Ħobbu ‘l-Għedewwa tagħkom – Prayer Café: 21 ta’ Frar 2014
Fr. Charles tenna mal-ewwel li dan il-vanġelu jkompli ma’ dak tal-Ħadd li għadda wara s-silta tad-diskors tal-muntanji. issa nsibu il-vanġelu tal-Ħadd li ġej li huwa vanġelu iehor li jitlob ħafna perseveranza li nifhmuh u ngħixuh u jitlob ukoll ħafna fidi. Għaliex Ġesu’ mhux qed jitlob il-faċli u l-fidi kultant tmur kontra n-natura tal-bniedem.
Ħarsa lejn il-liġi Lhudija biex tgħinna nifhmu l-Vanġelu.
Fl-istorja ġeopolitika tal-Lhud tixhed dan il-vanġelu u naraw li għadhom hekk sal-lum .
‘Għajn b’għajn u sinna b’sinna’ – il-liġi tat- tpattija, fejn min jirċievi l-ħsara għandu d-dritt leġali tal-vendetta minkejja liġijiet internazzjonali. Fil-ġlied bejn il-Lhud u l-Palestinjani wieħed jinnota li qishom qatt ma’ jagħmlu pass ’il quddiem u dan minħabba l-liġijiet tar-reliġjon tagħhom. Il-Liġi Lhudija tgħid hekk ‘Ħobb lill-proxxmu tiegħek u obgħod lill-għadu tiegħek’ u din il-mentalita għadha qawwija sal-lum. Infatti Fr .Charles sostna dan billi semma ġrajja li seħħet madwar 20 sena ilu fejn fl-Istitut Bibliku tad-Dumnikani f’Jerusalem, L‘Ecole Biblique, kien hemm partri li waqt li kien qed isuq tajjar tifel. It-tifel ittieħed l-Isptar u wara ftit miet. Il-Liġi tal-Lhud kienet tagħti lil missier jew l-omm ta’ dan it-tifel li joqtol il-patri. Imbagħad intlaħaq ftehim b’ċifra għolja ta’ flus biex ipattu għad-danni li kien sar. Pero’ xorta, minkejja li ħallsu l-flus, din il-familja, legalment ma ħelsithomx <li dak il-missier seta’ jinħeles milli jqum bil-lejl u jgħid Fr X qatilli t-tifel mela jien sa noqtlu. >
Huwa dan li qed jgħid Ġesu’ fejn il-liġi ipperfezjonaha billi qalibha ta’ taħt fuq.
‘Ħobbu lill-egħdewwa tagħkom u itolbu għal dawk li jipperseqwitawkom, biex tkunu wlied Missierkom.’ Ġesu’ qed jenfazizza messaġġ.
Iżda hawnhekk Fr. Charles staqsa, ‘Allura Ġesu’ jridna bħaħen?’ Wieħed ma jridx jinsa li Ġesu’ stess iġġieled għall-ġustizzja, jiġifieri Ġesu’ ma jridnix bħahen. Meta tista’ tpatti ‘l-għadu tiegħek bl-imħabba agħmlu ħalli tkun minn fuq int. Eżempju li ġab Fr. Charles huwa, toqgħodx tistenna li jibagħtulek Kartolina tal-Milied biex imbagħad tibgħat waħda int. Le ibgħat int l-ewwel ħalli tkun dejjem int minn fuq. ‘Għax jekk intom tħobbu lil min iħobbkom, xi ħlas jistħoqqilkom? Mhux il-publikani wkoll jagħmluh dan.’ Jekk xi ħadd fil-familja l-anqas biss jiftakar għeluq sninek, meta tasallek l-okkazzjoni tgħidx , issa inpattihielu,. Tkun ferħan meta inti tagħmel l-azzjoni. Dan huwa il-punt li qed jgħid Ġesu’. ‘..u itolbu għal dawk li jippersegwitawkom..’ MHUX FAĊLI imma hija importanti li ngħixu l-vanġelu. Ħa naqgħu, ħa niżolqu, imma dejjem għandna nqumu u nimxu ‘l quddiem.
Din hija l-ġlieda magħna nfusna. Fr Charles beda u spiċċa billi qal mhux vanġelu faċli imma mhux impossibli li ngħixuh.
Il-laqgħa kompliet b’aktar tagħrif, mistoqsijiet u tweġibiet minn Fr. Charles. U b’dan intemm dan il-blog post tiegħi billi inħeġġiġkom li tiġu u tisimgħu intom dan u ħafna aktar. Mhux faċli imma mhux impossibli!
BlogPost minn Joanna Ciantar