Priedki

FARIŻEJ? – It-22 Ħadd Matul is-Sena – Il-Ħadd 1 ta’ Settembru 2024

August 24, 2024

It-22 Ħadd Matul is-Sena

GĦAJXIEN TA’ FARIŻEJ

Dewteronomju 4, 1-2,6-8; Salm 14; Ġakbu 1,17-18,21b-22,27; Mark 7, 1-8, 14-15,21-23

Il-Vanġelu

F’dak iż-żmien, il-Fariżej u xi wħud mill-kittieba li ġew minn Ġerusalemm inġabru ħdejn Ġesù, u raw li xi wħud mid-dixxipli tiegħu kienu qegħdin jieklu b’idejhom mhumiex indaf, jiġifieri mhumiex maħsulin. Għax il-Fariżej, u l-Lhud kollha, biex iħarsu t-tradizzjoni ta’ missirijiethom, ma jmissux ikel qabel ma jkunu ħaslu idejhom sewwa; hekk ukoll wara li jerġgħu lura mis-suq, ma jiklux jekk ma jinħaslux; u għandhom bosta drawwiet oħra li baqgħu marbutin magħhom minn żmien għal ieħor, bħalma huma l-ħasil tat-tazzi u tal-buqari u tal-ktieli tal-bronż. Mela, il-Fariżej u l-kittieba staqsewh: “Dan l-għala d-dixxipli tiegħek ma jġibux ruħhom skont it-tradizzjoni ta’ missirijiethom, imma jieklu b’idejhom mhumiex indaf?” Iżda hu weġibhom: “Sewwa ħabbar Isaija fuqkom, ja nies ta’ wiċċ b’ieħor, bħalma hu miktub: ‘Dan il-poplu, bix-xufftejn biss jagħtini ġieħ, imma qalbhom hija ’l bogħod minni. Fiergħa hi l-qima li jagħtuni; jgħallmu duttrina li mhijiex għajr preċetti tal-bnedmin.’  Hekk intom, twarrbu l-kmandamenti ta’ Alla biex tħaddnu t-tradizzjoni tal-bnedmin.” Raġa’ sejjaħ in-nies lejh u qalilhom: “Isimgħuni, intom ilkoll, u ifhmuni! Ma hemm xejn minn barra li meta jidħol fi bniedem itebbgħu; imma dak li joħroġ minn ġol-bniedem, dak hu li jtabba’ lill-bniedem. Għax hu minn ġewwa, mill-qalb tal-bniedem, li joħorġu l-ħsibijiet il-ħżiena, żína, serq, qtil, adulterju, regħba, ħażen, qerq, libertinaġġ, għira, malafama, suppervja u bluha. Dal-ħażen kollu minn ġewwa joħroġ u jtabba’ lill-bniedem.”

 

Il-Ħsieb

     “Dan il-poplu bix-xofftejn biss jagħtini ġieħ, imma qalbhom hija ’l bogħod minni.”  Hekk iċanfar Ġesù lill-Fariżej u bl-istess ton u diskors iċanfar Ġesù lilna lkoll li ngħidu li nħobbu lil Ġesu, li mmorru l-quddies nhar ta’ Ħadd, li nagħmlu l-preċetti tiegħu iżda meta niġu biex nagħtu xhieda tiegħu aħna ħafna ’l bogħod minnu.  Huwa dan il-ħsieb dominanti tal-liturġija tal-lum:  kemm bħala bnedmin għandna post għal Alla fil-qalb tagħna, kemm verament il-fidi li nħaddnu hija xi ħaġa mibnija fuq il-konvinzjoni.  Kemm tassew aħna m’aħniex nies li nsegwu biss riti kultwali fil-ħajja tagħna mingħajr ma nagħtu każ li l-fidi tagħna hija xi ħaġa mibnija fuq imħabba ħajja lejn dak Alla li ħalaqna.  Ħafna drabi nkunu l-ewwel nies li nippuntaw subgħjna ta’ kundanna lejn ħaddieħor u ma narawx dak kollu li għaddejjin minnu aħna.

Il-Kelma

     Fl-Ewwel Qari mill-Ktieb tad-Dewteronomju għandna lil Mosè li jwissi lill-poplu biex mhux biss josserva bir-reqqa l-liġijiet li tah Alla, iżda wkoll biex, fl-istess liġi, jara l-imħabba ta’ Alla.  Fis-Salm Responsorjali minn Salm 14, naraw li min isegwi l-liġi ta’ Alla jħobb tassew lill Alla.  San Ġakbu fl-Ittra tiegħu fit-Tieni Qari jinsisti li l-fidi trid tinżel fl-għemil.  Fil-Vanġelu ta’ San Mark insibu lil Ġesù jċanfar lill-Fariżej u jsejħilhom uċuħ b’oħra, għax minkejja li josservaw il-liġi, fil-qalb tagħhom ma hemmx post għal Alla.

Il-Ħajja

  1. Aħna Nsara li nintgħarfu biss għax immorru l-quddies il-Ħadd? Qiegħed tagħti xhieda tat-twemmin tiegħek id-dar, fil-post tax-xogħol, l-iskola?
  2. Tħoss li għandek preżenza u mħabba għal Alla f’qalbek?
  3. X’qima qed tagħti lil Alla, dik biss mitluba mill-kult u ritwali u obbligi liturġiċi?
  4. Hemm bżonn li nkunu aktar dixxipli ta’ Kristu bix-xhieda vera u ħajja li nagħtu.

Id-Djalogu

  Ħenn għalija Mulej,

  għax lilek ngħajjat il-ħin kollu.

read more

IEBES IL-KLIEM – Il-21 Ħadd Matul is-Sena – Il-Ħadd 25 t’Awwissu 2024

August 20, 2024

Il-21 Ħadd Matul is-Sena

IEBES IL-KLIEM – TELQUH!

Ġożwè 24, 1-2; 15-17; Salm 33; Efesin 5:21-32; Ġwanni 6:60-69

 

Il-Vanġelu

Ħafna dixxipli tiegħu, meta semgħuh, qalu: “Iebes dan il-kliem! Min jiflaħ jisimgħu?” Ġesù ntebaħ waħdu li d-dixxipli tiegħu kienu qegħdin igergru fuq hekk, u qalilhom: “Dan il-kliem qiegħed ifixkilkom?  Mela xi tgħidu kieku kellkom taraw lil Bin il-bniedem tiela’ fejn kien qabel? Hu l-ispirtu li jagħti l-ħajja, il-ġisem ma jiswa għal xejn. Il-kliem li jiena għedtilkom huwa spirtu u ħajja. Iżda hemm xi wħud fostkom li ma jemmnux.” Għaliex Ġesù kien jaf sa mill-bidu min kienu dawk li ma emmnux u min kien dak li kellu jittradih. U ssokta jgħidilhom: “Kien għalhekk li jiena għedtilkom li ħadd ma jista’ jiġi għandi jekk il-Missier ma jagħtihx li jiġi.” Minn dak in-nhar bosta mid-dixxipli tiegħu telquh u ma baqgħux imorru warajh. Mbagħad Ġesù qal lit-Tnax: “Tridux titilqu intom ukoll?” Wieġbu Xmun Pietru: “Mulej, għand min immorru? Inti għandek il-kliem tal-ħajja ta’ dejjem, u aħna emminna u għarafna li inti l-Qaddis ta’ Alla.”

 

Il-Ħsieb

Ġesù jitkellem ċar.  Ma jridx kompromessi.  Ġesù jridna nifhmu xi tfisser tkun dixxiplu.  Bosta dixxipli li kienu jiġru warajh ma fehmuhx jew ma ridux jifhmuh u għalhekk ma’ l-ewwel kriżi telquh.  Huwa ritratt tan-nisrani tal-lum.  Qed ngħixu f’dinja ta’ kompromessi anki mal-fidi tagħna.  Kif id-diskors ta’ Ġesù jibda jinfed l-affarijiet personali tagħna ma jogħġobniex li jindaħlilna.  Irridu ngħixu ħajjitna u nitilqu għal rasna.  Dak li għaddew minnu d-dixxipli tant snin ilu ngħaddu minnu aħna lkoll illum.

Hemm min ma jifhmekx mill-ewwel iżda jrid jibqa’ wara Ġesù, bħal Pietru: Mulej, għand min immorru?  Int għandek il-kliem tal-ħajja ta dejjem.  Ġesù anki llum jisfida l-fidi tagħna.  Tridux tmorru intom ukoll?  It-tweġiba jridha bl-għemil tagħna.

Il-Kelma

Fl-Ewwel Qari tal-lum, meħud mill-Ktieb ta’ Ġożwè, għandna l-għażla li poġġa quddiem il-poplu Lhudi Ġożwè, jew li jaqdu ’l Alla jew inkella jmorru jaqdu ’l-idoli.  Is-Salm 33 jurina li l-Mulej jisma’ t-talb ta’ l-umli u n-niedem u għalhekk importanti li nduqu u naraw kemm huwa tajjeb il-Mulej.  Ma tistax tkun taf kemm huwa tajjeb il-Mulej jekk ma tagħmilx esperjenza tiegħu u tħossu fil-ħajja tiegħek.  It-Tieni Qari huwa meħud mill-Ittra ta’ San Pawl lill-Efesin.  San Pawl jistieden lill-miżżewġin biex fl-imġieba tagħhom iġibu ruħhom fuq dik l-imħabba li kellu Kristu lejn il-Knisja tiegħu.  Fil-Vanġelu ta’ San Ġwann, wara d-diskors u l-miraklu tat-tkattir tal-ħobż, Ġesù jitkellem ċar dwar l-għażliet tan-nisrani.  Ħafna mid-dixxipli ma aċċettawhx.  Huwa jisfida lill-appostli biex jitilqu.  San Pietru jtenni:  fejn tridna mmorru?

Il-Ħajja

  1. Ġesù, bil-kliem tiegħu, jisfidana biex nagħmlu għażla ċara fil-ħajja tagħna. Int x’se tagħmel?
  2. Il-Kliem ta Ġesù huwa iebes għal dawk li jridu jgħixu l-ħajja tagħhom fil-kompromessi. Lesti ngħixu kif iridna hu?
  3. Fejn tridna mmorru Mulej? Inti għandek il-kliem tal-ħajja ta’ dejjem!
  4. Il-ħajja tagħna tista’ tkun jew mixja wara Ġesù jew mixja wara l-idoli!

Id-Djalogu

Mulej,

nixtiequ li nimxu warajk fil-ħajja tagħna ta’ kuljum.

tħallix li niġu fgati minn tant kompromessi fil-ħajja tagħna.

 

 

read more

NGĦIXU GĦAL DEJJEM – L-20 Ħadd Matul is-Sena – 18 t’Awwissu 2024

August 15, 2024

  L-20 Ħadd Matul is-Sena

NGĦIXU GĦAL DEJJEM

Proverbji 9: 1-6; Salm 33; Efesin 5:15-20; Ġwanni 6:51-58

Il-Vanġelu

    F’dak iż-żmien, Ġesù qal lin-nies: “Jiena hu l-Ħobż il-ħaj, li niżel mis-sema. Jekk xi ħadd jiekol minn dan il-ħobż jgħix għal dejjem. U l-ħobż li jiena nagħti huwa ġismi għall-ħajja tad-dinja.” Il-Lhud tlewwmu bejniethom, u bdew jgħidu: “Kif jista’ dan jagħtina ġismu biex nikluh?” Ġesù mela qalilhom: “Tassew tassew ngħidilkom, jekk ma tiklux il-ġisem ta’ Bin il-bniedem u ma tixorbux demmu, ma jkollkomx il-ħajja fikom. Min jiekol ġismi u jixrob demmi għandu l-ħajja ta’ dejjem, u jiena nqajjmu mill-imwiet fl-aħħar jum.  Għax ġismi huwa tassew ikel, u demmi hu tassew xorb.  Min jiekol ġismi u jixrob demmi jibqa’ fija u jiena fih.  Bħalma bagħatni l-Missier, li hu ħaj, u jiena ngħix b’Missieri, hekk ukoll min jiekol lili, hu wkoll jgħix bija.  Dan huwa l-ħobż li niżel mis-sema; m’huwiex bħal dak li kielu missirijietkom u mietu; min jiekol dan il-ħobż jgħix għal dejjem.”

 

Il-Ħsieb

     Preokkupazzjoni kbira u tal-biża għall-bniedem dejjem kienet il-mewt.  Mill-Ktieb tal-Proverbji, li nsibu fl-Ewwel Qari tal-lum, għandna messaġġ qawwi mill-awtur li jistieden lill-bniedem iwarrab il-bluhat biex ħajtu tkun bil-għaqal.  Hemm bżonn li nagħrfu li aħna ma aħniex għal hawn u li għalhekk huwa importanti li nfittxu l-ħwejjeġ tas-sema.  Għaldaqstant irridu nieklu l-ħobż li nieżel mis-sema biex isaħħaħna fl-għajxien, fil-fehmiet u fid-deċiżjonijiet tagħna.  Il-Mulej jagħtina dan il-ħobż biex ngħixu, mhux għal ftit żmien iżda għal dejjem.  Ir-rifju nistgħu nagħmluh biss aħna u ħadd iżjed.  Quddiem dinja li qed tistedinna għal kultura tal-mewt, Ġesù jippreżentalna stedina li hija wkoll sfida biex ngħixu miegħu għal dejjem.

Il-Kelma

     Fl-Ewwel Qari tal-lum, meħud mill-Ktieb tal-Proverbji, għandna stedina għall-għerf li għandu jwassal lill-bniedem għall-mod prudenti kif jgħix.  Is-Salm 33 li ntennu fis-Salm Responsorjali tal-lum, huwa stedina biex inkomplu nitbiegħdu mill-ħażen u nwettqu dak li jrid minna l-Mulej.  It-Tieni Qari, meħud mill-Ittra ta’ San Pawl lill-Efesin, ifisser x’għandha tkun il-ħidma tan-Nisrani li jrid jixbah lil Alla.  Fil-Vanġelu ta’ San Ġwann, fejn Ġesù jkomplu jinsisti fuq il-ħobż li jagħti l-ħajja,  Ġesù jagħti tassew lilu nnifsu.

Il-Ħajja

  1. Ġesù fl-Ewkaristija jagħti l-ħobż tal-ħajja. Kemm tassew qed napprezzaw dan il-ġest ta’ solidarjetà ma’ l-umanita?
  2. Kemm qed nifhmu dak li jtenni Ġesù meta jistedinna għall-ħobż li niżel mis-sema li se jagħtina l-ħajja ta’ dejjem?
  3. Il-ħajja tiegħi ta’ kuljum hija mibnija fuq għażliet għaqlin jew għażliet għall-eġoiżmu?
  4. Ġesù jikkonfronta l-egoiżmu tagħna bl-altruiżmu tiegħu. Ħallielna ġismu u demmu. X’seta’ jagħtina aktar biex juri mħabbtu għalina?

Id-Djalogu

  Duqu u taraw

  kemm hu tajjeb il-Mulej!

read more

Marija għalina fis-Sema – Santa Marija – Is-Sibt 15 t’Awwissu 2024

August 13, 2024

15 ta’ Awwissu:  Marija Mtellgħa s-Sema

MARIJA GĦALINA FIS-SEMA

Apokalissi 11,19a,12,1-6a,10ab; Salm 44;1 Kor.15, 20-26; S.Luqa 1,39-56

 

Il-Vanġelu 

F’dawk il-ġranet Marija qamet u marret tħaffef lejn l-għoljiet, f’belt tal-Lhudija. Daħlet għand Żakkarija u sellmet lil Eliżabetta.  Malli Eliżabetta semgħet lil Marija ssellmilha, it-tarbija qabżet fil-ġuf tagħha u Eliżabetta mtliet bl-Ispirtu s-Santu; u nfexxet f’għajta kbira u qalet: “Mbierka inti fost  in-nisa, u mbierek il-frott tal-ġuf tiegħek! U minn fejn ġieni dan li omm il-Mulej tiegħi tiġi għandi? Għax ara, malli smajt f’widnejja leħen it-tislima tiegħek, it-tarbija li għandi fil-ġuf qabżet bil-ferħ. Iva, hienja dik li emmnet li jseħħ kull ma bagħat jgħidilha l-Mulej!”

Mbagħad qalet Marija:

Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej,  

u l-ispirtu tiegħi jifraħ f’Alla s-Salvatur tiegħi, għax hu xeħet għajnejh fuq iċ-ċokon tal-qaddejja tiegħu.

Iva, minn issa ‘l quddiem kull nisel isejjaħli hienja,

għax is-setgħani għamel miegħi ħwejjeġ kbar;

qaddis hu l-isem tiegħu.

Il-ħniena tiegħu tinfirex f’kull żmien fuq dawk li jibżgħu minnu.

Hu wera l-qawwa ta’ driegħu,

xerred lil dawk li huma mkabbra f’qalbhom.

Niżżel is-setgħana minn fuq it-tron tagħhom,

u għolla ċ-ċkejknin.

Mela b’kull ġid lil min hu bil-ġuħ,

u l-għonja bagħathom ‘il barra b’xejn.

Ħa ħsieb Iżrael qaddej tiegħu,

għax ftakar fil-ħniena tiegħu,

bħalma wiegħed lil missirijietna,

b’riżq Abraham u nislu għal dejjem.

Marija baqgħet ma’ Eliżabetta għal tliet xhur u mbagħad reġgħet lura lejn darha.

 

Il-Ħsieb

Santa Marija.  Festa ferm għażiża għalina l-Maltin u l-Għawdxin mhux biss għax tiġi ċċelebrata f’numru kbir ta’ parroċċi, iżda għaliex din il-ġurnata fil-fatt hija sinjal ta’ protezzjoni Marjana fuq il-gżejjer tagħna.  Imma minkejja li forsi llum Marija tgħaddi minn ħafna mit-toroq tagħna mimlija bid-deheb, sinjal ta’ rispett tal-poplu Malti, fost l-isparar u l-murtali, Marija tgħaddilna messaġġ qawwi.  Biex nissejħu uliedha rridu nixbħuha.  Kif?  Fis-sempliċità u fl-umanità tagħha.  Fis-servizz li hija tat lil Eliżabetta u lill-umanità.

Santa Marija.  Festa mhux ta’ sparar imma ta’ riflessjoni ta’ kemm tassew qed ngħixu u nimitaw lil ommna.  Hawn tassew naraw kemm jixirqilna nsejħulha OMMNA MARIJA.  Illum qed niċċelebraw it-Tlugħ fis-Sema ta’ Marija.  Alla refgħalha post speċjali għal dak li għamlet fl-istorja ta’ l-umanità.  Lejn dan il-post qed naspiraw aħna.

 

Il-Kelma

Is-silta li naqraw illum fl-Ewwel Qari, mill-Apokalissi ta’ San Ġwann, id-dehra tal-mara bi tnax-il kewkba, it-tradizzjoni tal-Knisja (ibda minn Santu Wistin u San Bernard) tapplikahom għall-Verġni Marija.  Il-Konċilju Vatikan II jurina li l-ħajja ta’ Marija hija marbuta mal-ħajja tal-poplu l-ġdid ta’ Alla.  Fis-Salm Responsorjali, illum għandna tifħir lill-Mulej għal Marija li hija l-għarusa magħżula minn Alla.  Fit-Tieni qari, mill-ewwel Ittra lill-Korintin, San Pawl juri kif fil-Qawmien ta’ Kristu mill-mewt jiġbor il-qawmien tagħna lkoll.

Fil-Vanġelu ta’ San Luqa għandna l-ġest ta’ servizz li Marija għamlet lil Eliżabetta u t-tifħir tagħha lil Alla fil-Magnificat.

 

Il-Ħajja

1.  Xi tfisser il-festa tal-lum għalik?

2.  Xi tfisser Marija għalik?

3.  Tassew tidher minn ħajtek li Marija hi ommok?

4.  Kif qed twassal l-eżempju ta’ Marija f’darek?

 

Id-Djalogu

Sliem għalik, Marija!

read more

PROPOSTA GĦAT-TGERGIR! – It-19-il Ħadd Matul is-Sena – 11 t’Awwissu 2024

August 8, 2024

It-19-il Ħadd Matul is-Sena

PROPOSTA GĦAT-TGERGIR!

1 Slaten 19:4-8; Salm 33; Efesin 4,30-5,2; Ġwanni 6:41-51

Il-Vanġelu

      Il-Lhud bdew igergru fuqu għax kien qal, ‘Jiena hu l-ħobż li niżel mis-sema.’  U bdew jgħidu: “Dan m’huwiex Ġesù bin Ġużeppi? Lil missieru u ‘l ommu ma nafuhomx? Mela kif qiegħed jgħid, ‘Jiena nżilt mis-sema’?” Ġesù weġibhom: “Toqogħdux tgorru bejnietkom.  Ħadd ma jista’ jiġi għandi jekk il-Missier li bagħatni ma jiġbdux lejja; u jiena nqajjmu mill-imwiet fl-aħħar jum.  Hemm miktub fil-Profeti, ‘U kulħadd ikun mgħallem minn Alla.’ Mela kull min jisma’ lill-Missier u jitgħallem minnu jiġi għandi.  Mhux għax xi ħadd qatt ra lill-Missier ħlief dak li hu minn Alla; hu dan li ra lill-Missier. Tassew tassew ngħidilkom, min jemmen għandu l-ħajja ta’ dejjem. Jiena hu l-ħobż tal-ħajja.  Missirijietkom kielu l-manna fid-deżert, u mietu;  dan hu l-ħobż nieżel mis-sema, biex min jiekol minnu ma jmutx. Jiena hu l-ħobż il-ħaj, li niżel mis-sema. Jekk xi ħadd jiekol minn dan il-ħobż jgħix għal dejjem. U l-ħobż li jiena nagħti huwa ġismi għall-ħajja tad-dinja.”

 

Il-Ħsieb

     Kemm ingergru!  Kemm-il darba anki l-ħajja spiritwali tagħna tkun imċajpra b’dan it-tgergir?  Kemm tassew ħafna drabi ninfexxu nippuntaw subgħjana u l-akkużi tagħna fuq it-tgergir lejn ħaddieħor.  Fi żmien Ġesù il-Lhud gergru minkejja li raw il-Providenza Divina u daqu mill-istess providenza.  Il-proposta ta’ Ġesù għal dan in-nuqqas hija li jitma’ lill-bniedem bil-Ħobż Ħaj li nieżel mis-sema.  Il-ħajja tagħna ta’ kuljum ħafna drabi tkun medjokri peress li naqgħu f’attitudni ta’ tgergir u ma nindunawx li l-għajnuna l-Mulej qed jagħtiha kull ħin lilna, u kif!

Il-Kelma

     Fl-Ewwel Qari, meħud mill-Ewwel Ktieb tas-Slaten, għandna lil Elija jaqta’ qalbu u jaħrab lejn id-deżert.  Qata qalbu minħabba l-ebusija tan-nies.  Iżda Alla, fil-mument ta’ kriżi, jersaq lejh, jitimgħu u jagħmillu kuraġġ.  Is-Salm Responsorjali, meħud minn Salm 33, huwa stedina biex induqu u naraw kemm huwa tajjeb il-Mulej.  Huwa bla sens li ngergru għall-Mulej jekk wara ma narawx l-għajnuna kontinwa li huwa jagħtina.  It-Tieni Qari, meħud mill-Ittra ta’ San Pawl lill-Efesin, jitkellem fuq ir-regola tal-ħajja l-ġdida li rċevejna permezz ta’ l-Ispirtu s-Santu.  Fil-Vanġelu ta’ San Ġwann naraw ir-rifjut tal-Lhud għall-kliem ta’ Kristu li kien joffri l-Ewkaristija bħala ġismu u demmu.

Il-Ħajja

  1. Fil-mument ta’ kriżi ta’ ħajjitna nduru lejn Ġesù għax jinsab ħdejna f’kull ħin.
  2. Nemmnu aktar fil-qawwa ta’ l-Ewkaristija fil-ħajja tagħna.
  3. Fil-ħajja, bit-tgergir negħrqu aktar fil-medjokrità. Inqumu fuq tagħna bħala Nsara u nħarsu lejn dak li jitmagħna bih Ġesù.
  4. Qegħdin tassew induau u naraw kemm huwa tajjeb il-Mulej?

Id-Djalogu

  Mulej, grazzi għall-għajnuna  li toffrili kull ħin.

read more

EMMNU F’DAK LI BAGĦAT – It-18-il Ħadd Matul is-Sena – 3 t’Awissu 2024

August 1, 2024

It-18-il Ħadd Matul is-Sena

EMMNU F’DAK LI BAGĦAT

Eżodu 16, 2-4, 12-15; Salm 77; Efesin 4, 17: 20-24; Ġwanni 6, 24-35

 

Il-Vanġelu

      In-nies, meta raw li fuqhom la kien hemm Ġesù u lanqas id-dixxipli tiegħu, telgħu fuq id-dgħajjes u marru lejn Kafarnahum ifittxu lil Ġesù. 

U meta sabuh in-naħa l-oħra tal-baħar staqsewh: “Rabbi, meta ġejt hawn?” Ġesù weġibhom: “Tassew tassew ngħidilkom, intom qegħdin tfittxuni mhux għax rajtu sinjali, imma għax kiltu mill-ħobż u xbajtu.  Tħabtu mhux għall-ikel li jgħaddi, iżda għall-ikel li jibqa’ għall-ħajja ta’ dejjem, dak li Bin il-bniedem jagħtikom, għaliex lilu Alla l-Missier immarka bis-siġill tiegħu.”  Mbagħad staqsewh: “X’għandna nagħmlu biex nagħmlu l-opri ta’ Alla?”  Weġibhom Ġesù: “L-opra ta’ Alla hija din: li intom temmnu f’dak li huwa bagħat.”  Qalulu: “X’sinjal se tagħmel biex aħna narawh u nemmnuk? X’sejjer tagħmel?  Missirijietna kielu l-manna fid-deżert, bħalma hemm miktub, ‘Tahom jieklu ħobż mis-sema.’ ”  Weġibhom Ġesù: “Tassew tassew ngħidilkom, mhux Mosè takom il-ħobż mis-sema, iżda Missieri jagħtikom il-ħobż tassew mis-sema; għaliex il-ħobż ta’ Alla huwa dak li jinżel mis-sema u jagħti l-ħajja lid-dinja.”

“Sinjur,” qalulu huma, “agħtina dejjem minn dan il-ħobż.”  Weġibhom Ġesù: “Jiena hu l-ħobż tal-ħajja. Min jiġi għandi ma jieħdu qatt il-ġuħ, u min jemmen fija ma jkun qatt bil-għatx.

Il-Ħsieb

Ngħidu li aħna ta’ Kristu.  Ngħidu li aħna Nsara.  Iżda fiex tassew qegħdin nemmnu llum?  Kemm tassew ilkoll kemm aħna nistgħu ngħidu li nafu tassew lil dan Kristu? X’bidliet ġab fil-ħajja tagħna?  Għad-domanda x’għandna nagħmlu biex naħdmu għall-għemejjel ta’ Alla Ġesù jwieġeb li l-għemil ta’ Alla huwa dan li aħna nemmnu f’dak li huwa bagħat.

Irridu nemmnu f’Ġesù.  Biex temmen f’xi ħaġa trid tkun taf dwar dik il-persuna  tkun taf x’inhi l-missjoni tagħha.  Ħafna drabi nfittxu lil Ġesù meta niġu daharna mal-ħajt, kif fittxewh il-Lhud għax kien temmagħhom il-ħobż b’xejn.  Iżda kemm tassew nistgħu ngħidu li qed infittxu lill-Mulej Ġesù għax għandu l-kliem tal-ħajja ta’ dejjem?

Il-Kelma

Fl-Ewwel Qari, meħud mill-Ktieb ta’ l-Eżodu, għandna l-mixja tal-poplu Lhudi fid-deżert sa l-Art Imwiegħda.  Ma kinetx mixja ħafifa, iżda Alla dejjem ħaseb biex jgħinu.  Fis-Salm 77, li nsibu fis-Salm Responsorjali, għandna lill-Mulej juri l-ħniena mal-poplu billi tahom il-qamħ mis-sema.  Fit-Tieni Qari mill-Ittra lill-Efesin insibu lil San Pawl jitkellem dwar il-ħtieġa li lkoll inkunu nafu sew lil Kristu u nilbsu l-bniedem il-ġdid.  Fil-Vanġelu ta’ San Ġwann Ġesù jurina li huwa l-ħobż tassew li niżel mis-sema.

Il-Ħajja

  1. Kemm tassew nafu min huwa Ġesù? Kemm nixtiequ nsiru aktar tiegħu?
  2. San Pawl jistedinna biex nilbsu l-bniedem il-ġdid. Kemm qed taħrab kompromessi fil-ħajja tiegħek biex tilbes dan il-bniedem?
  3. “Min jiġi għandi ma jieħdu qatt il-ġuħ, u min jemmen fija ma jkun qatt bil-għatx” (Ġwanni 6,35).  Temmnu u tgħixu tassew dan il-kliem?

Id-Djalogu

Mulej tiegħi,

agħmel li qatt ma nixrob minn għejun imdardra,

imma dejjem mill-ilma li jagħti l-ħajja,

li huwa Int.

read more

ABBUNDANZA! – Is-17-il Ħadd Matul is-Sena – 28 ta’ Lulju 2024

July 22, 2024

Is-17-il Ħadd Matul is-Sena

ABBUNDANZA!

2 Slaten 4: 42-44; Salm 144; Efesin 4: 1-6; Ġwanni 6: 1-15

Il-Vanġelu

 Ġesù telaq lejn in-naħa l-oħra tal-baħar tal-Galilija, jew ta’ Tiberija. Ħafna nies marru warajh, għax raw is-sinjali li kien jagħmel bil-fejqan tal-morda. Ġesù tela’ lejn l-għoljiet u qagħad hemm bilqiegħda mad-dixxipli tiegħu. Kien qrib l-Għid, il-festa tal-Lhud.  Ġesù rafa’ għajnejh, lemaħ kotra ta’ nies ġejja lejh, u qal lil Filippu: “Mnejn nixtru l-ħobż biex dawn ikollhom x’jieklu?” Dan qalulu biex jippruvah, għaliex hu kien jaf x’sejjer jagħmel.  Filippu wieġbu: “Mitejn dinar ħobż ma jkunux biżżejjed għalihom biex kull wieħed minnhom jieħu xi ftit.” Wieħed mid-dixxipli tiegħu, Indrì, ħu Xmun Pietru, qallu: “Hawn tfajjel li għandu ħames ħobżiet tax-xgħir u żewġ ħutiet żgħar; imma dawn x’inhuma għal daqshekk nies?” Qiegħdu n-nies bilqiegħda,” qal Ġesù. Dik in-naħa kien hemm ħafna ħaxix. Għalhekk in-nies, xi ħamest elef raġel, qagħdu bilqiegħda.  Ġesù ħa l-ħobżiet, radd il-ħajr, u qassamhom lil dawk li kienu bilqiegħda; hekk ukoll għamel bil-ħut, u kulħadd ħa kemm ried.Meta xebgħu, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Iġbru l-loqom li baqa’, biex xejn ma jinħela.” Marru jiġbruhom, u mlew tnax-il qoffa bil-loqom li kien fadlilhom in-nies mill-ħames ħobżiet tax-xgħir wara li kienu kielu. Għalhekk dawn in-nies, meta raw dan is-sinjal li għamel Ġesù, qalu: “Dan hu tassew il-Profeta li għandu jiġi fid-dinja!”  Imma Ġesù, meta ntebaħ li kienu ġejjin biex jeħduh bilfors ħalli jagħmluh sultan, raġa’ warrab waħdu lejn l-għoljiet.

 

Il-Ħsieb

     Il-Mulej ma jaħsibhiex bħalna.  U jridna li bil-mod il-mod nibdew naħsbuha bħalu.  Il-Mulej huwa dak li jħares f’għajnejna u jħobbna tassew.  Iħobbna mhux bil-kejl minimu tagħna l-bnedmin iżda bl-abbundanza.  Il-Mulej jitmagħna bil-ġisem u d-demm tiegħu.  Ma jagħtiniex biss biex niddubbaw, kif intennu aħna iżda billi nixbgħu u aktar ukoll.  Ma kienx biżżejjed jitma’ l-eluf ta’ nies iżda wkoll ġabru tnax-il qoffa sax-xfar.

     Iżda x’qed tkun ir-reazzjoni tagħna lejn din l-abbundanza?  Ma jimpurtana minn xejn jew nieħdu kollox for granted?  Hemm bżonn li lkoll kemm aħna nqisu kull ġurnata xi jkun għamel il-Mulej għalina u nistaqsu aħna x’għamilna għalih?  ~ert li nkunu midjunin lejh.  Kemm tassew qed nagħrfu dan id-dejn li għandna lejn il-Mulej?  Jew moħħna kemm se nakkwistaw fil-ħajja tagħna?

Il-Kelma

     Fl-Ewwel Qari tal-lum, meħud mit-Tieni Ktieb tas-Slaten, għandna lil Eliżew  fi żmien il-għaks jitma’ lill-poplu Lhudi bil-frott bikri li kien xogħol il-bniedem iżda mbierek minn Alla.  Fis-Salm 144 għandna għanja lill-Mulej li jiftaħ idu u jagħtina l-ġid tiegħu kull ħin.  Fit-Tieni Qari mill-Ittra ta’ San Pawl lill-Efesin għandna s-sejħa ta’ San Pawl biex in-Nisrani bl-umiltà, ħlewwa u sabar, jaħdem għall-għaqda.  Fil-Vanġelu tal-lum, meħud minn San Ġwann, għandna l-miraklu tat-tkattir tal-ħobż.  Mhux biss jixbgħu iżda jinġabru tnax-ilqoffa minn dak li fadal.

Il-Ħajja

  1. Il-Mulej iħobbna. Iħobbna bl-abbundanza.  Aħna kif inħobbuh… ta’ malajr?
  2. Il-Mulej jitmagħna kuljum permezz ta’ l-Ewkaristija. Qed naċċettah dan l-Ikel li jibdilna?
  3. Fil-mumenti iebsa ta’ ħajjitna, meta tħossok waħdek, għaliex ma ddurx lejn Ġesù fl-Ewkaristija?
  4. Il-familji u l-koppji li għaddejjin minn xi kriżi għaliex ma jersqux lejn Ġesù għal fejqan sħiħ?

Id-Djalogu

  Mulej tiegħi,

  urini tassew kif għandi nħobbok

  kif ħabbejtni inti.

read more

NIES ALJENATI. FIL-BŻONN TA’ RAGĦAJ! – Il-16-il Ħadd Matul is-Sena – 21 ta’ Lulju 2024

July 10, 2024

Is-16-il Ħadd Matul is-Sena

NIES ALJENATI.  FIL-BŻONN TA’ RAGĦAJ!

Ġeremija 23:1-6; Salm 22; Efesin 2, 13-18; Mark 6: 30-34

Il-Vanġelu

L-appostli reġgħu ġew ħdejn Ġesù u qalulu kull ma kienu għamlu u għallmu.  U hu qalilhom: “Ejjew miegħi  intom  biss  weħidkom  f’xi  post  imwarrab,  u  strieħu ftit.”  Għax tassew, kien hemm ħafna nies ġejjin u sejrin, u anqas żmien biex jieklu ma kienu jħallulhom. Marru mela bid-dgħajsa weħidhom lejn post imwarrab, imma n-nies rawhom sejrin; kienu ħafna dawk li għarfuhom, u telqu jiġru ‘l hemm bil-mixi, nies mill-ibliet kollha, u waslu qabilhom.

 Xħin niżel l-art mid-dgħajsa ra kotra kbira ta’ nies u tħassarhom, għax kienu qishom nagħaġ bla ma għandhom ragħaj, u qabad jgħallimhom ħafna ħwejjeġ.”

Il-Ħsieb

     Il-mument tas-sajf ħafna drabi jfisser mument ta’ telqa u aljenazzjoni.  Mument li fih aktar tara kif tistrieħ minn kollox, xi kultant anki mill-fidi.  Nibqgħu mħawda kif il-fidi ma nistgħux inwarrbuha minna għaliex hi l-istess ħajja tagħna.  Ġesù anki lill-Appostli, wara li rritornaw mill-predikazzjoni, ipprova jeħodhom f’post imwarrab biex jistrieħu.  Iżda quddiem it-taħwid u l-għatx tan-nies mifxula, Ġesù jċedi għall-mistrieħ u jerġa’ jibda jgħallem.

     Nies mifxula u mħawda.  Kemm tassew ilkoll kemm aħna nistgħu ngħidu li aħna fl-istess pożizzjoni tan-nies?  Kemm tassew ilkoll kemm aħna rridu nagħrfu li Ġesù huwa l-Iben t’Alla li qiegħed magħna kull ħin, anki fil-ġranet tas-sajf?  Kemm tassew qed inħossu li Ġesu qed iħares lejn il-ħajja tagħna għax irid jgħinna tassew u mhux jindaħlilna?

Il-Kelma

     Fl-Ewwel Qari, meħud mill-Ktieb tal-Profeta Ġeremija, insibu li għaliex ir-re u l-mexxejja tal-Lhud kienu qed imexxu ħażin, Alla bagħat il-Profeta Ġeremija biex iwissi lill-poplu li kien se jaqa f’eżilju, iżda se jkun hemm il-mument li jqum mit-tifrik.  Toħroġ fil-beraħ il-qawwa tal-figura tar-Ragħaj.  Fis-Salm 22 għandna x-xebh tar-Ragħaj it-Tajjeb fejn xejn ma jkun jonqosna jekk l-Mulej ikun ir-ragħaj tagħna.  Fit-Tieni Qari tal-lum għandna silta mill-Ittra ta’ San Pawl lill-Efesin fejn San Pawl juri li Alla wettaq dan il-pjan permezz ta’ Kristu.

Bis-saħħa tas-sagrifiċċju tiegħu fuq is-Salib, Kristu sar għalina għajn tas-sliem.  Fil-Vanġelu tal-lum minn San Mark Kristu jitħassar lin-nies ta’ żmienu għax kienu qishom ngħaġ mingħajr ragħaj u għalhekk kompla jgħallem.

Il-Ħajja

  1. Kristu wkoll iħares lejn ġensna u jitħassarna għax jarana mexjin mingħajr sens ta’ direzzjoni. Hemm bżonn li nduru lejh u nisimgħuh.
  2. Kemm qegħdin infittxu li naħarbu l-aljenazzjoni tal-ħajja u nersqu lejn il-kelma li tagħti l-ħajja fl-Iskrittura Mqaddsa, b’mod speċjali fis-sajf?
  3. Kemm qegħdin nersqu aktar lejn il-quddiesa, ngħidu r-rużarju fil-familja, naqraw il-Kotba Mqaddsa biex nitħeġġu aktar f’dan il-mument tas-sajf?
  4. Nista’ tassew intenni bis-sinċerità li l-Mulej huwa r-Ragħaj tiegħi?

Id-Djalogu

  Il-Mulej huwa r-Ragħaj tiegħi,

  xejn ma jonqosni!

read more

ĦARĠU JXANDRU – Il-15-il Ħadd Matul is-Sena [B] – 13 ta’ Lulju 2024

July 7, 2024

Il-15-il Ħadd Matul is-Sena

ĦARĠU JXANDRU

Għamos 7:12-15; Salm 84; Efesin 1:3-14; Mark 6: 7-13

Il-Vanġelu

     U sejjaħ it-Tnax, u beda jibgħathom tnejn tnejn, filwaqt li tahom is-setgħa fuq l-ispirti ħżiena.  U wissiehom biex ma jieħdu xejn magħhom għat-triq ħlief ħatar: la ħobż, la ħorġa, lanqas flus fi ħżiemhom; imma li jilbsu l-qrieq u ma jxiddux żewġ ilbiesi.  Qalilhom: “Fejn tidħlu f’xi dar, ibqgħu fiha sa ma titilqu minn hemmhekk.  U jekk xi post ma jilqagħkomx u ma jisimgħukomx, itilqu minn hemm u farfru t-trab minn taħt saqajkom bħala xhieda kontrihom.”  Ħarġu mela jxandru biex in-nies jindmu;  u keċċew bosta xjaten, u dilku ħafna morda biż-żejt u fejjquhom.

 

Il-Ħsieb

     Għandna missjoni xi nwettqu.  Bħala Nsara kull ħin hemm biċċa xogħol tistenniena.  M’huwiex ix-xogħol ippriedkat mis-suq iżda huwa x-xogħol li jrid minna Kristu għall-ġid tas-Saltna t’Alla.  Għandna missjoni biex ma’ Kristu nxandru l-indiema kontra l-qawwiet tal-ħażen.  Huwa importanti għalina lkoll li nagħrfu f’liema għalqa bagħatna l-Mulej biex inwettqu l-missjoni tiegħu.  Kulħadd għandu xi xogħol xi jwettaq.  Kulħadd jista’ jgħid li qiegħed iwettaq xi xogħol għax-xandir tas-Saltna ta’ Alla?  Kemm aħna konvinti li qed naqdu din il-missjoni fil-postijiet tax-xogħol jew tad-divertiment, fid-djar tagħna, fit-toroq tagħna?  Li tgħix ta’ Nisrani jfisser li taħdem ukoll biex Ġesù jidher aktar bl-eżempju tagħna fl-ambjenti tagħna.  Hemm bżonn li s-soċjetà ta’ llum tara eżempji tajba u mhux eżempji ħżiena.

Il-Kelma

     L-Ewwel Qari tal-lum huwa meħud mill-Ktieb tal-Profeta Għamos fejn il-profeta juri lil Amasja, qassis ta’ Betel, li l-Mulej iqajjem il-profeti minn fost il-poplu u mhux b’xi mod ereditarju.  Fis-Salm Responsorjali minn Salm 84 għandna t-talba biex il-Mulej juri lilna t-tjubija u s-salvazzjoni tiegħu.  It-Tieni Qari tal-lum, meħud mill-Ittra ta’ San Pawl lill-Efesin, huwa innutalba ta’ San Pawl li juri x’inhu l-Pjan ta’ Alla sabiex jifdina mid-dnub.  Fil-Vanġelu tal-lum għandna lil Ġesù li, filwaqt li jibgħat lill-Appostli fuq il-missjoni tax-xandir ta’ l-indiema lill-ġnus, bħala l-Imgħallem tagħhom jagħtihom id-direttivi ta’ dak li għandhom x’jagħmlu fil-missjoni tagħhom.

Il-Ħajja

  1. Il-Mulej irid jibgħat lilek ixxandar il-mument ta’ l-indiema lil dawk ta’ madwarek. Lest tgħidlu IVA?
  2. Kemm aħna konvinti li l-Mulej jagħżel lilna lkoll għal din il-missjoni?
  3. Irridu naħsbu wkoll il-mod kif Alla jkellem lill-bnedmin:
    • “Alla fl-imgħoddi kellem lil missirijietna ħafna drabi u b’ħafna modi permezz tal-profeti.  Iżda f’dan l-aħħar żmien huwa kellimna permezz ta’ Ibnu.” – Lhud 1, 1.2
  4. Mill-Ktieb ta’ Għamos rajna li Alla jagħżel kontinwament nies sempliċi. Huwa Alla li se jdawwalna biex inwettqu l-missjoni tiegħu.

Id-Djalogu

  Mulej, għinni

  fil-missjoni li fdajtli f’idejja.

read more

SE NAĊĊETTAWH? – L-14-il Ħadd Matul is-Sena [B] – 7 ta’ Lulju 2024

July 1, 2024

L-14-il Ħadd Matul is-Sena

SE NAĊĊETTAWH?

Eżekjel 2: 2-5; Salm 122; 2 Korintin 12: 7-10; Mark 6: 1-6

Il-Vanġelu

    Telaq minn hemm u mar lejn pajjiżu u d-dixxipli tiegħu marru miegħu. Meta wasal is-Sibt, daħal jgħallem fis-sinagoga, u  l-ħafna li semgħuh bdew jistagħġbu u jgħidu: “Mnejn kisbu dan kollu? U x’inhu dan l-għerf li ngħatalu biex saħansitra qegħdin isiru dawn  l-għeġubijiet kbar b’idejh? Dan m’huwiex il-mastrudaxxa bin Marija u ħu Ġakbu u Ġożè u Ġuda u Xmun? U ħutu l-bniet m’humiex hawn magħna?” U huma skandalizzaw ruħhom minħabba fih. Qalilhom Ġesù: “Ebda profeta ma hu bla ġieħ jekk mhux f’pajjiżu u fost qrabatu u f’daru stess.”  U hemmhekk ma sata’ jagħmel ebda miraklu, ħlief li qiegħed idejh fuq ftit morda u fejjaqhom; u baqa’ mistagħġeb bin-nuqqas ta’ fidi tagħhom.

 

Il-Ħsieb

     Kif qed naċċettaw il-kliem u l-għemil ta’ Ġesù fil-ħajja tagħna?  Kemm qed inħossuh preżenti tassew lil Ġesu f’ħajjitna?  Kemm tassew qed nagħrfu nwettqu dak li jgħidilna Hu?  Ġesù ġie fostna u aħna x’għamilna?  Aċċettajnieh?  Kemm tassew qed nuru li aħna ta’ Ġesù?  Kemm tassew qed nuru li aħna mhux bħall-familjari tiegħu jew in-nies ta’ beltu li, għalkemm għarfu li kliemu huwa mitqies u għaref, baqgħu

ma aċċettawhx?

     Filwaqt li Ġesù jgħid li l-ebda profeta m’huwa mfaħħar f’pajjiżu – u dan narawh fl-esperjenza tal-ħajja ta’ kuljum – aħna l-Insara għandna r-responsabbiltà li, filwaqt li nagħrfu l-qawwa tal-kelma ta’ Ġesù, irridu naraw li qed inwettqu fil-miftuħ dak li jgħidilna hu.  Ma nistgħu qatt naċċettaw lil Ġesù u fl-istess ħin il-kompromessi ta’ ħajjitna!  Meta Ġesù

niżel lejn pajjiżu huwa nduna li n-nies għarfitu, semgħet il-kelma tiegħu iżda ma laqgħetux.  Huwa proċess li jiġi ripetut

minna lkoll illum.

Il-Kelma

     L-Ewwel Qari tal-lum huwa meħud mill-Ktieb tal-Profeta Eżekjel fejn naraw li minkejja li l-poplu kien rasu iebsa u iebes biex jikkonverti, Alla xorta bagħat lill-Profeta Eżekjel.  Il-Mulej iħenn kontinwament għalina, kif intennu fis-Salm Responsorjali tal-lum, meħud minn Salm 122.  Fit-Tieni Qari tal-lum, meħud mit-Tieni Ittra ta’ San Pawl lill-Korintin, insibu lil Pawlu jtenni li quddiem ir-rivelazzjoni kulħadd ikollu xi tentazzjonijiet li jippruvaw ibegħduh minn Alla.  Huwa f’dan il-mument li lkoll irridu nagħrfu li Alla ma ħalliniex naqdfu għal rasna imma jagħtina kontinwament il-grazzja tiegħu.  Fil-Vanġelu ta’ San Mark illum Ġesù jinżel f’daru u niesu ma laqgħuhx.

Il-Ħajja

  1. Meta naraw il-mod kif in-nies ta’ żmien Ġesù ma laqgħuhx, irridu nirriflettu kemm tassew lil Ġesù qed nilqgħuh aħna kuljum.
  1. Ħafna drabi aħna nagħrfu lil Ġesù, nagħrfuh u nisimgħu l-kelma tiegħu, iżda ma naċċettawhx għax kliemu ma jmurx mal-kompromessi tal-ħajja tagħna.
  1. Għadna ma fhimniex illi li timxi wara Ġesu hija biċċa xogħol iebsaa u mhux komda.
  1. Kemm aħna lesti nisimgħu u ngħixu kliem Ġesù? Din hija ħajjitna.

Id-Djalogu

  Mulej Ġesù,

  għinni nisma’ kliemek u ngħixu.

  Kull ħin.

read more