san-pawl

NAWFRAĠJU! – L-Appostlu Missierna San Pawl – 10 ta’ Frar 2024

February 7, 2024

10 ta’ Frar:  L-Appostlu Missierna San Pawl

NAWFRAĠJU!

Għerf 14, 3-7; Salm 106; Atti 27, 16-28,6; Mark 16, 15-20

Il-Vanġelu

U qalilhom: “Morru fid-dinja kollha, xandru l-Evanġelju lill-ħolqien kollu.  Min jemmen u jitgħammed, isalva; iżda min ma jemminx, ikun ikkundannat.  U dawn huma s-sinjali li jsieħbu lil dawk li jemmnu: f’ismi jkeċċu x-xjaten, jitkellmu b’ilsna ġodda, jaqbdu s-sriep b’idejhom, u jekk jixorbu xi xorb li jġib il-mewt ma jagħmlilhomx ħsara; iqiegħdu idejhom fuq il-morda u dawn ifiqu.” U hekk il-Mulej Ġesù, wara li kellimhom kien imtella’ fis-sema u qagħad in-naħa tal-lemin ta’ Alla. Huma mbagħad marru jippritkaw kullimkien; il-Mulej kien jaħdem magħhom u jwettaq il-kelma bil-mirakli li kienu jsiru magħha.

Il-Ħsieb

Jeħtieġ iżda li naħbtu ma’ gżira (Atti 27:26)
San Pawl, anzi l-ġifen tiegħu, tfarrak mal-gżejjer Maltin.  Tidher diżgrazzja kbira li minnha iżda ħarġet grazzja mhux biss għaliex ħadd minn dawk li kienu fuq il-ġifen ma tfarrku jew intilfu iżda wkoll għaliex San Pawl kien għodda f’idejn Alla biex ġab il-fidi lil gżiritna.  San Pawl ġie bħala missjunarju u żera’ żerriegħa li minnha ħarġet żerriegħa missjunarja kbira għaliex aħna l-Maltin mhux biss għożżejna din il-fidi talli nies kuraġġużi Maltin, reliġjużi u lajċi, ħallew ġżiritna tul is-snin biex marru jwasslu l-fidi f’artijiet oħra.  Il-Providenza ħasbet fina l-Maltin.  Ftit huma dawk il-pajjiżi li għandhom isimhom minqux fl-Iskrittura Mqaddsa.  Huwa mument mhux biss ta’ tifkira iżda ta’ tiġdid għalina l-Maltin.

Il-Mulej Ġesù ħabbna fuq li ħabbna tant li bagħtilna wieħed mid-dixxipli tiegħu, l-Appostlu tal-Ġnus, biex jiżra’ l-fidi fil-qalb tagħna.

Missirijietna ħabbewh mill-ewwel.  San Pawl, minkejja li kien għadu priġunier, ma beżax iwasslilna l-kelma ta’ Alla li dehret bil-kliem li wettaq u bil-mirakli li għamel ta’ fejqan.  San Pawl seraq il-qlub tal-Maltin u żera’ fihom iż-żerriegħa tas-salvazzjoni dejjiema…. Iżda llum dan kollu huwa storja?  Kemm tassew fadal fidi fil-poplu Malti?

Il-Kelma

Fl-Ewwel Qari tal-lum, meħud mill-Ktieb ta’ l-Għerf, naraw li kulma jseħħ fid-dinja jseħħ minħabba l-Providenza ta’ Alla.  Is-Salm Responsorjali, minn Salm 106, huwa għanja ta’ tifħir lill-Mulej għall-għeġubjijiet li jagħmel mal-bnedmin.  Fit-Tieni Qari, mill-Atti ta’ l-Appostli, għandna r-rakkont tan-nawfraġju ta’ San Pawl fuq gżiritna.  Fil-Vanġelu ta’ San Mark għandna lil Ġesù jagħti l-mandat u l-missjoni lill-Appostli biex imorru JXANDRU AĦBAR TAJBA u jgħammdu lill-ġnus.

Il-Ħajja

San Pawl ġie Malta u wettaq dak mitlub minnu mill-Mulej.  Ġabilna fejqan bil-kelma u fejqan bil-mirakli li wettaq.  Il-fidi żammet lill-poplu Malti ħaj tul dawn is-sekli kollha.  Illum huwa jum ta’ ringrazzjament nazzjonali lil Alla għal din il-grazzja li tana.  Iżda wkoll jum ta’ tiġdid fil-fidi li tgħinna lkoll meta ngħixuha mhux biss fuq livell individwali iżda anki fuq dak kollettiv bħala nazzjon.  Kemm tassew il-familji Maltin għad għandhom lil Ġesù fiċ-ċentru ta’ ħajjithom?  Ħafna drabi naqgħu fl-iżball li ninġarru minn modi u kurrenti li huma frontali kontra l-valuri tal-fidi tagħna.  Inġibu l-gwaj b’idejna.  U dan narawh mill-esperjenza tagħna ta’ kuljum.  Liema huma l-mumenti tal-veru ferħ fil-ħajja tagħna?  Kemm tassew qed nitolbu kull ħin maħfra lill-Mulej u nitolbuh idawwal l-għemil tagħna?

Id-Djalogu

Mulej, San Pawl żera’ ż-żerriegħa tal-fidi fil-poplu Malti.  Għinni, lili bħala Malti, biex inkompli din il-missjoni tiegħu fi gżiritna bl-għemil u bit-twemmin tiegħi.

read more