Is-sena 1984 rat it-twaqqif ta’ Komunità Kerŷgma minn Fr. Charles Fenech O.P., saċerdot Dumnikan, komunità żgħira mibnija fuq adoloxxenti u żgħażagħ bl-għajta ta’: “għal impenn Kristjan fis-soċjetà”. Fis-sena 1987, fid-19 ta’ Mejju l-Provinċja Dumnikana Maltija aċċettat din il-komunità bħala Moviment Dumnikan, mwaqqfa madwar il-kariżma Dumnikana ta’ talb u formazzjoni għal impenn Kristjan fis-soċjetà: għajta mtennija lejn l-Adulti, Żgħażagħ, Adoloxxenti u Tfal, bi proġetti ta’ formazzjoni Nisranija.
“għal impenn Kristjan fis-soċjetà”
Il-Moviment Kerŷgma kellu mpatt qawwi fis-soċjetà Maltija mhux biss bil-laqgħat ta’ talb u formazzjoni li kien u għadu jwettaq kull ġimgħa, iżda b’inizjattivi ta’ kultura, edukazzjoni u sports. Ta’ min isemmi t-twaqqif taċ-Ċentru Kulturali Kerŷgma fil-Kunvent tad-Dumnikani r-Rabat, il-Kampanja Nazzjonali Solidarjetà bl-Isports li saret bejn l-1986 u l-2004, il-Premju Nazzjonali Żagħżugħ tas-Sena, il-Kerŷgma Seminar, il-Peacefest, Adoramus Dominum, Proġetti ta’ Volontarjat Internazzjonali, il-magażin l-Impenn Kristjan, it-twaqqif ta’ Radju Marija, Christour Children’s Choir, il-Kor Kerŷgma u t-Teens 4 Jesus.
Il-Moviment Kerŷgma għadu sal-lum jaħdem fid-dawl tat-tagħlim tal-Knisja, ispirat mill-kariżma Dumnikana lejn Evanġelizzazzjoni ġdida tas-soċjetà tagħna.