randan

IMĠARRAB U MWARRAB – Ħadd il-Palm (Ċ) – 13 ta’ April 2025

April 7, 2025

Id-Daħla Solenni ta’ Ġesu f’Ġerusalemm

IMĠARRAB U MWARRAB MINN KULĦADD!

Isaija 50:4-7; Salm 21; Filippin 2;6-11; Luqa 22,14-23,56

Il-Ħsieb

     Ġesù mġarrab u mwarrab minn kulħadd!  Illum nagħtu bidu għall-Ġimgħa ta’ l-akbar imħabba, iżda fl-istess ħin hija l-Ġimgħa ta’ l-imwarrab.  Kemm tassew jiena u inti kuljum għadna nagħmlu l-istess bħalma għamlu l-Lhud lil Ġesù?  Forsi ngħidu li aħna ta’ Ġesù, ngħidu li aħna ma’ Ġesù, iżda kemm tassew qed inkunu aħna li nuru, bil-ħajja tagħna stess, li aħna dixxipli denji tiegħu?  Fit-tajjeb ngħidu li aħna ta’ Ġesù, iżda fil-maltemp malajr nagħmlu l-kompromessi, malajr minn Hosanna ngħidulu Sallbu biex ma jtellifniex il-kompromessi tagħna.

     Ġesù jerfa’ fuqu l-madmad tagħna biex aħna nkunu salvi.  Kemm aħna grati lejn din il-ġrajja ta’ salvazzjoni?  Kemm tassew nifhmu dak li jrid minna Ġesù biex aħna wkoll nerfgħu s-salib tagħna ta’ kuljum?  Li tgħix il-fidi tiegħek mhix li tfittex l-Hosanna iżda li tfittex is-salib tiegħek u mhux tilħaq salib ħaddieħor.

     Matul din il-Ġimgħa Mqaddsa ejjew ninġabru flimkien bħala komunità nisranija u nifhmu li lkoll kemm aħna rridu ngħixu l-fidi tagħna fis-sħiħ fid-dawl tal-ġrajjiet ta’ l-imħabba ta’ Ġesù bil-Passjoni, Mewt u Qawmien.

Il-Kelma

     L-Ewwel Qari huwa meħud mill-Ktieb tal-Profeta Isaija fejn għandna l-figura tal-Qaddej t’Alla li lest li joffri lilu nnifsu għall-bnedmin; iżda Alla ma jitilqux waħdu.  Fis-Salm Responsorjali, meħud minn Salm 21, għandna l-għajta ta’ l-abbandun ta’ Ġesù:  Alla tiegħi, Alla tiegħi, għaliex tlaqtni? Fit-Tieni Qari, mill-Ittra ta’ San Pawl lill-Filippin, l-Appostlu jgħidilna li Kristu biex isalvana ġab ruħu fix-xejn u ma qagħadx iqis il-jeddijiet tiegħu, imma sar jixbah lilna.  Iżda Alla għollieh fil-glorja.  Fil-Vanġelu ta’ San Luqa llum għandna r-rakkont tal-Passjoni ta’ Sidna Ġesù Kristu.  Huma ġrajjiet li juruna sa fejn twassal il-vera mħabba ta’ Ġesù għalija u għalik.

Il-Ħajja

  1. Kemm tassew ippreparajt ruħek sew f’dan ir-Randan? Kemm se tużaha din il-Ġimgħa Mqaddsa li bdejna llum biex tkompli tikkonverti lilek innifsek?
  1. Lill-Mulej kantawlu Hosanna u wara għajtu Sallbu. Kemm-il darba għamilt hekk inti bl-għemejjel tiegħek?
  1. Ġesù ġie mġarrab u miet fuq is-salib. Dan kollu għamlu minħabba fina,  għaliex iħobbna.  Kif qed trodd lura din l-imħabba fil-ħajja tiegħek?
  1. Il-Mulej iġġarraf iżda qam. Meta tkun qed tiffaċċja xi problema fil-ħajja tiegħek ħares lejn Kristu Msallab.  Fih m’hemmx biss il-mewt iżda hemm ukoll il-qawmien.

 

Id-Djalogu

  Nadurawk, o Ġesù, u nberkuk,

  għaliex b’salibek u l-mewt tiegħek inti fdejtna.

read more

MIN MA GĦANDUX DNUB? – Il-5 Ħadd tar-Randan Ċ – Il-Ħadd 6 t’April 2025

April 1, 2025

Il-5 Ħadd tar-Randan

MIN MA GĦANDUX DNUB?

Isaija 43:16-21; Salm 125; Filippin 3: 8-14; Ġwanni 8: 1-11

Il-Vanġelu

     Ġesù telaq lejn l-Għolja taż-Żebbuġ. Imma l-għada qabel is-sebħ raġa’ mar fit-tempju, u l-poplu kollu ġie ħdejh, u hu qagħad bilqiegħda jgħallimhom. Mbagħad il-kittieba u l-Fariżej ħadulu quddiemu waħda mara li kienet inqabdet fl-adulterju. Huma qegħduha fin-nofs u qalulu: “Mgħallem, din il-mara nqabdet fil-fatt fl-adulterju. Issa fil-Liġi tagħna Mosè ordnalna biex nisa bħal dawn inħaġġruhom. Int, imma, xi tgħid?” Dan qaluhulu biex iġarrbuh, ħalli jkollhom fuqiex jixluh. Imma Ġesù tbaxxa lejn l-art u beda jikteb b’sebgħu fit-trab. Billi dawk baqgħu jistaqsuh, qam dritt u qalilhom: “Min fostkom hu bla dnub jitfgħalha hu l-ewwel ġebla.” U raġa’ tbaxxa jikteb fit-trab. Kif semgħuh jgħid dan, qabdu u telqu wieħed wara l-ieħor, ibda mix-xjuħ, u Ġesù baqa’ waħdu mal-mara, wieqfa fin-nofs.  Qam dritt u qalilha: “Dawk fejnhom, mara? Ħadd minnhom ma kkundannak?” “Ħadd, Sinjur,” qaltlu.”Mela anqas jien ma nikkundannak,” qalilha Ġesù. “Mur, u mil-llum ‘il quddiem tidnibx iżjed.”

Il-Ħsieb

     Kemm-il darba niġġudikaw bl-addoċċ, fil-ħajja tagħna, persuni li mhux dejjem narawhom minn għajnejn tajba?    Kemm-il darba niġġudikaw persuni sempliċement għax ma jaqblux mal-fehma tagħna jew għax naħsbu li se jieħdu l-post tagħna?  Kemm niżirgħu ġudizzji foloz għal xejn b’xejn?  Kemm-il darba dawwarna subgħajna biex nakkużaw dawn in-nies?  Il-Vanġelu tal-lum jurina li l-Bxara t-Tajba li ġab Kristu ġabha biex tibdel il-persuni u tnaddafhom, speċjalment dawk li għandhom bżonn l-għajnuna u l-fejqan.  Kif itenni Ġesù stess, ix-xogħol tiegħu mhux li jikkundanna iżda li jfejjaq.  Il-każ tal-mara adultera huwa ċar għaliex quddiem persuna li nqabdet fil-fatt tiżbalja, Ġesù jħares l-ewwel u qabel kollox lejn is-salvazzjoni u l-fejqan tagħha.  Huwa jagħraf li naqset, jaħfer in-nuqqas tagħha u jagħtiha l-biċċa xogħol iebsa biex ma tidnibx iżjed.

     Kemm tassew, bħala Nsara, f’dawn l-aħħar jiem tar-Randan nagħrfu naċċettaw dan il-messaġġ qawwi ta’ Ġesu u ngħixuh fil-ħajja tagħna?

Il-Kelma

     L-Ewwel Qari meħud mill-Ktieb ta’ Isaija nkiteb mill-profeta li jinsab eżiljat f’Babel fi żmien is-sultan ~iru.  Il-profeta jrid iqawwi t-tama ta’ ħutu li jinsabu fil-jasar billi jħabbrilhom li Alla kien se jagħtihom ħajja ġdida.  Is-Salm Responsorjali juri li din il-ħajja ġdida hija parti mill-ħwejjeġ kbar li għamel magħna l-Mulej.  Fit-Tieni Qari mill-Ittra lill-Filippin, San Pawl jurina li (i) ma hemm xejn importanti daqs li tagħraf lil Kristu;  (ii) is-salvazzjoni tiġi biss minn Kristu; (iii) nagħtu s-sehem tagħna biex insiru nixbħu aktar lil Ġesù.  Fil-Vanġelu tal-lum, meħud minn San Ġwann, naraw lil Ġesù jpoġġi fil-prattika dak li kien qal fil-Vanġelu ta’ San Mattew (12.7) fejn itenni li ħniena jrid u mhux sagrifiċċju u dak li qal f’San Luqa 5,32:  Jiena mhux lill-ġusti ġejt insejjaħ iżda lill-midinbin.  Ġesù jaħfer lill-adultera u jgħidilha biex ma tidnibx iżjed.

Il-Ħajja

  1. Il-Mulej huwa l-fejqan tagħna. Kif qed naċċettaw dan il-fejqan fil-ħajja tagħna u f’ta’ l-oħrajn?
  1. Il-Mulej huwa s-salv azzjoni tagħna għax għamel magħna ħwejjeġ kbar.  Kemm qed nitlob li din is-salvazzjoni tasal għand ħaddieħor?
  1. Il-Mulej idawwalna biex inwasslu l-Bxara t-Tajba. Għajb għan-nisrani li jipponta sebgħu biex jiġġudika lil ħaddieħor minflok jgħinu.
  1. Bħal San Pawl nistgħu ngħidu li qed ngħoddu kollox bħala telf quddiem il-qligħ kbir li hemm filli nagħraf lil Alla?
  1. Kemm qed insibu ħin li nagħmlu kuljum l-eżami tal-kuxjenza tagħna?

 

 

Id-Djalogu

  Mulej, aħfirli l-ħtijiet tiegħi,

  għinni nitlob għall-fejqan spiritwali tiegħi u tal-proxxmu,

  tħallini qatt naqa’ li niġġudika lil dawk ta’ ħdejja,

  għallimni iżda nitlob għall-fejqan tagħhom.

read more

NIES MIDINBA JILQA’ GĦANDU! – Ir-4 Ħadd tar-Randan Ċ – 30 ta’ Marzu 2025

March 24, 2025

 Ir-4 Ħadd tar-Randan

L-AKKUŻA:  NIES MIDINBA JILQA’ GĦANDU!

Ġożwe 5:9a, 10-12; Salm 33; 2 Korintin 5:17-21; Luqa 15: 1-3, 11-32

Il-Vanġelu

     F’dak iż-żmien, il-pubblikani u l-midinbin kienu jersqu bi ħġarhom lejn Ġesù biex jisimgħuh. U kemm il-Fariżej u kemm il-kittieba kienu jgemgmu u jgħidu: “Nies midinba jilqa’ għandu dan u jiekol magħhom!” U Ġesù qabad u qalilhom din il-parabbola: “Kien hemm raġel li kellu Żewġ ulied. Iż-żgħir qal lil missieru: “Missier, agħtini s-sehem li jmiss lili mill-ġid.” U dak qassmilhom il-ġid. Ma kinux għaddew wisq ġranet, meta ż-żgħir sarr kollox u telaq minn beltu lejn pajjiż imbiegħed, u hemmhekk berbaq ġidu kollu f’ħajja mtajra. Meta ħela kulma kellu, fuq dak il-pajjiż waqa’ ġuħ kbir, u beda jħoss ruħu fil-bżonn. U mar daħal ma’ wieħed minn dak il-pajjiż, li bagħtu fir-raba’ tiegħu jirgħa l-ħnieżer. Kien jixtieq kieku jimla żaqqu mqar bil-ħarrub li kienu jieklu l-ħnieżer, imma ħadd ma kien jagħtih. Imbagħad daħal fih innifsu u qal: “Kemm lavranti ma’ missieri għandhom ħobż bix-xaba’, u jien qiegħed hawn immut bil-ġuħ! Ħa nqum u mmur għand missieri, u ngħidlu: Missier, dnibt kontra s-sema u kontra tiegħek; ma jistħoqqlix iżjed nissejjaħ ibnek; Żommni b’wieħed mil-lavranti tiegħek.” Qam, u telaq għal għand missieru.

     Iżda kif kien għadu fil-bogħod missieru lemħu u tħassru, u b’ġirja waħda mar inxteħet fuq għonqu u biesu. It-tifel qallu: “Missier, dnibt kontra s-sema u kontra tiegħek; ma jistħoqqlix iżjed nissejjaħ ibnek.” Iżda l-missier qal lill-qaddejja tiegħu: “Isaw! Ġibulu l-isbaħ libsa u xidduhielu, libbsulu ċ-ċurkett f’sebgħu u s-sandli f’riġlejh! Ġibu l-għoġol l-imsemmen u oqtluh, ħa nieklu u nagħmlu festa, għax dan ibni kien mejjet u raġa’ qam, kien mitluf u nstab!” U għamlu festa.

     Mela ibnu l-kbir kien fl-għalqa. Huwa u rieġa’ lura, kif wasal qrib id-dar sama’ daqq u żfin. Sejjaħ wieħed mill-qaddejja u staqsieh dak x’kien. Dak qallu: “Hawn ħuk u missierek qatillu l-għoġol l-imsemmen, għax raġa’ kisbu qawwi u sħiħ.” Hu inkorla, u ma riedx jidħol ġewwa, iżda missieru ħareġ jitolbu jidħol. Iżda hu qal lil missieru: “Ara, ili dawn is-snin kollha naqdik, kelmtek ma ksirthielek qatt, u kieku qatt tajtni gidi lili biex nagħmel ikla u nifraħ ma’ ħbiebi! Imbagħad jiġi dan ibnek, li belagħlek ġidek man-nisa żienja, u lilu toqtollu l-għoġol l-imsemmen.” Qallu missieru: “Ibni, inti dejjem miegħi, u kulma hu tiegħi huwa tiegħek. Imma kien meħtieġ li nagħmlu festa u nifirħu, għax dan ħuk kien mejjet u raġa’ qam, kien mitluf u nstab!”

Il-Ħsieb

     L-istorja ta’ l-Iben il-Ħali ilna nafuha u nisimgħuha minn meta konna żgħar.  L-Iben il-Ħali, wara li tilef kollox u berbaq ġidu kollu, mar lura jitkarrab għand missieru li laqgħu u ħaddnu miegħu.  Ħafna drabi aħna ngħixu din l-istorja bil-maqlub.  Ngħixuha mil-lenti ta’ l-iben il-kbir li ħa għalih għax il-missier ħafer lil ħuh u laqgħu lura.  Nieħdu għalina għax imdorrijin f’xalata ta’ ġudizzji fuq għajrna.  Ix-xogħol tagħna huwa li nippuntaw subgħajna kull ħin u kontinwament lejn in-nuqqasijiet ta’ ħaddieħor u ftit nagħtu kas, mhux biss tan-nuqqasijiet tagħna, iżda li aħna rridu nagħdru u naħfru lil dawk li jonqsuna.  L-akkuża prinċipali li għamlulu n-nies lil Ġesù kienet waħda: nies midinba qed jilqa’ għandu!

     Ġesù ma jiddejjaqx li jkun mal-prostituti u n-nisa tat-triq; ma jiddejjaqx u ma jagħtix każ tal-fama tiegħu.  Ġie biex jaħdem, inaddaf u jsalva.  Ma tax każ tal-ġudizzji ħżiena li għamlu fuqu, għax wara kollox it-tajjeb tiegħu ma ġiex apprezzat u kalkulat u xorta spiċċa msallab ma’ għuda tas-salib.  Il-poplu mhux talli ma apprezzax, talli minn ftit jiem wara l-HOSANNA  nbidlet f’SALLBU.

     Għal dawk li jippruvaw jgħixu ta’ nsara dan għandu jkun eżempju ċar ta’ kif in-nies iħarsu lejn in-nisrani.  Ħafna drabi jkollu jgħum f’baħar qawwi kontra l-kurrent biex ikompli jwettaq l-ideali tiegħu.  Iżda l-ideal tan-nisrani jibqa’ li jilqa’ lill-Iben il-Ħali u jħaddnu  miegħu.  Din hija l-ħidma kontinwa ta’ salvazzjoni li kisbilna Kristu.

Il-Kelma

     Fl-Ewwel Qari tal-lum, mill-Ktieb ta’ ĠożweÏ, insibu li wara erbgħin sena fid-deżert il-poplu Lhudi daħal fl-Art Imwiegħda u ċċelebra l-festa ta’ l-Għid li kienet tfisser il-ħelsien sħiħ tal-poplu Lhudi.  Dan il-ħelsien veru jista’ jidher fis-Salm 33 meta flimkien intennu:  “Duqu u taraw kemm hu tajjeb il-Mulej”.  Fit-Tieni Qari tal-lum, meħud mit-Tieni Ittra ta’ San Pawl lill-Korintin, San Pawl ifisser x’ġabet ġdid il-fidwa li kiseb għalina Kristu li kienet it-tiġdid tal-ħbiberija bejn Alla u l–bniedem.  Fil-Vanġelu tal-lum, meħud minn San Luqa, insibu r-rakkont ta’ l-Iben il-Ħali.  Iżda dan ir-rakkont jiftaħ billi l-evanġelista jgħidilna li l-Fariżej kienu qed igemgmu kontra Ġesù u jtennu li qed jiekol mal-midinbin.

Il-Ħajja

  1. Ġesù ġie biex jilqa’ u jfejjaq il-midneb. Kemm tassew qed nersqu lejh aħna l-midinbin, minkejja dak kollu li nkunu għamilna?
  2. Il-Liturġija tal-lum fiha messaġġ qawwi ta’ tama u kuraġġ. Minkejja li nabbużaw mill-ħniena tiegħu, Alla jgħaqqadna miegħu meta jara l-indiema sinċiera tagħna.
  3. Il-Mulej ma jridniex nagħmlu bħall-iben il-kbir u niskandalizzaw irwieħna bil-ħniena li wera l-Missier. Iridna nkunu tiegħu u miegħu biex ingawdu l-frott tas-salvazzjoni li kisbilna.
  4. Nitgħallmu mill-Vanġelu tal-lum ma niġġudikawx iżda naħfru kontinwament u nitolbu bla waqfien għas-salvazzjoni ta’ l-Erwieħ.

Id-Djalogu

  Mulej, inti li ħaddant miegħek

  l-iben il-ħali,

  għinna biex nersqu lejk fis-Sagrament tar-Rikonċiljazzjoni,

  biex nibdew mill-ġdid ħbiberija ġdida miegħek.

read more

ABBUŻ MILL-ĦNIENA T’ALLA? – L-3 Ħadd tar-Randan Ċ – 23 ta’ Marzu 2025

March 17, 2025
An etching by Jan Luyken illustrating Luke 13:6-9 in the Bowyer Bible, Bolton, England.

L-3 Ħadd tar-Randan

QEGĦDIN  NABBUŻAW MILL-ĦNIENA  TA’ ALLA?

Eżodu 3: 1-8a, 13-15; Salm 102; 1 Korintin 10:1-6; 10-12; Luqa 13:1-9

Il-Vanġelu

Dak iż-żmien, ġew xi wħud għand Ġesù u qalulu b’dawk il-Galilin li Pilatu kien ħallat demmhom mad-demm tal-vittmi tas-sagrifiċċji tagħhom.  U Ġesù qabad u qalilhom: “Taħsbu intom li dawn il-Galilin kienu iżjed midinbin mill-Galilin l-oħra biex sofrew dan kollu?  Le, ngħidilkom; imma jekk ma tindmux, ilkoll tintilfu bħalhom.  Jew dawk it-tmintax-il ruħ li fuqhom waqa’ t-torri ta’ Silwam u qatilhom, taħsbu intom li kienu iżjed ħatja min-nies l-oħra ta’ Ġerusalemm ?  Le, ngħidilkom; imma jekk ma tindmux, ilkoll tintilfu xorta waħda.”

U qalilhom din il-parabbola: “Wieħed kellu siġra tat-tin imħawwla fl-għalqa. Mar ifittex il-frott fiha, u ma sabx.  Għalhekk qal lil dak li kien jaħdimlu l-għalqa, ‘Ara, ili tliet snin niġi nfittex il-frott f’din is-siġra tat-tin, u qatt ma sibtilha. Mela aqlagħha, għax għalfejn se tibqa’ tkidd l-art?  Iżda dak wieġbu, ‘Inti ħalliha, sinjur, għal din is-sena, sa ma nagħżqilha madwarha u nagħtiha d-demel.  Id-dieħla għandha mnejn tagħmel il-frott; jekk le, aqlagħha.’ “

 

Il-Ħsieb

Il-ġrajjiet li jiġru madwarna kemm-il darba jimpressjonawna, speċjalment meta jkun hemm xi diżgrazzja jew xi mewta ta’ xi ħadd żgħir.  Kulħadd jistaqsi u jrid ikun jaf ir-raġuni tal-mewt.  Xi kultant insiru anki mħallfin fuq il-ħajja tal-mejjet billi nagħtu l-ġudizzju glorjuż jew ta’ tkasbir skond il-mod kif inħarsu lejh.

Fi żmien Ġesù wkoll ġraw żewġ traġedji kbar u l-poplu tkellem dwarhom:  il-fatt li Pilatu qatel xi Galilej waqt l-offerta tas-sagrifiċċju u l-fatt ta’ meta waqa’ t-torri ta’ Silwah f’Ġerusalemm.  Fiż-żewġ każijiet mietu n-nies.  Ġesù jtenni li dawn ma mitux għax midinbin.  Kull midneb huwa ħati sakemm ma jindimx mill-ħtija tiegħu.  Il-Mulej irid ineħħi minni kull sens ta’ ġudizzju li ngħaddu fuq in-nies, iżda fl-istess ħin irid jiftħilna għajnejna beraħ biex ngħaddu ġudizzju u kritika fuq l-għemil tagħna.

IL-Kelma

Fl-Ewwel Qari tal-lum, meħud mill-Ktieb ta’ l-Esodu, insibu s-sejħa li Alla għamel lil MoseÏ.  Il-mod kif Alla jsejjaħ lil MoseÏ huwa mod meraviljuż kif il-Mulej ma jħarisx lejn l-uċuħ iżda lejn id-disponibbiltà, minkejja li lkoll inġibulu xi skuża.  Is-Salm 102 li ntennu fis-Salm Responsorjali huwa għanja ta’ radd il-ħajr għax ħanin u ta’ qalb tajba l-Mulej.

Fit-Tieni Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Korintin, jurihom li għalkemm ħafna salvaw mill-jasar ta’ l-Eġittu, ftit baqgħu fidili lejn Alla.  San Pawl itenni li r-rigal tal-fidi rridu nilqgħuh u ngħixuh.  Fil-Vanġelu ta’ San Luqa għandna r-rakkont taż-żewġ diżgrazzji li fi żmien Ġesù qajmu ħafna għagħa.  Ġesù nnifsu jurihom li kull min għadu ħaj jeħtieġ li juża tajjeb iż-żmien tiegħu.

Il-Ħajja

  1. Irridu ngħixu l-fidi tagħna b’mod sħiħ u b’fiduċja kbira f’Alla.  Il-ġrajjiet kurrenti tad-dinja jgħaddu, imma Alla ma jgħaddix, ma jispiċċax.  Huwa għalhekk importanti li nżommu qalbna magħquda mal-Mulej.
  2. Hemm bżonn nagħrfu l-ħniena kbira ta’ Alla għal kull wieħed u waħda minna.
  3. Hemm bżonn nagħrfu ma nabbużawx minn din il-ħniena ta’ Alla għalina.  Fir-Randan, permezz tat-talb u tas-sawm, irridu nersqu aktar lejn Ġesù kif aħna, iżda b’indiema  vera u mhux b’ipokresija.
  4. Alla huwa ħanin u mhux Alla tal-vendikazzjonijiet. Jeħtieġ li din il-ħniena kbira t’Alla mhux biss nindunaw biha iżda   ngħadduha lill-oħrajn.
  5. Fir-Randan, biex ikun Randan veru, irid ikun hemm mumenti ta’ deċiżjonijiet radikali u bidliet veri.  Ix-xogħol f’idejna.

 

 

 

Id-Djalogu

Mulej, inti li tant tħobbna,

tant tafda fina,

għinna biex tassew matul dan ir-Randan,

ngħixu l-imħabba tiegħek

sabiex ninbidlu aħna u ngħinu lil oħrajn jinbidlu,

biex nagħrfu kull ħin ir-rieda tiegħek.

read more

DEHRA – GARANZIJA: It-2 Ħadd tar-Randan Ċ – 16 ta’ Marzu 2025

March 9, 2025

It-2 Ħadd tar-Randan

DEHRA – GARANZIJA

Ġenesi 15:5-12,17-18; Salm 26; Filippin 3, 17-4,1; Luqa 9, 28b-36

 

Il-Vanġelu

     F’dak iż-żmien, Ġesù ħa miegħu lil Pietru, lil Ġwanni u lil Ġakbu, u tala’ fuq il-muntanja biex jitlob. U ġara li huwa u jitlob, id-dehra ta’ wiċċu tbiddlet u l-ilbiesi tiegħu saru ta’ bjuda li tgħammex. U kien hemm żewġt irġiel jitħaddtu miegħu, Mosè u Elija, li dehru fil-glorja, jitħaddtu fuq it-tmiem ta’ ħajtu li kellu jseħħ f’Ġerusalemm.

     Pietru u sħabu kienu mejtin bin-ngħas, imma baqgħu mqajmin sewwa, u raw il-glorja tiegħu u ż-żewġt irġiel li kienu miegħu.

     Xħin dawn it-tnejn kienu se jinfirdu minnu, Pietru qal lil Ġesù: “Mgħallem, kemm hu sew li aħna hawn! Ħa ntellgħu tliet tined, waħda għalik, waħda għal Mosè, u waħda għal Elija.” Ma kienx jaf x’inhu jgħid.

     Waqt li kien qiegħed jgħid dan, ġiet sħaba u għattiethom u huma beżgħu kif daħlu fis-sħaba. U minn ġos-sħaba nstama’ leħen jgħid: “Dan hu Ibni l-maħtur, lilu isimgħu!”

     Malli nstama’ l-leħen Ġesù sab ruħu waħdu. Huma żammew is-skiet, u għal dawk il-jiem ma qalu xejn lil ħadd minn dak li kienu raw.

Il-Ħsieb

     Fil-mixja tagħna ta’ kuljum ikun hemm mumenti ta’ qtigħ il-qalb, mumenti li fihom ngħaddu minn passaġġi mdallma.  F’dawn il-mumenti ħafna jitilfu l-fidi tagħhom.  Jaħsbu li Alla nsiehom.  Illum il-Mulej, proprju fil-mixja tiegħu lejn il-passjoni, fuq il-muntanja Tabor jitbiddel f’dik li aħna nsejħulha t-Trasfigurazzjoni, il-mument ta’ bidla li jfisser għalina lkoll garanzija.  Garanzija li, wara din il-ħajja, il-premju tagħna huwa li mmorru ma’ dan “L-Iben il-Maħtur”.  Din id-dehra tal-lum, fil-mixja tagħna matul dawn l-erbgħin jum tar-Randan, tfisser għalina lkoll li aħna rridu nimxu wara Ġesù li huwa d-dawl ta’ ħajjitna u nemmnu bil-fidi li l-Mulej se jibdel f’ferħ in-niket tagħna.  Huwa għal dan il-għan li l-Mulej Ġesù jkun spalla ma’ spalla magħna fil-mixja tagħna fuq din l-art.  Hi mixja li mhux dejjem tkun għan-niżla, iżda ħafna drabi għat-telgħa.  Hemm bżonn iżda li nisimgħu mill-vuċi li nstemgħet fit-trasfigurazzjoni:  Nemmnu li Ġesù huwa l-Iben il-Maħtur, u nisimgħu mill-Kelma tiegħu.

Il-Kelma

Fl-Ewwel Qari tal-lum, meħud mill-Ktieb tal-Ġenesi, għandna ċerimonja antika ta’ kuntratt li l-Lhud ħadu mingħand il-Ħittin, poplu b’kultura kbira ta’ l-istess żmien tal-Lhud.  F’din iċ-ċerimonja Alla għamel ma’ Abraham Patt li bih wegħdu nisel kbir daqs il-kwiekeb tas-sema, u li jagħti lil nislu art kbira.  Minkejja li Abraham u martu kienu mdaħħla fiż-żmien huwa emmen dak li qallu Alla.  Is-Salm 26 li ntennu fis-Salm Responsorjali, huwa għajta ta’ ferħ u faraġ li l-Mulej huwa d-dawl u s-salvazzjoni tagħna.  Fit-Tieni Qari tal-lum, fl-Ittra lill-Filippin, San Pawl itenni li għandhom jixbħu lilu, huwa li għamel ħiltu kollha biex jimxi fuq l-eżempju ta’ Kristu.  Għal Kristu u x-xandir ta’ l-Evanġelju huwa jinsab il-ħabs.  Fl-Evanġelju minn San Luqa għandna l-mument tat-Trasfigurazzjoni tal-Mulej.  Pietru saħansitra jinsa lilu nnifsu tant kemm id-dehra kienet kbira.

Il-Ħajja

  1. Qatt assistejt għat-trasfigurazzjoni tal-Mulej? Qatt ħassejt il-bidla li jġib fik il-Mulej fl-Ewkaristija?  Qatt  tennejt li tassew inti ħieni bil-preżenza fik tal-Mulej?
  2. Kemm tassew ilkoll kemm aħna nagħrfu nirringrazzjaw lill-Mulej għall-ġid kollu li jagħtina kull ħin bid-dawl u s-salvazzjoni li kisbilna?
  3. Isimgħu lilu kien il-kliem li ntemm bih id-diskors tal-konferma li nstema’ fit-Trasfigurazzjoni. Kemm tassew qed nisimgħu l-Kelma tal-Mulej u naċċettawha fil-fond ta’ qalbna?
  4. “Imma aħna pajżana tas-sema pajjiżna”, itenni San Pawl fit-Tieni Qari tal-lum. Tassew li aħna nħossuna ċittadini  tas-sema?
  5. Is-salvazzjoni tagħna għandna nħarsu lejha bħala trasfigurazzjoni – bidla – konverżjoni li hija l-garanzija li ġab Ġesù permezz tal-Predikazzjoni –Passjoni – Mewt u  Qawmien tiegħu.

Id-Djalogu

Mulej, inti d-dawl u s-salvazzjoni tiegħi.

Għinni, Mulej, inwettaq tassew ir-rieda tiegħek fija,

sabiex naċċetta u ngħix il-kelma tiegħek

ħalli matul dawn il-jiem tar-Randan

nagħraf tassew nagħtik qalbi u ħajti.

read more

DWEJJAQ – TENTAZZJONIJIET – BIDLA – L-1 Ħadd tar-Randan Ċ – Il-Ħadd 9 ta Marzu 2025

March 6, 2025

L-1 Ħadd tar-Randan

DWEJJAQ – TENTAZZJONIJIET – BIDLA

Dewteronomju 26:4-10; Salm 90; Rumani 10:8-13; Luqa 4:1-13

Il-Vanġelu

     Ġesù, mimli bl-Ispirtu s-Santu, raġa’ lura mill-Ġordan u l-Ispirtu ħadu fid-deżert. Hemm għal erbgħin jum Ġesù kien imġarrab mix-Xitan. Matul dawk il-jiem ma kiel xejn; u mbagħad, meta għaddew dawk il-jiem, ħadu l-ġuħ.  U x-Xitan qallu: “Jekk inti Bin Alla, għid lil din il-ġebla ssir ħobż.”  Wieġbu Ġesù: “Hemm miktub li ‘l-bniedem mhux bil-ħobż biss jgħix.’ ” Mbagħad ix-Xitan ħadu fl-għoli u wrieh is-saltniet tad-dinja kollha f’daqqa.  Qallu x-Xitan: “Nagħtik is-setgħa fuq dawn kollha, bil-glorja tagħhom ukoll għax hija ngħatat lili, u jiena nagħtiha lil min irrid.  Jekk tinxteħet quddiemi tagħtini qima, kollha tiegħek tkun.”  Ġesù wieġbu u qallu: “Hemm miktub, ‘Lill-Mulej Alla tiegħek tagħti qima u lilu biss taqdi.’ ”

Mbagħad ix-Xitan ħadu Ġerusalemm, qiegħdu fuq  il-quċċata tat-tempju, u qallu: “Jekk inti Bin Alla, inxteħet minn hawn għal isfel. Għax hemm miktub li ‘Lill-anġli tiegħu jordnalhom biex jieħdu ħsiebek sewwa,’  u li fuq idejhom jerfgħuk, ħalli ma taħbatx riġlek ma’ xi ġebla.’ ”  Wieġeb Ġesù u qallu: “Jingħad, ‘Iġġarrabx lill-Mulej Alla tiegħek.’ ” Mbagħad ix-Xitan meta temm dan it-tiġrib kollu, telaq minn ħdejh sa ma wasal il-waqt.

Il-Ħsieb

     “Kun miegħi Mulej fid-dwejjaq.”  Huwa t-tweġiba li ntennu fis-Salm Responsorjali tal-lum.  Huwa kliem li joħrog fil-beraħ ir-realtà li ħafna drabi ngħaddu minnha.  Iżda dan ma jfissirx li żmien ir-Randan huwa żmien id-dwejjaq…. anzi huwa mument ta’ riflessjoni u konverżjoni, mument li naraw lejn liema sens ta’ direzzjoni miexja l-ħajja tagħna lkoll.

     Kif se ngħixu dan il-mument tar-Randan?  L-ewwelnett billi lkoll kemm aħna nagħrfu u naċċettaw is-sejħa li tagħmlilna l-Knisja għall-konverżjoni b’mod sinċier.  Din is-sejħa tibda tagħmel sens fil-ħajja tagħna billi lkoll kemm aħna nisimgħu bis-serjetà l-Kelma ta’ Alla kif ukoll li nwettqu din l-istess Kelma fil-ħajja tagħna ta’ kuljum.  Huwa żmien li fih nirriflettu kemm tassew inħobbu lil Alla u qed inpoġġuh fl-ewwel post ta’ ħajjitna.

Il-Kelma

     L-ewwel Qari huwa meħud mill-Ktieb tad-Dewteronomju fejn insibu l-istqarrija tal-fidi tal-poplu Lhudi li kienet mibnija fuq il-ġrajjiet ta’ l-għaġeb li l-Mulej Alla kien għamel u baqa’ jagħmel magħhom matul iż-żminijiet.  Il-qalba ta’ dawn il-ġrajjiet kienet il-ħelsien mill-jasar ta’ l-Eġittu.  Fis-Salm Responsorjali, is-Salm 90, għandna talba lill-Mulej biex ikun magħna fil-mumenti iebsa ta’ ħajjitna.  Fit-tieni Qari, meħud mill-Ittra ta’ San Pawl lir-Rumani, San Pawl itenni li s-salvazzjoni tiġi mill-fidi fi Kristu Ġesù permezz tal-mewt u l-qawmien tiegħu.  Fil-Vanġelu tal-lum, meħud minn San Luqa, għandna r-rakkont tat-tentazzjonijiet tax-xitan fil-bidu tal-ħidma tiegħu.

Il-Ħajja

  1. Tentazzjonijiet – Dwejjaq – Bidla. Kemm tassew se nċarrtu l-maskra tagħna minn fuq wiċċna u nħarsu f’għajnejn il-Mulej u nwettqu dak li jrid minna?
  1. Ix-xitan ittanta lil Ġesù. Ix-xitan jittanta lil kull wieħed u waħda minna.  Kemm qed nieqfu lix-xitan u mhux nidħlu f’kompromessi miegħu?
  2. Il-Mulej iridna nċarrtu qlubna u nibdlu l-ħajja tagħna. Kapaċi nużaw dawn l-erbgħin jum tar-Randan biex isseħħ fina din il-bidla?
  3. Sawm – Talb – Penitenza. Iżda kollox immirat lejn il-karità li rridu nagħmlu mal-proxxmu tagħna.  Id-dwejjaq minn ġewwa fina jintemm meta niċċaħħdu aħna biex jikber ħaddieħor, biex il-proxxmu tagħna jieħu n-nifs meħtieġ.

Id-Djalogu

  Mulej, bdejna Randan ieħor.

  Agħmel li matul dawn l-erbgħin jum

  nifhem aktar xi trid minn inti,

  sabiex tassew inbiddel ħajti.

read more

JEKK TMUT, TAGĦMEL IL-FROTT – Il-5 Ħadd tar-Randan [B] – 17 ta’ Marzu 2024

March 6, 2024

Il-5 Ħadd tar-Randan [Sena B]

JEKK TMUT, TAGĦMEL IL-FROTT

Ġeremija 31:31-34;  Salm 50;  Lhud 5:7-9; Ġwanni 12:20-33

Il-Vanġelu

     Fost dawk li telgħu biex iqimu lil Alla fil-festa kien hemm xi Griegi. Dawn marru għand Filippu li kien minn Betsajda tal-Galilija, u talbuh: “Sinjur, nixtiequ naraw lil Ġesù.” Filippu mar jgħid lil Indrì, u mbagħad Indrì u Filippu marru jgħidu lil Ġesù. U Ġesù weġibhom: “Waslet is-siegħa li fiha Bin il-bniedem ikun igglorifikat.  Tassew tassew ngħidilkom, jekk il-ħabba tal-qamħ ma taqax fl-art u tmut, hi tibqa’ weħidha; imma jekk tmut, tagħmel ħafna frott. Min iħobb lil ħajtu jitlifha; imma min jobgħod lil ħajtu f’din id-dinja jħarisha għall-ħajja ta’ dejjem. Jekk xi ħadd irid jaqdini, hu għandu jimxi warajja; u fejn inkun jien, hemm ukoll ikun il-qaddej tiegħi. Min jaqdi lili, il-Missier jagħtih ġieħ.

 “Issa qiegħed inħoss ruħi mħawwda. U x’naqbad ngħid? Missier, eħlisni minn din is-siegħa? Imma jien għalhekk ġejt: għal din is-siegħa.  Missier, agħti glorja lil ismek.” Dak il-ħin instama’ leħen mis-sema: “Jiena diġà gglorifikajtu, u nerġa’ nigglorifikah.” In-nies li kienu hemm semgħuh, u qalu li kien qiegħed iriegħed. Oħrajn qalu: “Kellmu xi anġlu.” Ġesù wieġeb: “Dan il-leħen ma ġiex għalija, imma għalikom.  Il-ġudizzju ta’ din id-dinja qiegħed isir issa. Issa se jitkeċċa l-Prinċep ta’ din id-dinja. U meta nintrefa’ ‘l fuq mill-art, jiena niġbed il-bnedmin kollha lejja.” Hu qal dan biex jurihom b’liema mewt kien sejjer imut.

 

Il-Ħsieb

     “Jekk il-ħabba tal-qamħ ma taqax fl-art u tmut, hi tibqa’ waħedha; imma jekk tmut tagħmel ħafna frott.”  Dan kliem Ġesù.  Kliem iebes.  Kliem li jitlob mhux biss li nifhmu b’liema mħabba ħabbna Hu, iżda wkoll fuq liema kriterju rridu nfasslu l-ħajja ta’ kull wieħed u waħda minna.  Kontinwament irridu mmutu aħna biex jidher hu fl-għemil tagħna.  Kontinwament irrid niċkien jien biex jikber aktar Kristu fl-għemil tiegħi.  Kontinwament irridu noqtlu l-egoiżmu tagħna biex toħroġ fil-beraħ it-tjubija u l-imħabba li permezz tagħna l-Mulej jista’ jwassal lejn ħaddieħor.  Aktar ma nersqu lejn il-jiem tal-Ġimgħa Mqaddsa, aktar nifhmu li l-imħabba li biha ħabbna l-Mulej Ġesù hija mħabba mingħajr limiti.  Kien Alla, niżel magħna biex jifdina, fejjaq, qajjem mill-mewt, ippriedka mingħajr waqfien u aħna…. ċħadnieh, qtilnieh.  Il-Mulej meta jintrefa’ mill-art se jiġbidna lkoll lejh bis-salvazzjoni li se jagħtina.

Il-Kelma

     L-Ewwel Qari tal-lum huwa meħud mill-Ktieb tal-Profeta Ġeremija fejn insibu li l-poplu Lhudi kiser il-patt li l-Mulej kien għamel ma’ Mosè u issa jinsab f’Babel eżiljat.  F’din is-silta Alla jrid ifarraġ u jnissel fil-poplu t-tama tal-ħelsien.  Is-Salm Responsorjali huwa talba lill-Mulej biex joħloq fina qalb safja.  Fit-Tieni Qari mill-Ittra lil-Lhud naraw lil Ġesù bħala l-Qassis li qed jitlob f’mument ta’ dieqa iżda joqgħod għar-rieda tal-Missier.  Fil-Vanġelu nsibu silta mill-Vanġelu ta’ San Ġwann fejn Ġesù jippreżenta lilu nnifsu bħala l-ħabba tal-qamħ li tmut biex tagħti l-frott.

Il-Ħajja
  1. Kemm fil-ħajja tagħna qegħdin immewtu l-egoiżmu u d-difetti tagħna biex jitwieled fina l-bniedem il-ġdid?
  2. Kemm tassew inħossu li l-mewt li bata Kristu kienet immirata lejn il-qalb tagħna biex bih issalva?
  3. Kemm qed nerfgħu s-salib tagħna KULJUM, mingħajr tgemgim?
  4. F’dawn l-aħħar jiem tar-Randan kapaċi nitlob u nsum aktar biex nissaffa mill-vizzji ta’ ħajti?
Id-Djalogu

  Mulej, għinni nagħraf kull ħin

  it-tbatija li int batejt għalija,

  biex tfejjaq lili biha

  Għinni nagħraf aħjar

  niċkien jien u tikber int.

read more

MHUX ĦAQQ IŻDA ĦELSIEN – Ir-4 Ħadd tar-Randan [B]- 10 ta’ Marzu 2024

March 4, 2024

Ir-4 Ħadd tar-Randan [Sena B]

MHUX ĦAQQ IŻDA ĦELSIEN

2 Kronaki 36: 14-16; 19-23; Salm 136; Efesin 2:4-10; Ġwanni 3; 14-21

Il-Vanġelu

     U kif Mosè rafa’ s-serp  fid-deżert, hekk jeħtieġ li jkun merfugħ Bin il-bniedem,  biex kull min jemmen fih ikollu l-ħajja ta’ dejjem.  Għax Alla hekk ħabb lid-dinja li ta lil Ibnu l-waħdieni, biex kull min jemmen fih ma jintilifx, iżda jkollu l-ħajja ta’ dejjem. Għax Alla ma bagħatx lil Ibnu fid-dinja biex jagħmel ħaqq mid-dinja, imma biex id-dinja ssalva permezz tiegħu. Min jemmen fih ma jkunx ikkundannat; iżda min ma jemminx huwa ġa kkundannat, għax ma emminx fl-isem ta’ l-Iben il-waħdieni ta’ Alla. U l-ġudizzju huwa dan: li d-dawl ġie fid-dinja, imma l-bnedmin ħabbew id-dlam aktar mid-dawl, għax  l-għemil tagħhom kien ħażin. Għax kull min jagħmel il-ħażen jobgħod id-dawl, u ma jersaqx lejn id-dawl, biex għemilu ma jinkixifx. Imma min jagħmel is-sewwa jersaq lejn id-dawl, biex juri li hemm Alla f’għemilu.

 

Il-Ħsieb

min jagħmel is-sewwa jersaq lejn id-dawl, biex juri li hemm Alla f'għemilu.
     Xi ftit jew wisq min ikollu l-poter jaħseb biex jiddomina.  Wara jibda jaħseb kif jista’ jimmitiga d-dominazzjoni mas-servizz.  Xi kultant faċli jixba’ jservi iżda l-għatx għall-poter ikompli jikber.  Alla m jaħsibhiex bħalna.  Alla l-poter jużah dejjem biex jiġri warajna ħalli jgħannaqna miegħu, anki jekk aħna naħarbu minnu bil-kompromessi li nagħmlu.  Kif nistgħu nibqgħu nħobbu lil Alla jekk aħna stess forsi qatt ma rriflettejna l-kobor ta’ l-imħabba li Alla għandu għalina billi bagħat lill-uniku Iben li kellu biex jifdina, minkejja li kien jaf li d-dinja mhux se taċċettah, anzi se toqtlu għall-ġid li għamel?  Kif jista’ missier jibqa jħobb lil xi ħadd li qatel lil ibnu?

     Alla jibqa’ jħobbna.  Alla jibqa’ jiġri warajna u għalhekk bagħat lill-istess Iben tiegħu biex juri sa fejn għandha tasal l-imħabba.  Iżda Alla huwa Alla ġust.  Għalhekk, issa l-ġudizzju qed jitwettaq f’kull għemil li jiena u inti nwettqu.  Id-dawl ġie fid-dinja iżda d-dinja għażlet id-dlam u mhux id-dawl.  Jiena u inti ħafna drabi nfittxu l-ħażin minkejja li nafu fejn huwa t-tajjeb.  U din hija l-isfida kbira li jippreżenta llum Ġesù.  Huwa ġie biex jagħti d-dawl, għaliex qed nibqgħu nagħżlu d-dlam?  Minkejja li konna mejta minħabba d-dnub, Alla tana ħajja ġdida.   Hekk itenni San Pawl.  Possibbli li se nibqgħu naċċettaw id-dlamijiet ta’ ħajjitna?

Il-Kelma

     L-Ewwel Qari tal-lum, meħud mit-Tieni Ktieb tal-Kronaki, jurina kif il-jasar tal-Lhud fi żmien Babel kien frott ta’ l-infedeltà li l-poplu wera ma’ Alla lejn il-Patt tas-Salvazzjoni.  Iżda Alla dejjem  jiċċaqlaq minn rajh biex isalva.  Fis-Salm Responsorjali naraw li l-Lhud fl-eżilju ta’ Babel ma jistgħux jinsew il-Patt li Alla għamel magħhom f’Sijon.  Fit-Tieni Qari tal-lum, mill-Ittra ta’ San Pawl lill-Efesin, nisimgħu lil San Pawl jgħidilna li s-salvazzjoni għandha tiġi mis-sehem li nieħdu mill-ġrajjiet ta’ Kristu.  Fil-Vanġelu ta’ San Ġwann għandna lil Ġesù jkellem lil Nikodemu fejn jurih x’tip ta’ Messija kien Kristu, dak li jfejjaq il-ġrieħi billi jmut fuq is-salib.  Alla dejjem jibqa’ fidil lejn il-Patt tiegħu.  Huwa l-bniedem li qatt m’hu ċert x’se jirrispondi għall-imħabba ta’ Alla.

Il-Ħajja

  1. Kif qed twieġeb għas-sejħa ta’ fejqan li qed jagħmillek Kristu f’dan ir-Randan? X’gidmiet ta’ sriep għandek fil-ħajja tiegħek?  Qed tħalli lil Kristu jfejqek?
  2. Kemm qed taċċetta l-patt ta’ mħabba li jagħmel miegħek Kristu kuljum, b’mod speċjali fl-Ewkaristija? Kemm qed tistennieh u tkun sinċier ma’ Kristu?
  3. Il-Mulej issallab għalik. Inti msallab għal xi ħadd?
  4. Kemm qed turi mħabbtek fl-għajxien tiegħek kuljum għall-Mulej?

Id-Djalogu

    O Alla, inti tant ħabbejtni li bgħatt lil Ibnek.

    Agħmel li nagħraf din il-grazzja kuljum.

read more

IS-SUQ TAL-KOMPROMESSI – It-3 Ħadd tar-Randan [B] – 3 ta’ Marzu 2024

February 26, 2024

It-3 Ħadd tar-Randan [Sena B]

IS-SUQ TAL-KOMPROMESSI

Eżodu 20: 1-17; Salm 18; 1 Korintin 1:22-25; Ġwanni 2:13-25

Il-Vanġelu

     Kien qorob l-Għid tal-Lhud, u Ġesù tela’ Ġerusalemm. Fit-tempju sab min qiegħed ibigħ barrin, nagħaġ u ħamiem, u min kien bilqiegħda jsarraf il-flus. Għamel sawt mill-ħbula, u keċċiehom ilkoll ‘il barra mit-tempju, bin-nagħaġ u l-barrin tagħhom; xerred il-flus ta’ dawk li kienu jsarrfu, u qalbilhom l-imwejjed. U lill-bejjiegħa tal-ħamiem qalilhom: “Warrbu dawn minn hawn, u dar Missieri tagħmluhiex dar tan-negozju!” Id-dixxipli ftakru f’dak li kien hemm miktub fl-Iskrittura, “Il-ħeġġa għal darek fnietni.’ Mbagħad il-Lhud qabdu u qalulu: “X’sinjal se turina li inti tista’ tagħmel dan?” Ġesù weġibhom: “Ħottu dan it-tempju, u fi tlitt ijiem nerġa’ ntellgħu.” Għalhekk il-Lhud qalulu: “Dan it-tempju ħa sitta u erbgħin sena biex inbena, u int se ttellgħu fi tlitt ijiem?” Iżda hu tkellem fuq it-tempju tal-ġisem tiegħu. Meta mbagħad qam mill-imwiet, id-dixxipli tiegħu ftakru f’dan li kien qal, u emmnu fl-Iskrittura u fil-kliem li kien qal Ġesù.

     Waqt li kien Ġerusalemm għall-festa ta’ l-Għid, kien hemm ħafna li emmnu f’ismu billi raw is-sinjali li kien jagħmel. Imma Ġesù, min-naħa tiegħu, ma kienx jafda fihom, għax hu kien jaf lil kulħadd u ma kellux bżonn min jagħtih xhieda fuq il-bniedem, għax hu stess kien jaf x’hemm fil-bniedem. 

 

Il-Ħsieb

     Huma ħafna dawk li jaħsbu li llum jaqbillek tkun Nisrani tal-KONVENJENZA milli tal-KONVINZJONI.  Għaliex li tkun Nisrani konvint ifisser li trid tirfes il-kallijiet; trid toqros fil-laħam il-ħaj ibda minnek stess.  F’dinja li tippriedka l-konvenjenza u l-kompromessi, din hi mixja kbira kontra l-kurrent, mixja li ħafna nsara jaqtgħu nifishom imqar jaħsbu fuqha.  Ġesù llum jitkellem u jaġixxi b’mod ċar u aggressiv.  Huwa Ġesù radikali mhux għall-fatt li kaxkar ’il barra lil dawk li mit-tempju għamlu suq, iżda fuq kollox għax iċanfar il-mod ta’ ipokresija li ħafna nsara qed jgħixu l-ħajja tagħhom.  Hemm bżonn li niddeċiedu.  Hemm bżonn li naraw jekk ħajjitna wkoll saritx suq ta’ kompromessi, suq fejn qed naċċettaw kollox; suq fejn minflok tempju ta’ Alla, billi nfittxu li nwettqu dak li jrid Alla minna, qed nagħmlu minn ħajjitna aċċettazzjoni bla sens ta’ dak li toffri d-dinja, mingħajr lanqas biss nagħmlu domandi jekk dak li qed inwettqu jmurx tajjeb mal-fidi tagħna.

     Ġesù tkellem dwar it-tempju tal-Ġisem tiegħu u jridna, f’dan il-kliem, naraw it-tempju ta’ ġisimna.  Naraw kemm tassew qed nindunaw bil-fejqan għal ġisimna u ħajjitna li qed joffrilna Ġesù bil-passjoni u l-mewt tiegħu.  Naraw kemm qed naċċettaw dawn il-mumenti ta’ fejqan u kemm qed nippruvaw, minkejja d-dgħufija tagħna, nimxu kontra l-kurrent.

Il-Kelma

     Fl-Ewwel Qari meħud mill-Ktieb ta’ l-Eżodu, insibu r-rakkont li, wara l-ħelsien tal-poplu mill-jasar ta’ l-Eġittu, Alla ried jidħol mal-poplu f’patt ta’ ħbiberija.  Fuq il-muntanja Sinai, permezz ta’ Mosè, Alla ntrabat li jagħżel il-poplu Lhudi bħala l-Poplu tiegħu, kemm-il darba l-poplu jaċċetta li jimxi fuq il-liġi tiegħu.  Fis-Salm Responsorjali, meħud minn Salm 18, għandna għanja lill-Mulej li għandu l-kliem tal-ħajja ta’ dejjem.  Fit-Tieni Qari tal-lum, meħud mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl lill-Korintin, għandna l-predikazzjoni tan-Nisrani li trid tkun is-Salib.  Fil-Vanġelu tal-lum, meħud minn San Ġwann, insibu lil Ġesù jżur it-tempju u jqaċċat ’il barra lil dawk li mit-tempju għamlu suq.  Dawk li marru kontra r-rieda ta’ Alla.  Huwa jħabbar li se jmut u jqum wara tlett ijiem.

Il-Ħajja
  1. Il-Mulej qaċċathom ’il barra mit-tempju għax għamlu mit- tempju suq.  X’se jgħid il-Mulej fuq it-tip ta’ ħajja li qed  tgħix? Tingħaraf fik il-marka tan-Nisrani?
  2. Kemm tassew qed ixxandar bil-ħajja tiegħek lil Kristu Msallab? Kemm int kapaċi tgħix is-salib ta’ kuljum?
  3. Il-Mulej illum iridna nagħmlu għażla ċara. Jekk se nimxu warajh nitfgħu ’l barra l-kompromessi. Kemm tassew ħafna drabi b’għemilna qed inkunu ta’ skandlu, qed niżirgħu l-għira?
  4. Il-Mulej daħal f’patt ta’ mħabba u ħbiberija magħna. X’qed nagħmlu biex nirreċiprokaw dan il-patt?
Id-Djalogu

  Mulej, inti tħobbni,

  dħalt f’patt ta’ mħabba miegħi.

  Għinni, Mulej, biex fil-jiem li fadal tar-Randan

  nagħraf nitnaddaf minn kull kompromess,

  biex inkun Nisrani konvint

  u nagħti xhieda tiegħek.

read more

KUNTENT BISS FIL-GLORJA! – It-2 Ħadd tar-Randan [B] – 25 ta’ Frar 2024

February 17, 2024

It-2 Ħadd tar-Randan [Sena B]

KUNTENT BISS FIL-GLORJA!

Ġenesi 22: 1-2,9a 15-18; Salm 115; Rumani 8 31b-34; Mark 9:2-10

Il-Vanġelu

     F’dak iż-żmien, Ġesù ħa miegħu lil Pietru u lil Ġakbu u lil Ġwanni, tellagħhom weħidhom fuq muntanja għolja, u tbiddel quddiemhom.  Lbiesu sar abjad u jgħammex b’dija ta’ l-għaġeb: ebda ħassiel fid-dinja ma jista’ jġib il-ħwejjeġ bojod daqshekk.  U dehrilhom Elija ma’ Mosè, jitkellmu ma’ Ġesù.  Qabad Pietru u qal lil Ġesù: “Mgħallem, kemm hu sew li aħna hawn! Ħa ntellgħu tliet tined, waħda għalik, waħda għal Mosè, u waħda għal Elija.”  Dan qalu għax ma kienx jaf x’jaqbad jgħid bil-biża’ kbir li waqa’ fuqhom.  Mbagħad ġiet sħaba u għattiethom, u minn ġos-sħaba nstama’ leħen jgħid: “Dan hu Ibni l-għażiż, isimgħu lilu.”  Minnufih taw ħarsa madwarhom, u ma raw lil ħadd iżjed magħhom ħlief lil Ġesù waħdu.

    Huma u neżlin minn fuq il-muntanja, tahom ordni biex ma jitkellmu ma’ ħadd fuq li kienu raw qabel ma Bin il-bniedem ikun qam mill-imwiet.  Huma żammew kollox moħbi, iżda bdew jistaqsu lil xulxin x’kien ifisser ‘tqum mill-imwiet’.  

 

Il-Ħsieb

Dan hu Ibni l-għażiż, isimgħu lilu.
     Kemm huwa sabiħ li tgħix il-fidi tiegħek fil-kumdità u fil-fsied meta ħadd ma jittikak jew jostakolak u ħadd ma jagħtik trouble.  Sabiħ li għix il-ħajja nisranija fil-kwiet mingħajr fastidju.  Fil-waqt li fit-Trasfigurazzjoni naraw lil Ġesù fil-Glorja u saħansitra Pietru nesa lilu nnifsu.  Ġesù, wara li wera u tahom il-garanzija li tassew se jagħtihom il-glorja, indikalhom li xogħolhom huwa ’l isfel mill-muntanja, fid-dinja, fil-ħajja ta’ kuljum.  Huwa faċli li tkun ma’ Kristu fil-glorja.  Huwa aktar iebes li tkun ma’ Kristu fit-tbatija, jum wara jum.

Il-Kelma

     L-Ewwel Qari tal-lum huwa meħud mill-Ktieb tal-Ġenesi fejn il-fidi ta’ Abraham tilħaq il-quċċata tagħha meta jiġi mitlub joffri lil Alla l-egħżeż ħaġa li kellu – ibnu  l-waħdieni.

     Fis-Salm 115, fis-Salm Repsonsorjali, insibu talba lill-Mulej biex, bħal Abraham, nimxu fir-rieda ta’ Alla.  Fit-Tieni Qari, fl-Ittra ta’ San Pawl lir-Rumani, insibu li l-patt tiegħu magħna Alla wettqu bis-sħiħ bis-saħħa ta’ Ibnu stess, fejn Alla l-Missier wera li għandu mħabba bla tarf.  Fil-Vanġelu Ġesu jidher fil-glorja bħala l-Iben t’Alla.

Il-Ħajja
  1. Fil-Ħajja tagħna ta’ kuljum, kemm tassew nifhmu l-kobor tal-glorja t’Alla li tidher kontinwament fina?
  2. Kemm inti konvint li tgħid l-istess kliem li San Pawl tenna lir-Rumani:  Jekk Alla magħna min jista’ jkun kontra tagħna?
  3. Tħoss il-preżenza ħajja ta’ Alla fik? Kemm tassew dan ir-Randan jista’ jgħinek biex tħoss aktar il-preżenża t’Alla  miegħek?
  4. Abraham, fl-offerta ta’ Ibnu, wera li għandu fidi kbira f’Alla. Kemm tassew nistgħu ngħidu li aħna għandna fidi kbira fil-Ħallieq tagħna?
Id-Djalogu

  Mulej Alla tagħna

  agħamel li dak kollu li nwettaq

  nagħmlu fir-rieda tiegħek.

read more