pentekoste

IL-MIĠJA TAD-DIFENSUR – Għid il-Ħamsin – Il-Ħadd 19 ta’ Mejju 2024

May 11, 2024

Festa ta’ Għid il-Ħamsin

IL-MIĠJA TAD-DIFENSUR

Qari: Atti (2: 1-11)
Salm Responsorjali: Salm 103
II Qari: Galatin (5: 16-25)
Sekwenza
Evanġelju: Ġwann (15: 26-27; 16: 12-15)

 

 

Evanġelu

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Meta jiġi d-Difensur, li se nibagħtilkom mingħand il-Missier, l-Ispirtu tal-verità, li ġej mill-Missier, huwa jixhed għalija. U intom ukoll tixhdu, għax intom kontu miegħi sa mill-bidu. Baqagħli ħafna ħwejjeġ x’ngħidilkom, imma għalissa ma tifilħux għalihom. Meta jiġi hu, l-Ispirtu tal-verità, iwassalkom għall-verità kollha; għaliex hu ma jgħid xejn minn tiegħu, imma jgħid dak li jisma’, u jħabbrilkom il-ġejjieni. Hu jagħtini glorja, għaliex jieħu minn dak li hu tiegħi u jħabbru lilkom. Dak kollu li għandu l-Missier huwa tiegħi. Għalhekk għedt li jieħu minn dak li hu tiegħi u jħabbru lilkom.”

 

Il-Ħsieb

Sfiduċjati!  Kemm-il darba aħna l-Insara nħossuna sfiduċjati minn dawk ta’ madwarna.  Iżolati! Kemm-il darba nħossuna waħedna anki fl-istess komunità ekkleżjali u parrokkjali tagħna.  Huma mumenti ta’ dlam, mogħdijiet ta’ dlamijiet li jkollna ngħaddu minnhom u l-fidi tagħna tbati magħna.  Xi kultant inħossuna nagħżqu fl-ilma.  Il-Mulej daħal fl-istorja tagħna u għaraf l-umanità fraġli tagħna.  Għalhekk bagħtilna DIFENSUR.  Bagħtilna l-Ispirtu s-Santu biex isaħħaħ fina l-għemil tagħna.  Fil-fatt mill-Vanġelu tal-lum naraw li l-ewwel ħaġa li jwettaq il-Mulej Ġesù kif jidher lill-Appostli huwa li jagħtihom il-paċi filwaqt li jurihom idejh.  Il-paċi, ried jgħidilhom Ġesù, ma tiġix mix-xejn; trid tbati għaliha kif għamel Hu fuq is-Salib.  Huwa wara tahom is-siġill ta’ l-Ispirtu s-Santu biex inaddfu d-dnubiet tal-popli.  Il-festa tal-lum tista’ titqies bħala l-magħmudija tal-Knisja – il-mument fejn il-Bxara

t-Tajba bis-siġill ta’ l-Ispirtu s-Santu bdiet titwassal lill-ġnus kollha.  L-Appostli mtlew b’kuraġġ kbir.

 

Il-Kelma

Fl-Ewwel Qari tal-lum, meħud mill-Ktieb ta’ l-Atti ta’ l-Appostli, għandna żewġ siltiet.  Fl-ewwel waħda l-inżul ta’ l-Ispirtu s-Santu fuq l-Appostli u t-tieni waħda hija kif diversi ġnus bdew jisimgħu l-Aħbar it-Tajba mingħand l-Appostli u jikkonvertu.  Is-Salm Responsorjali huwa meħud minn Salm 103 fejn għandna l-ħsieb li bil-miġja ta’ l-Ispirtu s-Santu Alla beda jġedded kollox.

 

Il-Ħajja

  1. Il-Miġja ta’ l-Ispirtu s-Santu fuq l-Appostli u fuqna lkoll

hija konferma li l-wegħdiet tiegħu l-Mulej iżommhom.

  1. Ilkoll kemm aħna għandna dan id-DIFENSUR li jħarisna

u jilluminana kontinwament.  Iżda kemm nitolbuh lill-

Ispirtu s-Santu?

  1. L-Ispirtu s-Santu jagħmilna lkoll ġisem wieħed. Kemm

qegħdin nagħrfu din il-qawwa li tinsab fina?

  1. Il-festa tal-Pentekoset trid tiftħilna għajnejna dwar il-

qawwa li aħna l-Insara għandna tal-possibiltà kbira ta’

maħfra li jagħtina l-Mulej biex inaddafna kull ħin.

 

Id-Djalogu

Ejja Spirtu s-Santu

imla l-qlub tal-fidili tiegħek,

u kebbes fihom in-nar ta’ mħabbtek.

read more

MORRU NEĦĦU L-BIŻA’ – Għid il-Ħamsin – 9 ta’ Ġunju 2019

May 22, 2019

Għid il-Ħamsin

MORRU NEĦĦU L-BIŻA’

Atti 2:1-11; Salm 103; 1 Korintin 12,3-7, 12-13; Ġwanni 20:19-23

Il-Vanġelu


    Dak in-nhar fil-għaxija, fl-ewwel jum tal-ġimgħa, meta d-dixxipli kienu flimkien imbeżżgħa mil-Lhud, bil-bibien magħluqa, ġie Ġesù u qagħad f’nofshom; u qalilhom: “Is-sliem għalikom!” Kif qal hekk, uriehom idejh u ġenbu. Id-dixxipli ferħu meta raw lill-Mulej. Mbagħad Ġesù tenna jgħidilhom: “Is-sliem għalikom! Kif il-Missier bagħat lili, hekk jien nibgħat lilkom.” Kif qal hekk, nefaħ fuqhom u qalilhom: “Ħudu l-Ispirtu  s-Santu. Dawk li taħfrulhom dnubiethom ikunu maħfura, u dawk li żżommuhomlhom ikunu miżmuma.”

 

Il-Ħsieb

     L-esperjenza tal-ħajja umana ta’ kuljum tgħaddina minn ħafna mumenti ta’ biża’.  Il-biża’ li taħkem u ħafna drabi tipparalizza l-azzjonijiet li nkunu se nwettqu.  Fil-ħajja tagħna spiritwali jiġrilna l-istess.  Ħafna drabi nibżgħu nagħtu xhieda li aħna nsara, ħafna drabi nibżgħu ngħixu l-kelma ta’ Alla, ħafna drabi nibżgħu ninqatgħu minn kompromessi li nkunu ħloqna aħna għall-kumdità tagħna.

     Il-festa kbira tal-lum ta’ nżul l-Ispirtu s-Santu fuq il-Knisja u fuqna personalment hija festa li tistedinna li għalkemm aħna bnedmin u mimlijin dgħufija, ilkoll kemm aħna għandna għalfejn nagħmlu kuraġġ.  Il-Mulej jaf min aħna, il-Mulej jaf li aħna kollha biża’, il-Mulej jaf li lkoll kemm aħna nistgħu nwettqu ħafna ġid jekk nisimgħu, naċċettaw u ngħixu l-kelma tiegħu.

     Huwa għal dan il-għan li l-Mulej jibgħat l-Ispirtu s-Santu, id-Difensur, li mhux biss se jsaħħaħ fina l-fidi iżda permezz tad-doni tiegħu se jqawwina biex naffrontaw is-sitwazzjonijiet ta’ ħajjitna kull ħin.  L-Ispirtu s-Santu jinżel biex idawwalna u jurina x’għandna ngħidu u nagħmlu.  L-għażla issa hija f’idejna kemm tassew għandna fidi fil-Mulej u f’dan il-mibgħut-difensur li huwa jibgħatilna, li rċevejna fil-Magħmudija u fil-Griżma ta’ l-Isqof.  Kemm tassew qed inħossu l-preżenza ta’ l-Ispirtu s-Santu fil-ħajja tagħna hija d-domanda li rridu nwieġbu għaliha b’mod personali llum.

Il-Kelma

     Fl-Ewwel Qari tal-lum, meħud mill-Ktieb ta’ l-Atti ta’ l-Appostli, naraw l-inżul ta’ l-Ispirtu s-Santu fuq l-Appostli kif kien iwiegħed Ġesù.  Fit-tieni parti l-Appostli joħorġu jippriedkaw lill-ġnus kollha b’lingwi differenti.  Fis-Salm Responsorjali, minn Salm 103, insibu għanja ta’ radd il-ħajr għax permezz tal-Miġja ta’ l-Ispirtu s-Santu l-Mulej beda jġedded kollox.  Fit-Tieni Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl lill-Korintin, għandna t-teoloġija ta’ San Pawl dwar l-Ispirtu s-Santu fejn jurina l-għaqda li fiha jrawwimna l-Ispirtu s-Santu.  Tgħammidna fi Spirtu wieħed biex insiru ġisem wieħed.  Din l-għaqda tispikka aktar fil-paċi li l-Mulej jagħti lid-dixxipli tiegħu filwaqt li jonfoħ fuqhom l-Ispirtu s-Santu kif insibu fis-silta tal-Vanġelu ta’ San Ġwann illum.

Il-Ħajja

  1. Il-Mulej jaf li aħna dgħajfa. Iżda jridna nagħmlu kuraġġ u naħdmu

     fl-għalqa tiegħu.  Għalhekk jibgħat I-ispirtu s-Santu.

  1. Kemm tassew aħna nies li nħossuna mdawla permezz ta’ l-Ispirtu tal-

     Mulej?  Il-Mulej jibgħat l-Ispirtu s-Santu biex nirrikorru lejh tul il-

     jiem ta’ ħajjitna.  Qed inwettqu dan?

  1. Xi djalogu nagħmlu ma’ l-Ispirtu s-Santu kuljum?
  2. L-Ispirtu s-Santu minbarra d-dawl permezz tad-doni tiegħu jridna li

     nkunu ġebel ħaj fil-Knisja.  Ejjew nitolbu llum biex niġġeddu fl-

     impenn tagħna nisrani fis-soċjetà u fil-ħidma li nwettqu kuljum

Id-Djalogu

  Spirtu s-Santu,

  nitolbuk tinżel fina

  biex turina xi trid minna

  sabiex b’għemilna u ħidma

  nwasslu l-Bxara t-Tajba fl-ambjent ta’ madwarna.

 

read more