kull belt u post fejn kien se jmur hu. U qalilhom: “Il-ħsad huwa kbir, imma l-ħaddiema ftit! Itolbu mela lil Sid il-ħsad biex jibgħat ħaddiema għall-ħsad tiegħu! Morru: araw, qiegħed nibgħatkom bħal ħrief qalb l-ilpup.  Teħdux magħkom la but, la ħorġa u lanqas qrieq, u fit-triq issellmu lil ħadd.  Fid-dar fejn tidħlu, l-ewwel għidu: “Is-sliem lil din id-dar.”  U jekk fiha jkun hemm min iħobb is-sliem, jistrieħ is-sliem tagħkom fuqu; jekk le, it-tislima tagħkom terġa’ lura għandkom.  Ibqgħu għand dik il-familja, u kulu u ixorbu milli jkollhom huma, għax il-ħaddiem ħaqqu ħlasu. Toqogħdux idduru minn familja għal oħra.  F’kull belt li fiha tmorru u jilqgħukom, kulu dak li jqegħdulkom quddiemkom;  fejqu l-morda li jkun hemm; u lin-nies għidulhom: “Is-Saltna ta’ Alla waslitilkom.” ”

Il-Ħsieb

     Aħna l-insara m’aħna qatt nies passivi.  Il-fidi tagħna tagħmilna protagonisti tas-soċjetà li fiha qed ngħixu għaliex ilkoll kemm aħna rridu naħdmu mingħajr waqfien fil-missjoni-għalqa li bagħatna naħdmu fiha l-Mulej.  Il-Mulej huwa magħna imma jridna naħdmu mingħajr waqfien fl-għalqa tiegħu fis-soċjeta tagħna.  Il-messaġġ qawwi li joħroġ mil-liturġija tal-kelma tal-lum huwa dak li mhux biss jagħmlilna kuraġġ iżda jqawwi l-qalb tagħna biex nintelqu f’idejn il-Mulej b’mod attiv,  inxammru l-kmiem u minkejja d-difetti tagħna mmorru fejn jibgħatna Hu – fid-djar tagħna, fil-komunitajiet  tagħna, fil-post tax-xogħol, naħdmu u nwasslu l-kelma tiegħu lill-oħrajn.  Din hija l-missjoni-avventura li għaliha huwa msejjaħ kull Nisrani.  Din hija l-missjoni li lkoll kemm aħna rridu nagħrfu nwettqu, din hija l-missjoni li permezz tagħha rridu niżirgħu kontinwament is-sliem permezz ta’ l-għemil, il-kliem u x-xhieda tagħna bħala Nsara ħajjin.

Il-Kelma

     L-Ewwel Qari huwa meħud minn Isaija fejn għandna l-poplu ta’ Israel jirritorna lejn l-eżilju iżda l-ħolma ta’ bini ta’ Ġerusalemm Ġdida għadha ’l bogħod wisq biex isseħħ.  Ħafna qed jaqtgħu qalbhom u għalhekk il-profeta jħeġġiġhom billi jurihom il-figura ta’ Alla bħala omm li tħares lil uliedha u żżomm kelmitha magħhom.  Fis-Salm Responsorjali, meħud minn Salm 65, għandna għanja ta’ tifħir lill-Mulej għall-“opri sbieħ” li huwa jwettaq magħna kuljum.  It-Tieni Qari huwa meħud minn San Pawl permezz ta’ l-Ittra tiegħu lill-Galatin.  San Pawl jagħlaq din l-ittra b’għajta ta’ ferħ u radd il-ħajr fejn jiftaħar biss bis-salib ta’ Kristu.  Fil-Vanġelu ta’ San Luqa għandna lil Ġesù jibgħat lill-Appostli u d-dixxipli tnejn tnejn jevanġelizzaw.  In-numru 72, f’Ġenesi Kap 10, jissimbolizza l-ġnus kollha ta’ l-art.  Ġesù jenfasizza li l-ħsad kbir u l-ħaddiema ftit u għalhekk għandhom jistrieħu mhux fuqhom infushom iżda fuq il-qawwa ta’ Alla.

Il-Ħajja

  1. Qatt ħsibt u rriflettejt fuq il-missjoni li Ġesù bagħtek biex twettaq f’din id-dinja?
  2. Qatt ħsibt inti min int u x’jixtieq Ġesù minnek il-lum, issa f’dan il-waqt, u x’qed tkun ir-risposta tiegħek?
  3. Kemm tħossok tassew viċin Ġesù u li qed twettaq il- missjoni tiegħu fil-post fejn tgħix jew taħdem kuljum?
  4. Ġesù jgħidilna biex nifirħu għax dawk kollha li jwettqu l-missjoni li l-Mulej bagħathom iwettqu għandhom isimhom miktub fis-sema.
  5. Kemm tħoss li inti, bil-qawwa ta’ Ġesù qed tkun ħabbâr tas-sliem fl-ambjent tiegħek?

Id-Djalogu

  Mulej,

  lili wkoll tajtni missjoni,

  li naqdik b’impenn fl-ambjent tiegħi.

  Ħafna drabi Mulej, inħossni dgħajjef,

  minkejja li mdawwar

  bl-opri kbar tiegħek.

  Mulej, imlieni bil-kuraġġ

  sabiex nagħraf kull ħin nagħti xhieda tiegħek

  fuq il-kelma u l-grazzja li inti żrajt fija.

read more

L-IMĦABBA LEJN L-GĦADU – Is-7 Ħadd Matul is-Sena Ċ: 23 ta’ Frar 2025

February 21, 2025

Is-7 Ħadd Matul is-Sena

IL-VERA MĦABBA IEBSA:

DIK LEJN L-GĦADU!

1 Samwel 26.2.7-9.12-13.22-23: Salm 102; 1 Korintin 15,45-49; Luqa 6:27-38

Il-Vanġelu

     “Imma lilkom, li qegħdin tisimgħuni, ngħidilkom: “Ħobbu l-għedewwa tagħkom, agħmlu l-ġid lil min jobgħodkom, bierku lil min jisħetkom, itolbu għal min iżeblaħkom. Min jagħtik bil-ħarta fuq naħa waħda, dawwarlu wiċċek ħalli jagħtik fuq in-naħa   l-oħra; min jeħodlok il-mantar, anqas il-libsa ma għandek tiċħadlu. Agħti lil kull min jitolbok; u min jeħodlok xi ħaġa tiegħek, titlobhilux lura. Kif tridu li l-bnedmin jagħmlu lilkom, hekk ukoll agħmlu intom lilhom.  Jekk intom tħobbu lil min iħobbkom, xi ħlas jista’ jkollkom? Għax il-midinbin ukoll iħobbu lil min iħobbhom. U jekk tagħmlu l-ġid lil min jagħmel il-ġid lilkom, xi ħlas jista’ jkollkom? Għax dan jagħmluh saħansitra l-midinbin.  U jekk tisilfu xi ħaġa lil min tistennewh iroddhielkom lura, xi ħlas jista’ jkollkom? Il-midinbin ukoll jisilfu lill-midinbin, bil-ħsieb li jieħdu lura daqshekk ieħor mingħandhom.  Imma intom ħobbu l-għedewwa tagħkom, agħmlu l-ġid, isilfu bla ma tistennew xi ħaġa lura, u l-ħlas tagħkom ikun kbir; u tkunu wlied Alla l-Għoli, li hu tajjeb ma’ l-ingrati u l-ħżiena.  Ħennu, bħalma hu ħanin Missierkom.

“Tiġġudikawx, u ma tkunux iġġudikati; tikkundannawx, u ma tkunux ikkundannati; aħfru, u ssibu l-maħfra; Lq:6:38] agħtu, u jingħatalkom. Kejl tajjeb, marsus, mheżheż sewwa u mburġat iqegħdulkom f’ħoġorkom; għax bl-istess kejl li tkejjlu intom jitkejjel lilkom.

 

Il-Ħsieb

Tiġġudikawx, tikkundannawx!  Din hija t-twissija ta’ Ġesú llum.  Ġesú li issa qed jagħmel diskors personali lil kull wieħed u waħda minna.  Kemm-ildarba fil-ħajja tagħna ta’ kuljum inqattgħu ħin twil nilħqu salib in-nies minflok ngħinu lin-nies jerfgħu s-salib tagħhom.  Min jaf kemm ħlejna ħin nikkundannaw u niġġudikaw, nippreġudikaw l-atteġġjament tagħna lejn il-familjari tagħna, lejn dawk fuq il-post tax-xogħol, lejn sħabna tal-klassi jew fil-komunitajiet tagħna.  Dan kollu minħabba li għadna ma fhimniex li fuq is-salib Kristu ġabar dawn id-difetti tagħna u sammarhom miegħu biex aħna ngħixu biss il-kelma pura tiegħu li tagħti l-ħajja.

“Aħfru u jinħafrilkom!  Agħtu u jingħatalkom!  Diskorsi ta’ Ġesú li permezz taghom irid jgħallimna li dak kollu li nwettqu fil-ħajja tagħna għandu sens biss, meta mmorru kontra l-kurrent u nwettqu t-tagħlim tiegħu fil-prattika fil-ħajja ta’ kuljum.  Mhux dejjem huwa faċli, anzi huwa iebes meta quddiemna nsibu għadu tagħna li minnu nirċievu biss ħars ikraħ jew azzjonijiet ħżiena.  Iżda proprju minn hawn trid titlaq il-konverżjoni tagħna fiż-żmien tal-lum u fi żmien ir-Randan.  Jekk tibqa’ tħobb lil min iħobbok xi ħlas jista’ jkollok?

 

Il-Kelma

Fl-Ewwel Qari mill-Ewwel Ktieb ta’ Samwel għandna ġrajja mill-ħajja ta’ David fejn joħroġ il-messaġġ li l-imħabba lejn l-għedewwa titnissel mill-maħfra.  David ma joqtolx lil Sawl u jaħfirlu minkejja li seta’ kiseb il-vendetta fuqu.  Fis-Salm Responsorjali għandna t-talb u radd ta’ ħajr fl-istess ħin għaliex ħanin u ta’ qalb tajba l-Mulej.  Kulħadd illum irid jara kemm tassew il-Mulej qed juri ħniena u tjubija magħna fil-ħajja tagħna ta’ kuljum.  Fit-Tieni Qari, mill-ewwel ittra ta’ San Pawl lill-Korintin,  San Pawl qed iwieġeb għall-mistoqsija ta’ kif se jkun il-ġisem ta’ dawk li jqumu minn bejn l-imwiet.  Fil-Vanġelu ta’ San Luqa għandna ġabra ta’ tagħlim ta’ Ġesú li juri kif in-nisrani għandu jġib ruħu biex ikun nisrani tassew.  “Jekk tħobb biss lil min iħobbok xi ħlas jista’ jkollok?”  Hemm bżonn, għalhekk, li nagħmlu għażla soda għall-kliem ta’ Sidna Ġesú Kristu.

 

Il-Ħajja

  1. Kristu jitkellem ċar. Taħseb li fhimt dak li ried jgħidlek fil-Vanġelu tal-lum?  Taħseb li hemm materjal biżżejjed biex ħajtek tinbidel?
  2. Kemm tassew, fil-ħajja tagħna ta’ kuljum, qed naċċettaw li ma niġġudikawx u ma nikkundannaw lil ħadd iżda minflok nitolbu għal dawk kollha li għandhom bżonn it-talb tagħna?
  3. Kemm qed nagħmlu training fl-imħabba tagħna ta’ kuljum, mhux biss lejn dawk li jħobbuna u li jagħtuna mħabbithom lura iżda lil dawk li huma għedewwa jew rivali tagħna?
  4. Lest, fil-ħajja tiegħek, taħfer mingħajr kundizzjoni? Ħares lejn Kristu Msallab qabel twieġeb.

 

Id-Djalogu

Mulej, għinni biex kull ħin tal-ħajja tiegħi nħares lejk,

u nara x’wettaqt inti għalija,

minkejja li jiena midneb.

Għinni nkun jien li nħobb qabel nirċievi l-imħabba,

li naħfer qabel jaħfruli.

Għinni, Mulej, nagħmel dan

kuljum, kull ħin.

read more

GĦALIEX ĦENJIN? – It-6 Ħadd Matul is-Sena Ċ: 17 ta’ Frar 2025

February 9, 2025

It-6 Ħadd Matul is-Sena

GĦALIEX ĦENJIN?

Ġeremija 17:5-8; Salm 1; 1 Korintin 15: 12:16-20; Luqa 6:17,20-26

 

Il-Vanġelu

     F’dak iż-żmien, Ġesù niżel mat-Tnax u waqaf f’wita, flimkien ma’ kotra kbira ta’ dixxipli u folla kbira ta’ nies minn kull na˙a tal-Lhudija u Ġerusalemm u mix-xtajta ta’ Tir u Sidon. Ġesù rafa’ għajnejh lejn id-dixxipli tiegħu u qal: ‘Henjin intom il-foqra, għax tagħkom hija s-Saltna ta’ Alla. Henjin intom li għalissa bil-ġuħ, għax għad tkunu mxebbgħin. Henjin intom li għalissa tibku, għax għad tithennew. Henjin intom meta minħabba Bin il-bniedem in-nies jobogħdukom, jaqtgħukom minn magħhom, jgħajrukom u jwarrbu isimkom bħallikieku kien xi ħaġa ħażina. Dakinhar li jiġrilkom hekk, ifirħu u aqbżu bil-ferħ, għax araw, ħlaskom kbir ikun fis-sema. L-istess għamlu missirijiethom lill-profeti. Imma ħażin għalikom, intom l-għonja, għax il-faraġ tagħkom ħadtuh. Ħażin għalikom intom li għalissa mxebbgħin, għax għad tkunu bil-ġuħ. Ħażin għalikom intom li għalissa tidħku, għax għad tnewħu u tibku. Ħażin għalikom meta kulħadd isemmikom fil-ġid. Għax l-istess għamlu missirijiethom lill-profeti foloz!”

Il-Ħsieb

Kemm qed inbatu minħabba Bin il-Bniedem-Ġesú?  Kemm tassew, fil-ħajja tagħna, qed nimxu kontra l-kurrent?  Kemm qed nagħżlu li nkunu foqra f’dinja li tippriedka biss il-ġid u l-kumdità?  Kemm tassew ħajjitna qed tkun skomda għal Ġesú?  Fil-ħajja tagħna ta’ kuljum ħafna drabi ninġarru mir-reklami tas-swieq ta’ madwarna li jmexxu u jiddettaw lis-soċjeta x’għandha tagħmel u kif għandha timxi. Hija soċjetà li ma tridx min ikun kritiku lejha b’domandi serji fuq it-tip ta’ ħajja li qed ngħixu.  Huwa għalhekk li Ġesú qed jagħmel dan id-diskors li huwa proġett għall-mod kif għandna nħarsu lejn il-ħajja tagħna u l-għażliet li nwettqu.  Huwa Ħadd fejn nagħmlu ftit eżami ta’ x’tip ta’ ħajja qegħdin ngħixu u x’għażliet se nagħmlu fil-futur.

 

Il-Kelma

L-Ewwel qari tal-lum huwa meħud mill-profeta Ġeremija li jitkellem fuq l-istess idea mill-aspett pożittiv u wara negattiv.  Huwa jtenni li ħażin għalih il-bniedem li jpoġġi l-fidi tiegħu fi ħwejjeġ li jgħaddu u mbierek dak li jafda f’Alla.  Is-Salm Responsorjali meħud minn Salm 1, huwa tifħir għal dak il-bniedem li jqiegħed fil-Mulej it-tama tiegħu għaliex dan huwa tant għaqli li “ma jimxix fuq il-pariri tal-ħżiena,”  Fit-Tieni Qari, meħud mill-Ewwel Ittra ta San Pawl lill-Korintin insibu lill-Appostlu jfiehem ir-rabta kbira li hemm bejn il-qawmien ta’ Kristu u l-qawmien tagħna mill-mewt.  Aħna għad inqumu għax Kristu, li kien bniedem bħalna u lilna ġabarna fil-ġisem tiegħu, qam tassew.  Din hija l-garanzija għalina l-bnedmin.  Fil-Vanġelu ta’ San Luqa għandna lil Ġesú jagħmel id-diskors tal-beatidudnijiet fejn ifaħħar lil dawk li f’ħajjithom ipoġġu fl-ewwel post is-saltna ta’ Alla.

 

Il-Ħajja

  1. Il-ħajja li ngħixu kuljum hija kollha tlajja’ u nżul, ward u xewk, iżda kemm tassew aħna lkoll qegħdin nafdaw f’idejn Alla l-ħajja tagħna?
  2. Kemm huwa realtà l-fatt li ma nimxux fuq dak li jgħidilna l-ħażen iżda nqegħdu kollox fit-triq it-tajba ta’ Ġesú.
  3. Kemm Ġeremija kif ukoll Ġesú llum jgħidulna li n-nisrani jrid iżomm ruħu bogħod mill-kompromessi.  Kemm aħna tassew  konvinti minn dan?  Kemm tassew qed nagħtu kollox għall-Mulej?
  4. Setgħa u Flus. Ħafna drabi jagħmu lil bosta bnedmin, mhux biss lill politiċi jew lin-nies li jmexxu l-kummerċ.  Fil-ftit u fil-ħafna tiegħek, kemm tassew qed tuża l-ġid biex tgħix inti flimkien mal-proxxmu?  Hemm persuni
  5. li qed isibu l-għajnuna tiegħek fil-pront  mingħajr tnikkir?
  6. X’inhi l-aktar ħaġa importanti fil-ħajja tiegħek illum, issa?

 

Id-Djalogu

Mulej, inti sejjaħt ħienja

lil dawk li ma jintrabtux mal-ħwejjeġ li jgħaddu.

Għinna nfittxu kull ħin,

dawk l-affarijiet li jibqgħu għal dejjem,

it-teżori li huma mistura fis-sema.

Għinna biex bil-ġesti ta’ karità kontinwa tagħna,

mal-proxxmu li narawh kuljum,

niftaqru aħna

u nneħħu minna kull sens ta’ egoiżmu,

biex tidher aktar Inti, o Mulej!

read more

SAJJIEDA FI KRIŻI? – Il-5 Ħadd Matul is-Sena Ċ – 7 ta’ Frar 2025

February 3, 2025

Il-5 Ħadd Matul is-Sena

SAJJIEDA  FI  KRIŻI?

Isaija 6:1-2; 3-8; Salm 137; 1 Korintin 15,1-11; Luqa 5:1-11

 

Il-Vanġelu

      Darba l-kotra bdiet tross fuqu biex tisma’ l-kelma ta’ Alla. Hu kien qiegħed f’xatt l-għadira ta’ Ġennesaret.  U ra żewġ dgħajjes qegħdin max-xatt; is-sajjieda kienu niżlu minn fuqhom u kienu qegħdin jaħslu x-xbiek.  Tela’ fuq waħda minnhom, li kienet ta’ Xmun, u talbu jaqla’ kemmxejn ‘il barra mill-art; mbagħad qagħad bilqiegħda u beda jgħallem lin-nies mid-dgħajsa.  Meta temm li kellu jgħid, qal lil Xmun: “Aqdef ‘il barra fil-fond, u kalaw ix-xbiek tagħkom għas-sajd.”  Wieġbu Xmun u qallu: “Mgħallem, għamilna lejl sħiħ nitħabtu u ma qbadna xejn. Imma, la qiegħed tgħid int, ħa nkala x-xbiek.”   Hekk għamlu, u qabdu kotra hekk kbira ta’ ħut li  x-xbiek tagħhom kien għoddu nqasam.  Għalhekk għamlu sinjal lil sħabhom li kienu fid-dgħajsa l-oħra biex jiġu jgħinuhom. Dawk ġew, u mlew iż-żewġ dgħajjes hekk li għal ftit ma għerqux.

      Xmun Pietru, kif ra dan, nxteħet f’riġlejn Ġesù u qallu: “Tbiegħed minni, Mulej, għaliex jiena raġel midneb!”  Għax baqgħu tassew mistagħġba, kemm hu u kemm dawk kollha li kienu miegħu, għal dik il-qabda ħut li qabdu.  U hekk ukoll ġralhom Ġakbu u Ġwanni, ulied Żebedew, li kienu sħab Xmun. Mbagħad Ġesù qal lil Xmun: “Tibżax; minn issa ‘l quddiem tkun taqbad in-nies.”  Meta mbagħad ressqu d-dgħajjes ma’ l-art, telqu kollox u marru warajh.

 

Il-Ħsieb

     Kemm-il darba fil-ħajja tagħna nħossu li qegħdin ma’ Ġesù iżda l-fidi tagħna tisparixxi?  Nibżgħu.  Ngħixu ħajjitna kollha mbeżża’ u nistħu nuru l-fidi tagħna?  Ġesù jrid iqawwi fina l-fidi.  Għalhekk ġie fid-dinja.  Għalhekk għadu jxandar il-Bxara t-Tajba kull jum u kull ħin

permezz tal-Kotba Mqaddsa.  U l-Mulej irid jagħmlilna l-kuraġġ mhux bil-paroli iżda bil-ġrajjiet ta’ kuljum.  Hekk għamel ma’ l-Appostli.  Hekk għamel ma’ Pietru.  Kull ma jrid biex iwettaq il-miraklu Ġesù hija d-dispożizzjoni tagħna, anki jekk is-sitwazzjoni tidher impossibbli.  U Ġesù jurina li jħobbna billi jixħet il-providenza kbira fuqna lkoll.  Lil Pietru seta’ ppermettielu jaqbad xi żewġ ħutiet kbar wara lejl li kien għamel mingħajr ma qabad xejn, iżda minflok,  Ġesù tahom sajda li żewġ dgħajjes ma felħuhiex.  Il-Mulej ma jaħsibhiex bħalna li ħafna drabi nwettqu r-relazzjoni tagħna mal-Mulej kemm niddubbaw.  Immur il-quddies il-Ħadd għax bilfors, biex ma nagħmilx dnub, inqerr għal xi funeral eċċ.  Le.  L-imħabba tal-Mulej lejna hija abbundanti.  Meta se nibdew nifhmu u niċċaqalqu fil-ħajja tagħna?

Il-Kelma

     Din is-silta titkellem fuq is-sejħa ta’ Isaija biex ikun Profeta ta’ Alla.  Alla juri lilu nnifsu fuq kull ħaġa maħluqa u fl-istess ħin qrib il-poplu tiegħu.  Fit-tieni parti naraw il-bniedem quddiem Alla li, biex ikun jista’ jwettaq il-missjoni tiegħu, jeħtieġ li jindem u jikkonverti.  Il-kliem tal-profeta Hawn jien, Ibgħat lili huwa kliem qawwi ta’ telqa totali f’idejn ir-rieda ta’ Alla.  Dan ir-riskju kbir ta’ fidi fuq l-istess ħajja umana jidher fis-Salm Responsorjali meta f’Salm 137 intennu r-radd ta’ ħajr tagħna għax il-Mulej se jsalvana.  Fis-silta meħuda mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Korintin, insibu lill-Appostlu San Pawl jitkellem l-ewwel dwar il-Vanġelu li n-nies ta’ Korintu kienu laqgħu, u wara jitkellem dwar il-qawmien ta’ Kristu mill-mewt u d-dehriet lill-Appostli.  Fil-Vanġelu ta’ San Luqa wara s-sajda mirakoluża Ġesù jagħti l-mandat lil Pietru u wara li jimlieh bil-kuraġġ jgħidlu biex ma jibżax u jgħidlu li issa l-missjoni tiegħu se tinbidel.  Mhux se jaqbad aktar ħut iżda nies.

Il-Ħajja

  1. Il-ħajja tagħna spiritwali, fil-mixja tagħna meta kuljum ngħixu l-fidi tagħna, hija mimlija mumenti ta’ diffikultajiet. Hafna drabi hija l-biża’ u l-qtigħ il-qalb li timblokka l-mixja tagħna. Il-Mulej irid  jagħmlilna kuraġġ għax kien huwa li sejħilna b’isimna u tana l-missjoni li rridu nwettqu min bħala ġenitur, min bħala saċerdot, min bħala reliġjuż eċċ.  Hija t-triq li fiha tassew  kuljum irridu ngħidulu:  Hawn jien, ibgħat lili.
  2. Imma la tgħid int, ħa nkala x-xbiek. Minkejja li kien kontra kull loġika tas-sajda li tkala x-xbiek mas-sebħ, u minkejja li kienu  għajjenin wara lejl sħiħ sajd li fih ma qabdu xejn, Pietru jobdi għall-kliem ta’ Ġesù u l-miraklu jseħħ bl-abbundanza.  Kemm qed nobdu għal dak li qed jgħidilna Ġesù  Kemm tassew qed inwettqu dak li jridna hu li nagħmlu fil-ħajja tagħna?
  3. Il-Mulej jurina li jħobbna billi jenfasizza biex ma nibżgħux. Hemm bżonn li nifhmu li waqt li qed inwettqu r-rieda ta’ Alla ħadd u xejn m’hu ser iwaqqafna.
  4. Hawn jien. Ibgħat lili.  Kemm tassew aħna konvinti li ntennu dan il-kliem b’konvinzjoni u nagħmluh il-programm ta’ ħajjitna biex aħna wkoll inkunu sajjieda mal-Mulej u tal-Mulej.

 

Id-Djalogu

  Mulej,

  inti taf li jiena nibżà

  nibża’ minn ħafna kompromessi li nagħmel fil-ħajja tiegħi ta’

  kuljum.

  Għinni Mulej biex nagħraf tassew ngħidlek bil-qalb

  Hawn jien, ibgħat lili.

  Nittama li nwettaq dejjem

  ir-rieda tiegħek, Mulej.

read more

FOR GRANTED! – Ir-4 Ħadd Matul is-Sena Ċ – il-Ħadd 2 ta’ Frar 2025

February 2, 2025

Ir-4 Ħadd Matul is-Sena

FOR GRANTED!

Ġeremija 1:4-5,17-19; Salm 70;1 Korintin 12,31,13:1-13; Luqa 4:21-30

 

Il-Vanġelu

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa F’dak iż-żmien Ġesù qal lin-nies fis-sinagoga: “Din il-kitba seħħet illum, intom u tisimgħu.” U lkoll laqgħu kliemu u stagħġbu għall-kliem mimli ħlewwa li kien ħiereġ minn fommu u bdew jgħidu: “Dan mhuwiex bin Ġużeppi?” Iżda hu qalilhom: «Żgur li se tgħidu għalija dan il-proverbju: “Tabib, fejjaq lilek innifsek”. Dak kollu li smajna li ġara f’Kafarnahum għamlu hawn f’pajjiżek ukoll!” U Żied jgħidilhom: «Tassew, ngħidilkom, ebda profeta ma jilqgħuh tajjeb f’pajjiżu. Għax, ngħidilkom is-sewwa, kien hemm bosta romol f’Iżrael fi żmien Elija meta s-sema baqa’ tliet snin u sitt xhur magħluq u waqa’ ġuħ kbir fil-pajjiż kollu; madankollu għand ħadd minnhom ma ntbagħat Elija, imma għand waħda armla minn Sarefta ta’ Sidon. U kien hemm bosta lebbrużi f’Iżrael fi żmien il-profeta Eliżew, imma ħadd minnhom ma ġie mfejjaq ħlief Nagħman tas-Sirja.” Meta semgħu dan fis-sinagoga kulħadd imtela bil-korla; qamu, u ħarġuh ‘il barra mill-belt, ħaduh fuq xifer ta’ rdum tal-għolja li fuqha kienet mibnija l-belt tagħhom, u riedu jixħtuh minn hemm fuq għal isfel. Iżda hu għadda minn ġo nofshom u baqa’ sejjer.

 

Il-Ħsieb

Fil-Ħajja tagħna l-iżball kbir li nistgħu nagħmlu huwa li nidraw kollox.  Tidra l-persuni li jgħixu miegħek u xi kultant tibda lanqas biss tinduna minn liema fażijiet huma għaddejjin.  Ma tindunax li ommok għaddejja minn xi problema, li ħuk għandu xi trouble.  Tidra tgħix magħhom u teħodhom for grantedFor granted li ommok tlestilek l-ikel, li r-raġel joħroġ għax-xogħol, eċċ.  L-istess, ħafna drabi, nagħmlu fil-ħajja tagħna ma Ġesù.  Nidraw li aħna Nsara.  Nidraw immorru l-quddies, nidraw is-sagramenti, u r-reliġjożitù tagħna tiġi ffosilizzata f’rutina ta’ riti u tradizzjonijiet li nibżgħu niksruhom, iżda ftit nifhmu u ngħixuhom.

In-nies ta’ żmien Ġesù kienu jafu min huwa Ġesù iżda ma ridux jaċċettaw il-kelma tiegħu li kienet tikxef l-ipokresija ta’ ħajja doppja li kienu qed jgħixu.  Għalhekk ma emmnuhx.  Għalhekk riedu joqtluh.

 

Il-Kelma

L-Ewwel Qari tal-lum huwa meħud mill-ktieb tal-Profeta Ġeremija.  Din is-silta hija l-bidu tal-Ktieb ta’ Ġeremija, saċerdot li għex fi żmien il-ħerba ta’ Ġerusalemm u l-eżilju f’Babel.  Lil Ġeremija Alla għażlu biex ikun profeta tal-ġnus waqt li jħabbarlu t-tiġrib li miegħu kellu jiltaqa’.  Is-Salm Responsorjali, meħud minn Salm 70, juri li l-kenn tagħna huwa l-Mulej Ġesù li qatt m’hu se jitlaqna waħedna.  Fit-Tieni Qari tal-lum, meħud mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl Appostlu lil-Korintin, inkomplu nisimgħu d-diskors fuq ir-rigali li l-Ispirtu tal-Mulej jagħtina għall-ġid tal-komunitù.  L-akbar rigal li jagħti l-Ispirtu hija l-imħabba li jsawwab fi qlub il-bnedmin kollha.  Fil-Vanġelu ta’ San Luqa għandna lil Ġesù jippreżenta lilu nnifsu bħala l-Profeta li fih bdew jitwettqu l-wegħdiet ta’ Alla.  Id-diskors tiegħu jiġi sfiduċjat minn dawk stess li kienu jafuh.  Riedu anki joqtluh u joħonqu l-vuċi tiegħu.

 

Il-Ħajja

  1. Kemm il-darba, fil-ħajja tagħna, aħna li aħna qrib ta’ Ġesù nagħmlu minn kollox biex noħonqu l-kelma tiegħu li trid tinżel fina biex tibdilna?
  1. Aħna, li aħna Nsara, qegħdin tassew nisimgħu, naċċettaw u ngħixu l-Kelma ta’ Ġesù biex inwassluha lil ħaddieħor?
  1. Kemm tassew aħna nistgħu ngħidu li qed ngħinu fit-tkabbir tas- Saltna ta’ Alla billi ngħinu lil dawk kollha li qed ixandru l-Aħbar it-Tajba fis-soċjetù tal-lum?
  1. Filwaqt li Ġesù ssallab għalina biex jurina l-fiduċja tiegħu fina, aħna għandna fiduċja u mħabba għalih?  Qegħdin nużaw id-doni ta’ l-Ispirtu s-Santu li jsemmi San Pawl fit-Tieni Qari biex inkomplu nifhmu, naċċettaw u ngħixu l-kelma li tagħti l-ħajja lilna u lil dawn ta’madwarna?

 

Id-Djalogu

Mulej,

in-nies ta’ darek ma laqgħukx.

Għinni biex jiena,

minkejja d-difetti tiegħi,

nilqgħek mill-aħjar li nista’ u

nxandrek fil-possibiltajiet ċkejkna li għandi.

read more

INWASSLU BXARA TAJBA! – It-3 Ħadd Matul is-Sena – 26 ta’ Jannar 2025

January 18, 2025
  1. It-3 Ħadd Matul is-Sena

INWASSLU BXARA TAJBA!

Neħemija 2-4a, 5-6, 8-10; Salm 18; 1 Korintin 12:12-30; Luqa 1:1-4; 4,14-21

Il-Vanġelu

      Bosta kienu dawk li ħadu f’idejhom ix-xogħol li jiġbru bl-ordni f’rakkont wieħed il-ġrajja li seħħew fostna, kif għaddewhom lilna dawk li sa mill-bidu rawhom b’għajnejhom stess u saru ministri tal-Kelma.  Hekk ukoll jien, għażiż Teofilu, wara li bir-reqqa kollha qgħadt infittex it-tagħrif dwar kulma ġara sa mill-bidunett, deherli li għandi niktiblek kollox ħaġa b’ħaġa,  biex tagħraf sewwa l-verità sħiħa dwar kulma tgħallimt.

     Jum wieħed, Ġesù, bil-qawwa tal-Ispirtu, reġa’ mar il-Galilija; u l-fama tiegħu xterdet ma’ dawk l-inħawi kollha, għax hu kien jgħallem fis-sinagogi tagħhom fost it-tifħir ta’ kulħadd. U ġie Nazaret fejn kien trabba. Daħal fis-sinagoga tagħhom, kif kien imdorri jagħmel nhar ta’ Sibt, u qam biex jaqra. Tawh f’idejh il-ktieb ta’ Isaija l-profeta, fetħu u sab fejn kien hemm miktub dan li ġej:

     “L-Ispirtu tal-Mulej fuqi, għax hu kkonsagrani. Bagħatni nħabbar il-ħelsien lill-imjassrin, inwassal il-bxara t-tajba lill-fqajrin, u d-dawl mill-ġdid lill-għomja, irrodd il-ħelsien lill-maħqurin u nxandar is-sena tal-grazzja tal-Mulej.”

     Imbagħad raġa’ għalaq il-ktieb, tah lura lill-qaddej u qagħad bilqiegħda. Għajnejn kulħadd fis-sinagoga kienu msammra fuqu. U beda jgħidilhom: “Din il-kitba seħħet illum, intom u tisimgħu.”

 

Il-Ħsieb

     Ġesù mar fis-Sinagoga u beda jgħallem.  Qed ngħixu f’mument storiku fejn id-dinja qed tagħmel żviluppi mgħaġġla f’dak li huwa tagħlim.  L-era tal-kompjuters u l-internet mhix xi ħaġa ġdida.  Iżda l-bniedem baqa’ miexi ’l quddiem minn dak li qed jitgħallem?  Baqa’ jara kif jiżviluppa lilu nnifsu fid-dawl ta’ servizz għall-umanita?  Din hija diskussjoni għal dibattitu twil, iżda jkollna nammettu li kull ġurnata nisimgħu ftit biss AĦBARIJIET TAJBA u ħafna affarijiet negattivi u mudlama.  L-ewwel kliem ta’ tagħlim ta’ Ġesu kien proprju stedina u sfida lill-umanità biex tisma’ l-AĦBAR IT-TAJBA li ġie biex iwassal lil dawk li huma fqajrin, għomja, maħqura.  Ġesù ġie biex ikun spalla ma’ spalla mal-batut.  Ma ġiex biex jittamah; ġie biex jeħilsu u jagħtih qawwa ħalli jqum fuq saqajh.  Ir-reliġjon mhix gaġġa għal-libertà tal-bniedem:  ir-reliġjon li ngħixu permezz tal-fidi hija ħajja li tagħtina libertà kbira.  Il-kelma sseħħ kull darba li ngħixuha fl-ambjent tagħna, għaliex Ġesù jkun magħna.  Din hija l-sifida li għandu n-nisrani llum.

Il-Kelma

     L-Ewwel Qari huwa meħud mill-Ktieb ta’ Neħemija.  Jurina kif kienet issir il-Liturġija tal-Kelma fost il-Lhud.  Kien jinfetaħ il-Ktieb tal-Liġi u jinqraw minnu xi bċejjeċ li kienu jitfissru f’omelija lill-poplu.  Is-Salm Responsorjali li ntennu permezz ta’ Salm 18 huwa għanja ta’ radd il-ħajr lill-Mulej għax il-kelma tiegħu hija spirtu u ħajja.  Fit-Tieni Qari tal-lum, meħud mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl lill-Korintin, għandna lil San Pawl ikompli d-diskors fuq il-kariżmi u jgħidilna kif fil-Magħmudija sirna fi Kristu ġisem wieħed.  Fil-Vanġelu ta’ San Luqa għandna lil San Luqa jgħidilna għaliex kiteb il-Vanġelu:  biex jingħaraf sewwa l-qawwa tat-tagħlim li għallem Ġesù u biex juri mill-ewwel li l-missjoni tiegħu kienet it-twettiq tal-wegħdiet ta’ Alla.

Il-Ħajja

  1. Il-Mulej tana l-kelma tiegħu biex jagħtina l-vera ħajja. Kemm tassew qed naċċetta li din il-kelma tkun il-proġett ta’ kull azzjoni fil-ħajja tagħna?
  2. Il-Mulej jaf li aħna dgħajfa u għalhekk tana, permezz ta’ l-Ispirtu s-Santu, diversi kariżmi kif itenni fit-Tieni Qari San Pawl. Għarafna x’inhuma dawn ir-rigali?  Kif qed ngħixuhom fil-ħajja tagħna pubblika ta’ kuljum?  Qegħdin infittxu li nkunu wlied Alla bl-eżempji ħajjin tagħna?
  3. Huwa l-mument illum li nagħrfu kemm tassew aħna nies li nfittxu t-tagħlim ta’ Kristu u tal-Knisja. Qegħdin nagħrfu nużaw il-ħin ħieles tagħna anki biex insiru, permezz tat-tagħlim, protagonist tal-fidi tagħna?
  4. Il-Mulej jagħtina l-Kelma tal-Ħajja biex inqawwu lid-dgħajfin.  Għandek xi impenn soċjali li fih qed tgħin lil xi ħadd batut?

Id-Djalogu

     Mulej Ġesù,

     inti ġejt bix tagħtina l-BXARA T-TAJBA,

     agħmel li fil-ħajja tagħna

     naċċetta il-kelma tiegħek,

     biex iddawwal lil dawk ta’ madwarna

     u nkunu dixxipli tal-BXARA T-TAJBA.

read more

SINJAL, BARKA FUQ IŻ-ŻWIEĠ – It-2 Ħadd Matul is-Sena Ċ – Il-Ħadd 19 ta’ Jannar 2025

January 11, 2025

It-2 Ħadd Matul is-Sena

SINJAL, BARKA FUQ IŻ-ŻWIEĠ

Isaija 62: 1-5; Salm 95; 1 Korintin 12: 4-11;  Ġwanni 2: 1-11

Il-Vanġelu

It-Tieġ ta’ Kana

     Mbagħad fit-tielet jum sar tieġ f’Kana tal-Galilija, u omm Ġesù kienet hemm. Ġesù kien mistieden għat-tieġ hu wkoll flimkien mad-dixxipli tiegħu.  Billi ma kienx fadal iżjed inbid, omm Ġesù qaltlu: “Ma għandhomx inbid.” U Ġesù qalilha: “X’hemm bejni u bejnek, mara? Is-siegħa tiegħi għadha ma waslitx.”  Omm Ġesù qalet lill-qaddejja: “Agħmlu kull ma jgħidilkom hu.”  Issa kien hemm sitt ġarar tal-ħaġar, mqiegħda hemm għar-rit tal-purifikazzjoni tal-Lhud, kull waħda minnhom tasa’ xi mitt jew mija u għoxrin litru.  Ġesù qal lill-qaddejja: “Imlew il-ġarar bl-ilma.” U dawk imlewhom sax-xifer.  Mbagħad qalilhom: “Issa ħudu minnu u newwluh lil dak li qiegħed jieħu ħsieb il-mejda.” U huma marru jagħtuhulu.  Hu daq l-ilma mibdul fi nbid; u billi ma kienx jaf mnejn ġie, għalkemm il-qaddejja li ħadu mill-ilma kienu jafu, sejjaħ lill-għarus  u qallu: “Kulħadd l-inbid it-tajjeb iservi l-ewwel; meta mbagħad ikun ħadhom iġibu dak li jkun inqas tajjeb. Imma int l-inbid it-tajjeb erfajtu sa issa.”  Dan li għamel Ġesù f’Kana  tal-Galilija kien l-ewwel wieħed fost is-sinjali tiegħu. Bih wera l-glorja tiegħu u d-dixxipli tiegħu emmnu fih.

 

Il-Ħsieb

     Il-Mulej jibda l-missjoni pubblika tiegħu b’sinjal ta’ solidarjetà ma’ għarajjes ġodda fil-mument ta’ diffikultà tagħhom.  Żewġ għarajjes li waqt it-tieġ naqashom l-inbid.  Kienet Marija li ndunat, minkejja li kienet moħbija.  Marija li dejjem hija sensittiva għall-ħtiġijiet tagħna, speċjalment għall-ħtiġijiet tal-familja.  Ġesù jwettaq l-ewwel sinjal, l-ewwel miraklu, l-ewwel barka li propju ddedika lil koppja żagħżugħa fl-ewwel moment ta’ ħajja miżżewġa.  Huwa sinjal importanti li mhux biss jindika l-ftuħ tal-missjoni pubblika ta’ Kristu, iżda juri kemm Kristu jgħożż u għandu għal qalbu l-ħajja miżżewġa.

     Huwa ta’ min jinnota, il-kliem li qalet Marija lill-qaddejja biex seta’ jseħħ il-miraklu:  Agħmlu dak li jgħidilkom HU.  Huwa l-istess kliem li Marija tgħid lilna llum.  Mirakli jseħħu kontinwament fil-ħajja tagħna, iżda kontinwament hemm bżonn li niftħu għajnejna biex naraw tassew il-Mulej xi jrid minna u nwettqu dak li jgħidilna Hu fil-kelma li taghtina l-ħajja.

 

Il-Kelma

     L-Ewwel Qari huwa meħud mill-Ktieb tal-Profeta Isaija fejn insibu li wara li l-poplu Lhudi reġa’ lura minn Babel, beda jibni mill-ġdid il-belt ta’ Ġerusalemm għall-ħabta tas-sena 537 qabel Kristu.  F’din is-silta l-profeta jara lil Ġerusalemm bħala l-għarusa maħbuba ta’ Alla.  Il-laqgħa ta’ Alla ma Ġerusalemm hija ĠUSTIZZJA-XEBĦ-GĦAXQA.  Is-Salm Responsorjali, meħud minn Salm 95, huwa innu ta’ tifħir lil Alla għall-għeġubijiet li għamel u li għadu jagħmel biex isalva l-poplu tiegħu.  Fit-Tieni Qari tal-lum, mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl lill-Korintin, għandna lil San Pawl jitkellem dwar il-kariżmi mogħtija lill-Insara permezz ta’ l-Ispirtu s-Santu, rigali mogħtija għas-servizz tal-komunità kollha.  Fil-Vanġelu, meħud minn San Ġwann, għandna r-rakkont tat-Tieġ ta’ Kana tal-Galilija.  Huwa l-ewwel miraklu ta’ Ġesù.

 

Il-Ħajja

  1. Fil-liturġija tal-lum hemm frażi li tiddomina kollox, il-frażi li tgħid Marija: Agħmlu dak li jgħidilkom Hu.  U l-miraklu jseħħ.  Kemm tassew  ilkoll kemm aħna, bħala Nsara, għandna l-fidi biex nagħmlu dak li jgħidilna Ġesù?
  2. Is-salvazzjoni li twasslitilna permezz ta’ Ġesù hija għad-dispożizzjoni ta’ kulħadd. Hija d-dawl li lejh irridu nħarsu biex infasslu l-pjani ta’ ħajjitna.
  3. Il-ħidma tagħna fuq dak li jgħidilna Ġesù trid isseħħ bil-għajnuna tal-kariżmi mogħtija lilna mill-Ispirtu s-Santu kif itenni San Pawl fit-Tieni Qari tal-lum. Huwa propju f’dan id-dawl li rridu naħdmu tu il-ħajja tagħna biex ngħaddu l-messaġġ ta’ salvazzjoni lil qrabatna, lil dawk kollha li niltaqgħu magħhom.
  4. Il-miraklu li jwettaq Ġesù f’ Kana tal-Galilija ma kienx biex jiddubbaw għal mument. Wettaq MIRAKLU TA’ ABBUNDANZA:   il-ġarar kienu mimlija sax-xfar.  L-imħabba li għandu lejna l-Mulej ma jesagħha l-ebda qies u dimensjoni.  Iħobbna bl-abbundanza.   Iżda aħna kif qed inħobbuh lill-Mulej?

 

Id-Djalogu

  Mulej,

  int ħabbejtna bil-ħafna

  u aħna ħafna drabi lanqas nagħtuk ftit.

  Għinni nħobbok b’għemili kull ħin

  sabiex inwettaq,

  kif qalet Ommok u Ommna,

  dak li tgħidilna Inti.

read more

ĦAJTEK F’IDEJK – It-33 Ħadd Matul is-Sena – 17 ta’ Novembru 2024

November 9, 2024

It-33 Ħadd Matul is-Sena

ĦAJTEK F’IDEJK

Danjel 12, 1-3; Salm 15; Lhud 10,11-14,18;  Mark 13, 24-32

Il-Ħsieb

     “Imma f’dawk il-jiem, wara dawk id-dwejjaq, ix-xemx tiddallam, il-qamar jitlef id-dija tiegħu,  il-kwiekeb jibdew jaqgħu mis-sema, u l-qawwiet tas-smewwiet jitqallbu.

Mbagħad jaraw lil Bin il-bniedem ġej fis-sħab b’qawwa kbira u bi glorja. U mbagħad jibgħat l-anġli biex jiġbor flimkien il-maħturin tiegħu mill-erbat irjieħ, minn tarf l-art sa tarf is-sema. 

“Mis-siġra tat-tin tgħallmu din il-parabbola. Meta l-fergħa tagħha tirtab u tarmi l-weraq, intom tintebħu li s-sajf fil-qrib. Hekk ukoll meta taraw dan jiġri, kunu afu li hu fil-qrib, fil-bieb. Tassew ngħidilkom, li ma jgħaddix dan in-nisel qabel ma jiġri dan kollu. Is-sema u l-art jgħaddu, imma kliemi ma jgħaddix.

 “Dwar dak il-jum u s-siegħa ħadd ma jaf meta se jaslu, anqas l-anġli fis-sema, u anqas l-Iben; ħadd ħlief il-Missier.

 

Il-Ħsieb

     Ix-xeni apokalitiċi li jsemmi Ġesù fil-Vanġelu tal-lum forsi jista’ jkun li jbeżżgħu xi ftit, u tidħol mill-ewwel il-biża’ fik fuq l-aħħar żminijiet tad-dinja.  Iżda Ġesù mhux ibeżża’ jrid iżda jiftħilna għajnejna, jgħidilna li Alla huwa magħna u ħajjitna hija f’idejna bid-deċiżjonijiet li rridu nieħdu.  Ġesù jwissina biex nagħrfu s-sinjali taż-żminijiet biex naħdmu kemm jista’ jkun sabiex inwettqu kull ħin ir-rieda tal-Mulej fil-ħajja tagħna.  Il-Mulej ma jridx biża’, iżda fidi u ħidma.

     Illum Ġesù jfiehem lill-komunita ċkejkna tiegħu dwar it-tieni miġja tiegħu fil-glorja.  “Dwar dak il-jum u s-siegħa ħadd ma jaf meta se jasal”, jgħid Ġesù.  Għalhekk “kunu mħejjija”, tgħidilna l-Knisja f’dan il-Ħadd.

Il-Kelma

     L-Ewwel Qari, meħud mill-Ktieb tal-Profeta Danjel, juri li dawk li isimhom huwa miktub fil-Ktieb tal-Ħajja, jiġifieri dawk li ma rabtux qalbhom mal-ħażen, se jkunu salvati.  Dawn jirtu l-Ħajja ta’ Dejjem.  Is-Salm Responsorjali, permezz ta’ Salm 15, itenni li għand il-Mulej hemm il-ħarsien u l-kenn tagħna.  Fit-Tieni Qari tal-lum, mill-Ittra lil-Lhud, insibu li permezz tas-sagrifiċċju uniku tiegħu Kristu kiseb ir-rebħa fuq l-għedewwa tagħna.  Fil-Vanġelu, meħud minn San Mark, Ġesù jkellem lill-Appostli dwar il-jum tal-miġja tiegħu u jfehimhom kif għandhom iħejju ruħhom għal dan il-jum.

Il-Ħajja

  1. Kemm tassew aħna mħejjija biex immorru niltaqgħu mal-Mulej?
  2. Kemm tassew qed nifhmu li l-Mulej kontinwament qed jiġri warajna biex jgħannaqna miegħu?
  3. Kristu huwa l-unika għajn ta’ salvazzjoni għalina. Qegħdin nixorbu minn din l-għajn?
  4. L-aħħar taż-żmien ibeżżagħna. Għaliex?  Għadna marbutin wisq ma’ din id-dinja?

Id-Djalogu

  Mulej, inti ġejt u rġajt ġej,

  biex teħodna miegħek,

  nitolbok li ma tħallinix nintilef

  wara ideali li jintemmu fuq din l-art.

  Agħmel li l-ideal ta’ ħajti

  jkun bis Inti.

read more

ATTENTI MILL-IPOKRITI – It-32 Ħadd Matul is-Sena -10 ta’ Novembru 2024

November 2, 2024

It-32 Ħadd Matul is-Sena

IFTĦU GĦAJNEJKOM MILL-IPOKRITI

1 Slaten 17, 10-16; Salm 145; Lhud 9, 24-28; Mark 12, 38-44

Il-Vanġelu

     Hu u jgħallimhom qal ukoll: “Iftħu għajnejkom mill-kittieba, li jħobbu jduru mat-toroq bi lbiesi twal, jixtiequ min isellmilhom fil-pjazez,  u fis-sinagogi joqogħdu fis-siġġijiet ta’ quddiem, u fil-postijiet ewlenin fil-pranzijiet; iberbqu ġid ir-romol, u mbagħad għal wiċċ in-nies idumu ħafna jitolbu. Dawn jieħdu kundanna aktar iebsa.” 

     Kien qiegħed biswit it-teżor, iħares u jara xi flus jitfgħu n-nies fit-teżor. Bosta għonja bdew jitfgħu ħafna. Resqet waħda armla fqira u tefgħet biċċtejn żgħar, jiġifieri xi tliet ħabbiet. Hu sejjaħ id-dixxipli tiegħu u qalilhom: “Tassew ngħidilkom, li din l-armla fqira tefgħet iktar  minn  dawk  kollha  li  tefgħu fit-teżor. Għax dawk kollha tefgħu miż-żejjed tagħhom, imma hi, fil-faqar tagħha, tefgħet kull ma kellha, dak kollu li kellha biex tgħix.”

 

Il-Ħsieb

     Kemm-ildarba nkunu kapaċi nirreċtaw u mhux ngħixu l-ħajja tagħna?  Kapaċi nagħmlu show u spettaklu mill-istess ħajja tagħna?  Jekk tħares ftit madwarek, fit-triq, forsi fl-istess familja u fl-istess komunita ta’ fidi li tipparteċipa fiha, issib ħafna minn dawn u forsi anki inti stess.  Li nagħmlu, anki fir-reliġjon tagħna, nagħmluh għal wiċċ in-nies.

     U bla dubju ta’ xejn dan jagħmel mill-fidi tagħna KARIKATURA U FARSA. Għax il-fidi trid tissaqqa’ fis-sinċerita u fl-awtentiċita.  Huwa għal dan il-għan li l-kliem ta’ Ġesù li jtenni fil-Vanġelu tal-lum jista’ jitqies bħal xabla li taqta’ b’żewġt ixfar.  Kemm tassew aħna nistgħu ma nagħtux każ ta’ dan id-diskors?  Jekk ma nagħtux każ, ħajjitna tibqa’ fil-medjokrita.

Il-Kelma

     Fl-ewwel qari mill-Ewwel Ktieb tas-Slaten insibu rakkont  ta’ kif Elija ħarab minn pajjiżu u jsib l-għajnuna skond ma wegħdu Alla nnifsu għand waħda armla pagana li, għalkemm fqira, qasmet dak kollu li kellha mal-bniedem ta’ Alla.  Fis-Salm Responsorjali, meħud minn Salm 145, għandna tifħir lill-Mulej għax huwa dejjem mal-parti tal-fqir.

     Fit-tieni qari mill-Ittra lil-Lhud, insibu li Kristu mhux biss huwa s-Saċerdot il-Waħdieni tar-Rabta l-Ġdida iżda wkoll il-vittma waħdanija.  Fil-Vanġelu ta’ San Mark għandna lil Ġesù jwissi biex niftħu għajnejna mill-ipokresija u l-artifiċjalita.  Alla jrid jara l-qalb tal-bniedem u mhux il-pożi u r-reċti li ħafna drabi naqgħu fihom f’ħajjitna.

Il-Ħajja

  1. Lill-mara armla, Ġesu faħħarha għax tefgħet kulma kellha. Inti x’għandek u x’qed tagħti? Qed tagħti miż-żejjed li għandek?
  2. Kemm tassew qed nimxu f’ħajjitna wara affarijiet artifiċjali li jgħaddu u ser jispiċċaw?
  3. Għaliex qed nibżgħu nagħmlu għażla radikali għal Alla?
  4. Kemm tassew qed napprezzaw is-sagrifiċċju waħdieni li għamel Ġesù għalina l-bnedmin?
  5. Hemm bżonn li nagħmlu għażla WAĦDA U RADIKALI għal Ġesù.

Id-Djalogu

  Mulej, għallimni ngħix b’sinċerita l-fidi tiegħi.

read more