ID-DAWL TAL-KEWKBA – L-Epifanija tal-Mulej – 7 ta’ Jannar 2024
L-Epifanija tal-Mulej
ID-DAWL TAL-KEWKBA
Isaija 60: 1-6; Salm 71, Efesin 3: 2-6; Mattew 2: 1-12
Il-Vanġelu
Meta twieled Ġesù f’Betlehem tal-Lhudija, fi żmien is-sultan Erodi, xi maġi mil-lvant ġew Ġerusalemm jistaqsu: “Fejn hu dak li twieled sultan tal-Lhud? Għax rajna l-kewkba tiegħu tielgħa, u ġejna nqimuh.” Is-sultan Erodi sama’ bihom, u tħawwad hu u Ġerusalemm kollha miegħu. Ġabar flimkien il-qassisin il-kbar u l-kittieba kollha tal-poplu, u ried jaf mingħandhom fejn kellu jitwieled il-Messija. U huma qalulu: “F’Betlehem tal-Lhudija, għax hekk inkiteb mill-profeta:
‘U int, Betlehem, art ta’ Ġuda,
le, m’intix l-iżgħar fost il-bliet il-kbar ta’ Ġuda
għax minnek joħroġ mexxej
li jirgħa l-poplu tiegħi Iżrael.’
Erodi mbagħad sejjaħ lill-maġi bil-moħbi, u tkixxef bir-reqqa kollha mingħandhom iż-żmien li fih dehritilhom il-kewkba; bagħathom Betlehem u qalilhom: “Morru, staqsu sewwa għat-tifel, u meta ssibuh ejjew għiduli, ħalli jien ukoll niġi nqimu.” Dawk, wara li semgħu lis-sultan, telqu, u ara, il-kewkba li kienu raw tielgħa bdiet miexja quddiemhom sakemm waslet u waqfet fuq il-post fejn kien hemm it-tifel. Kif raw il-kewkba mtlew b’ferħ kbir tassew. Meta mbagħad daħlu d-dar u raw lit-tifel ma’ ommu Marija, nxteħtu fl-art iqimuh; fetħu t-teżori tagħhom u offrewlu rigali deheb, inċens u mirra. Mbagħad, billi kienu mwissijin f’ħolma biex ma jerġgħux imorru għand Erodi, telqu lura lejn arthom minn triq oħra.
Il-Ħsieb
Il-Kelma
L-Ewwel Qari tal-lum joffrilna silta mill-ktieb ta’ Isaija, fejn l-Awtur jirrakkonta l-mixja tal-poplu Lhudi li hu meħlus mill-jasar ta’ Babel u riesaq lejn Ġerusalem. Is-Salm Responsorjali, meħud minn Salm 71, huwa innu ta’ tifħir lill-Messija – is-Sultan tal-Ħolqien kollu. Fit-Tieni Qari tal-lum, meħud mill-Ittra ta’ San Pawl lill-Efesin, għandna lil San Pawl jitkellem dwar il-misteru tal-Pjan ta’ Salvazzjoni lill-pagani. Fil-Vanġelu ta’ San Mattew għandna r-rakkont taż-Żjara tal-Maġi li ġew mil-Lvant biex jagħtu qima lill-Mulej.
Il-Ħajja
- Kemm qed nagħmlu minn ħajjitna tfittxija serja għal Ġesù?
- Kemm qed inkunu nies li naqtgħu qalbna malajr ma’ l-ewwel tfixkil li nsibu fit-triq tagħna?
- Kemm tassew qed ikollna mumenti fil-ħajja tagħna li naduraw lil Ġesù?
- X’tip ta’ rigali qed noffru lil Ġesù? Kemm-il darba qed noffru l-istess ħajja tagħna?
- Fil-jum ta’ l-Epifanija ejjew inwiegħdu lil Ġesù li se nagħtu xhieda akbar tiegħu fil-jiem ta’ ħajjitna.
Id-Djalogu
Mulej, inti li wrejt lilek innifsek lill-ġnus kollha,agħmel li fiċ-ċokon tiegħi nagħti xhieda tiegħek lil ta’ madwari.