Priedki

IS-SUQ TAL-KOMPROMESSI – It-3 Ħadd tar-Randan [B] – 3 ta’ Marzu 2024

February 26, 2024

It-3 Ħadd tar-Randan [Sena B]

IS-SUQ TAL-KOMPROMESSI

Eżodu 20: 1-17; Salm 18; 1 Korintin 1:22-25; Ġwanni 2:13-25

Il-Vanġelu

     Kien qorob l-Għid tal-Lhud, u Ġesù tela’ Ġerusalemm. Fit-tempju sab min qiegħed ibigħ barrin, nagħaġ u ħamiem, u min kien bilqiegħda jsarraf il-flus. Għamel sawt mill-ħbula, u keċċiehom ilkoll ‘il barra mit-tempju, bin-nagħaġ u l-barrin tagħhom; xerred il-flus ta’ dawk li kienu jsarrfu, u qalbilhom l-imwejjed. U lill-bejjiegħa tal-ħamiem qalilhom: “Warrbu dawn minn hawn, u dar Missieri tagħmluhiex dar tan-negozju!” Id-dixxipli ftakru f’dak li kien hemm miktub fl-Iskrittura, “Il-ħeġġa għal darek fnietni.’ Mbagħad il-Lhud qabdu u qalulu: “X’sinjal se turina li inti tista’ tagħmel dan?” Ġesù weġibhom: “Ħottu dan it-tempju, u fi tlitt ijiem nerġa’ ntellgħu.” Għalhekk il-Lhud qalulu: “Dan it-tempju ħa sitta u erbgħin sena biex inbena, u int se ttellgħu fi tlitt ijiem?” Iżda hu tkellem fuq it-tempju tal-ġisem tiegħu. Meta mbagħad qam mill-imwiet, id-dixxipli tiegħu ftakru f’dan li kien qal, u emmnu fl-Iskrittura u fil-kliem li kien qal Ġesù.

     Waqt li kien Ġerusalemm għall-festa ta’ l-Għid, kien hemm ħafna li emmnu f’ismu billi raw is-sinjali li kien jagħmel. Imma Ġesù, min-naħa tiegħu, ma kienx jafda fihom, għax hu kien jaf lil kulħadd u ma kellux bżonn min jagħtih xhieda fuq il-bniedem, għax hu stess kien jaf x’hemm fil-bniedem. 

 

Il-Ħsieb

     Huma ħafna dawk li jaħsbu li llum jaqbillek tkun Nisrani tal-KONVENJENZA milli tal-KONVINZJONI.  Għaliex li tkun Nisrani konvint ifisser li trid tirfes il-kallijiet; trid toqros fil-laħam il-ħaj ibda minnek stess.  F’dinja li tippriedka l-konvenjenza u l-kompromessi, din hi mixja kbira kontra l-kurrent, mixja li ħafna nsara jaqtgħu nifishom imqar jaħsbu fuqha.  Ġesù llum jitkellem u jaġixxi b’mod ċar u aggressiv.  Huwa Ġesù radikali mhux għall-fatt li kaxkar ’il barra lil dawk li mit-tempju għamlu suq, iżda fuq kollox għax iċanfar il-mod ta’ ipokresija li ħafna nsara qed jgħixu l-ħajja tagħhom.  Hemm bżonn li niddeċiedu.  Hemm bżonn li naraw jekk ħajjitna wkoll saritx suq ta’ kompromessi, suq fejn qed naċċettaw kollox; suq fejn minflok tempju ta’ Alla, billi nfittxu li nwettqu dak li jrid Alla minna, qed nagħmlu minn ħajjitna aċċettazzjoni bla sens ta’ dak li toffri d-dinja, mingħajr lanqas biss nagħmlu domandi jekk dak li qed inwettqu jmurx tajjeb mal-fidi tagħna.

     Ġesù tkellem dwar it-tempju tal-Ġisem tiegħu u jridna, f’dan il-kliem, naraw it-tempju ta’ ġisimna.  Naraw kemm tassew qed nindunaw bil-fejqan għal ġisimna u ħajjitna li qed joffrilna Ġesù bil-passjoni u l-mewt tiegħu.  Naraw kemm qed naċċettaw dawn il-mumenti ta’ fejqan u kemm qed nippruvaw, minkejja d-dgħufija tagħna, nimxu kontra l-kurrent.

Il-Kelma

     Fl-Ewwel Qari meħud mill-Ktieb ta’ l-Eżodu, insibu r-rakkont li, wara l-ħelsien tal-poplu mill-jasar ta’ l-Eġittu, Alla ried jidħol mal-poplu f’patt ta’ ħbiberija.  Fuq il-muntanja Sinai, permezz ta’ Mosè, Alla ntrabat li jagħżel il-poplu Lhudi bħala l-Poplu tiegħu, kemm-il darba l-poplu jaċċetta li jimxi fuq il-liġi tiegħu.  Fis-Salm Responsorjali, meħud minn Salm 18, għandna għanja lill-Mulej li għandu l-kliem tal-ħajja ta’ dejjem.  Fit-Tieni Qari tal-lum, meħud mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl lill-Korintin, għandna l-predikazzjoni tan-Nisrani li trid tkun is-Salib.  Fil-Vanġelu tal-lum, meħud minn San Ġwann, insibu lil Ġesù jżur it-tempju u jqaċċat ’il barra lil dawk li mit-tempju għamlu suq.  Dawk li marru kontra r-rieda ta’ Alla.  Huwa jħabbar li se jmut u jqum wara tlett ijiem.

Il-Ħajja
  1. Il-Mulej qaċċathom ’il barra mit-tempju għax għamlu mit- tempju suq.  X’se jgħid il-Mulej fuq it-tip ta’ ħajja li qed  tgħix? Tingħaraf fik il-marka tan-Nisrani?
  2. Kemm tassew qed ixxandar bil-ħajja tiegħek lil Kristu Msallab? Kemm int kapaċi tgħix is-salib ta’ kuljum?
  3. Il-Mulej illum iridna nagħmlu għażla ċara. Jekk se nimxu warajh nitfgħu ’l barra l-kompromessi. Kemm tassew ħafna drabi b’għemilna qed inkunu ta’ skandlu, qed niżirgħu l-għira?
  4. Il-Mulej daħal f’patt ta’ mħabba u ħbiberija magħna. X’qed nagħmlu biex nirreċiprokaw dan il-patt?
Id-Djalogu

  Mulej, inti tħobbni,

  dħalt f’patt ta’ mħabba miegħi.

  Għinni, Mulej, biex fil-jiem li fadal tar-Randan

  nagħraf nitnaddaf minn kull kompromess,

  biex inkun Nisrani konvint

  u nagħti xhieda tiegħek.

read more

KUNTENT BISS FIL-GLORJA! – It-2 Ħadd tar-Randan [B] – 25 ta’ Frar 2024

February 17, 2024

It-2 Ħadd tar-Randan [Sena B]

KUNTENT BISS FIL-GLORJA!

Ġenesi 22: 1-2,9a 15-18; Salm 115; Rumani 8 31b-34; Mark 9:2-10

Il-Vanġelu

     F’dak iż-żmien, Ġesù ħa miegħu lil Pietru u lil Ġakbu u lil Ġwanni, tellagħhom weħidhom fuq muntanja għolja, u tbiddel quddiemhom.  Lbiesu sar abjad u jgħammex b’dija ta’ l-għaġeb: ebda ħassiel fid-dinja ma jista’ jġib il-ħwejjeġ bojod daqshekk.  U dehrilhom Elija ma’ Mosè, jitkellmu ma’ Ġesù.  Qabad Pietru u qal lil Ġesù: “Mgħallem, kemm hu sew li aħna hawn! Ħa ntellgħu tliet tined, waħda għalik, waħda għal Mosè, u waħda għal Elija.”  Dan qalu għax ma kienx jaf x’jaqbad jgħid bil-biża’ kbir li waqa’ fuqhom.  Mbagħad ġiet sħaba u għattiethom, u minn ġos-sħaba nstama’ leħen jgħid: “Dan hu Ibni l-għażiż, isimgħu lilu.”  Minnufih taw ħarsa madwarhom, u ma raw lil ħadd iżjed magħhom ħlief lil Ġesù waħdu.

    Huma u neżlin minn fuq il-muntanja, tahom ordni biex ma jitkellmu ma’ ħadd fuq li kienu raw qabel ma Bin il-bniedem ikun qam mill-imwiet.  Huma żammew kollox moħbi, iżda bdew jistaqsu lil xulxin x’kien ifisser ‘tqum mill-imwiet’.  

 

Il-Ħsieb

Dan hu Ibni l-għażiż, isimgħu lilu.
     Kemm huwa sabiħ li tgħix il-fidi tiegħek fil-kumdità u fil-fsied meta ħadd ma jittikak jew jostakolak u ħadd ma jagħtik trouble.  Sabiħ li għix il-ħajja nisranija fil-kwiet mingħajr fastidju.  Fil-waqt li fit-Trasfigurazzjoni naraw lil Ġesù fil-Glorja u saħansitra Pietru nesa lilu nnifsu.  Ġesù, wara li wera u tahom il-garanzija li tassew se jagħtihom il-glorja, indikalhom li xogħolhom huwa ’l isfel mill-muntanja, fid-dinja, fil-ħajja ta’ kuljum.  Huwa faċli li tkun ma’ Kristu fil-glorja.  Huwa aktar iebes li tkun ma’ Kristu fit-tbatija, jum wara jum.

Il-Kelma

     L-Ewwel Qari tal-lum huwa meħud mill-Ktieb tal-Ġenesi fejn il-fidi ta’ Abraham tilħaq il-quċċata tagħha meta jiġi mitlub joffri lil Alla l-egħżeż ħaġa li kellu – ibnu  l-waħdieni.

     Fis-Salm 115, fis-Salm Repsonsorjali, insibu talba lill-Mulej biex, bħal Abraham, nimxu fir-rieda ta’ Alla.  Fit-Tieni Qari, fl-Ittra ta’ San Pawl lir-Rumani, insibu li l-patt tiegħu magħna Alla wettqu bis-sħiħ bis-saħħa ta’ Ibnu stess, fejn Alla l-Missier wera li għandu mħabba bla tarf.  Fil-Vanġelu Ġesu jidher fil-glorja bħala l-Iben t’Alla.

Il-Ħajja
  1. Fil-Ħajja tagħna ta’ kuljum, kemm tassew nifhmu l-kobor tal-glorja t’Alla li tidher kontinwament fina?
  2. Kemm inti konvint li tgħid l-istess kliem li San Pawl tenna lir-Rumani:  Jekk Alla magħna min jista’ jkun kontra tagħna?
  3. Tħoss il-preżenza ħajja ta’ Alla fik? Kemm tassew dan ir-Randan jista’ jgħinek biex tħoss aktar il-preżenża t’Alla  miegħek?
  4. Abraham, fl-offerta ta’ Ibnu, wera li għandu fidi kbira f’Alla. Kemm tassew nistgħu ngħidu li aħna għandna fidi kbira fil-Ħallieq tagħna?
Id-Djalogu

  Mulej Alla tagħna

  agħamel li dak kollu li nwettaq

  nagħmlu fir-rieda tiegħek.

read more

FID-DEŻERT… GĦAL INDIEMA VERA – L-1 Ħadd tar-Randan [B] – 18 ta’ Frar 2024

February 17, 2024

L-1 Ħadd tar-Randan [Sena B]

FID-DEŻERT… GĦAL INDIEMA VERA

Ġenesi 9:8-15; Salm 24; 1 Pietru 3:18-22; Mark 1:12-15

 

Il-Vanġelu

F’dak iż-Żmien, l-Ispirtu ħareġ lil Ġesù fid-deżert. U baqa’ fid-deżert erbgħin jum, jiġġarrab mix-Xitan. Kien jgħix mal-bhejjem selvaġġi, u kienu jaqduh l-anġli.

Wara li arrestaw lil Ġwanni, Ġesù mar il-Galilija jxandar l-Evanġelju ta’ Alla u jgħid: “Iż-żmien huwa mitmum, u s-Saltna ta’ Alla waslet; indmu u emmnu fl-Evanġelju.”

 

Il-Ħsieb
Iż-żmien huwa mitmum, u s-Saltna ta' Alla waslet; indmu u emmnu fl-Evanġelju
Bdejna ż-żmien tar-Randan.  Żmien ta’ riflessjoni personali dwar il-mod kif qed ngħixu l-fidi tagħnaŻmien li fih nagħrfu kemm tassew hija dgħajfa jew b’saħħitha r-rabta tagħna ma’ Alla.  Ġesù llum imur għall-preparazzjoni fid-deżert.  Kemm se jkollok ħin f’dan iż-żmien tar-Randan li inti tmur fid-deżert tal-fond ta’ qalbek?  Kemm se tagħti ħin għar-riflessjoni tiegħek innifsek biex tiżvojta l-imbarazz li akkumulajt f’dawn l-aħħar xhur u tħoss il-libertà ta’ ulied Alla?

Hemm bżonn li niftħu qlubna beraħ għall-indiema fil-Bxara t-Tajba li tfejjaq lil kull wieħed minna.

 

Il-Kelma

L-Ewwel Qari tal-lum huwa meħud mill-Ktieb tal-Ġenesi fejn għandna r-rakkont tad-dilluvju li, fi żmien Noè, naddaf id-dinja mill-ħażin.  Is-Salm Responsorjali, meħud mis-Salm 24, itenni li l-Mulej hu t-triq tat-tjieba u l-fedeltà għal min iħares il-preċetti tiegħu.  Nitolbu ’l Alla jgħallimna nimxu f’din it-triq.  Fit-Tieni Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pietru Appostlu jissemma x-xebh bejn l-ilma tad-dilluvju li naddaf il-ħażen tad-dinja fi żmien  Noè, u l-ilma tal-Magħmudija.  Fil-Vanġelu ta’ San Mark għandna lil Ġesù fid-deżert jipprepara l-predikazzjoni tal-konverżjoni.

 

Il-Ħajja
  1. Dan ir-Randan irid ikun żmien ta’ deżert għalina.
  2. Sib ħin għall-eżerċizzi u qrar frekwenti.
  3. Issaħħaħ fl-indiema tiegħek billi tħalli lil Ġesù jimliek bl-Ewkaristija.
  4. Ħu ħsieb li l-grazzja li rċevejt fil-Magħmudija ma kinetx fix-xejn. Agħraf il-kobor tal-fejqan kontinwu li jagħmel Ġesù.
  5. Hemm bżonn li dan ir-Randan ma niħduhx biss b’mod passiv. Hemm bżonn li nxandru lkoll l-indiema fil-Bxara t-Tajba.

 

Id-Djalogu

O Alla,

bit-taħriġ matul ir-Randan

agħtina li nifhmu dejjem iżjed

il-misteru ta’ Kristu

 

read more

L-INDAFA MILL-ĠDIEM – Is-6 Ħadd Matul is-Sena B – 11 ta’ Frar 2024

February 9, 2024

Is-6 Ħadd Matul is-Sena

L-INDAFA MILL-ĠDIEM

Levitiku 13, 1-2, 45-46; Salm 31: 1-2.5.7.11; 1 Korintin 10, 31-11,1; Mark 1, 40-45

L-EVANĠELJU
Qari mill-Evanġelju skont San Mark (1:40-45)
 
F’dak iż-żmien, resaq fuq Ġesù wieħed lebbruż jitolbu bil-ħerqa, inxteħet għarkupptejh quddiemu u qallu: «Jekk trid, tista’ tfejjaqni!» Imqanqal mill-ħniena, Ġesù medd idu fuqu, messu u qallu: «Irrid, kun imnaddaf!» U minnufih il-lebbra marritlu u ġismu ndaf. U widdbu bis-sħiħ, bagħtu malajr u qallu: «Qis li ma tgħid xejn lil ħadd; iżda mur uri ruħek lill-qassis, u agħmel offerta għall-fejqan tiegħek kif ordna Mosè, biex tkunilhom ta’ xhieda.» Iżda dak, meta telaq, beda jxandar ma’ kullimkien u jxerred l-aħbar, hekk li Ġesù f’ebda belt ma sata’ iżjed jidħol bid-dieher, imma kien jibqa’ barra fil-kampanja u kienu jmorru ħdejh nies minn kullimkien.
Il-Kelma tal-Mulej.
Tifħir lilek Kristu.

Il-Ħsieb

Min jista’ jgħid li ma għandux ġdiem?  Min jista’ jgħid li huwa nadif?  Min jista’ jgħid li ma għandux bżonn il-fejqan mill-feriti li nġarrbu kuljum?  Ġesù jfejjaq, Ġesù jnaddaf mingħajr kundizzjoni għaliex irid iħobbna.  Messaġġ sempliċi.  Offerta kbira.  Imma għaliex nibqgħu ma nifhmux li Ġesù jrid li l-bniedem ifiq u jqum fuq saqajh?  Il-Mulej niżel fl-umanità biex jerfa’ fuqu l-mard ta’ l-istess umanità, imma kemm qed tkun rikonoxxenti ta’ dan, l-istess umanità?  Kemm qed ngħidu GRAZZI bil-qalb lill-Mulej?  Kemm tassew qed nagħrfu li mingħajr il-Mulej se nibqgħu mġiddmin?

 

Il-Kelma

Fl-ewwel qari mill-Ktieb tal-Levitiku tissemma mill-ewwel il-marda tal-ġdiem li billi dak iż-żmien ma kienx hemm fejqan għaliha, kienet meqjusa bħala sinjal tad-dnub.  Skond il-liġi ta’ MoseÏ l-imġiddem kien ikollu jgħix waħdu maqtugħ mis-soċjetà.

Salm 31 li ntennu fis-Salm Responsorjali hija karba lill-Mulej biex iħenn għalina u jaħfrilna dnubietna.  Fit-tieni qari, meħud mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl lill-Korinitn, hemm eżortazzjoni għalina lkoll biex nixbħu lil Kristu f’kollox.  Huwa l-impenn tal-ħajja tagħna li għalih illum jeżortana San Pawl.  Fil-Vanġelu għandna l-fejqan ta’ l-imġiddem u kif dan beda jxandar lill-Mulej ma’ kulħadd.

 

Il-Ħajja

  1. Qatt f’ħajtek aċċettajt ir-realtà li inti midneb?
  2. Kemm qatt tlabt b’sinċerita lill-Mulej inaddfek?
  3. Qatt għaraft il-ġdiem tiegħek fejn hu?
  4. Kemm tassew qed tirringrazzja lill-Mulej għall-fejqan u

kemm tassew qed tħabbru ma’ l-oħrajn?

 

Id-Djalogu

Mulej,

Grazzi tal-fejqn,

li tagħtini fil-Qrar,

Grazzi u għinni nkompli

nitnaddaf minn ħżuniti.

 

read more

NAWFRAĠJU! – L-Appostlu Missierna San Pawl – 10 ta’ Frar 2024

February 7, 2024

10 ta’ Frar:  L-Appostlu Missierna San Pawl

NAWFRAĠJU!

Għerf 14, 3-7; Salm 106; Atti 27, 16-28,6; Mark 16, 15-20

Il-Vanġelu

U qalilhom: “Morru fid-dinja kollha, xandru l-Evanġelju lill-ħolqien kollu.  Min jemmen u jitgħammed, isalva; iżda min ma jemminx, ikun ikkundannat.  U dawn huma s-sinjali li jsieħbu lil dawk li jemmnu: f’ismi jkeċċu x-xjaten, jitkellmu b’ilsna ġodda, jaqbdu s-sriep b’idejhom, u jekk jixorbu xi xorb li jġib il-mewt ma jagħmlilhomx ħsara; iqiegħdu idejhom fuq il-morda u dawn ifiqu.” U hekk il-Mulej Ġesù, wara li kellimhom kien imtella’ fis-sema u qagħad in-naħa tal-lemin ta’ Alla. Huma mbagħad marru jippritkaw kullimkien; il-Mulej kien jaħdem magħhom u jwettaq il-kelma bil-mirakli li kienu jsiru magħha.

Il-Ħsieb

Jeħtieġ iżda li naħbtu ma’ gżira (Atti 27:26)
San Pawl, anzi l-ġifen tiegħu, tfarrak mal-gżejjer Maltin.  Tidher diżgrazzja kbira li minnha iżda ħarġet grazzja mhux biss għaliex ħadd minn dawk li kienu fuq il-ġifen ma tfarrku jew intilfu iżda wkoll għaliex San Pawl kien għodda f’idejn Alla biex ġab il-fidi lil gżiritna.  San Pawl ġie bħala missjunarju u żera’ żerriegħa li minnha ħarġet żerriegħa missjunarja kbira għaliex aħna l-Maltin mhux biss għożżejna din il-fidi talli nies kuraġġużi Maltin, reliġjużi u lajċi, ħallew ġżiritna tul is-snin biex marru jwasslu l-fidi f’artijiet oħra.  Il-Providenza ħasbet fina l-Maltin.  Ftit huma dawk il-pajjiżi li għandhom isimhom minqux fl-Iskrittura Mqaddsa.  Huwa mument mhux biss ta’ tifkira iżda ta’ tiġdid għalina l-Maltin.

Il-Mulej Ġesù ħabbna fuq li ħabbna tant li bagħtilna wieħed mid-dixxipli tiegħu, l-Appostlu tal-Ġnus, biex jiżra’ l-fidi fil-qalb tagħna.

Missirijietna ħabbewh mill-ewwel.  San Pawl, minkejja li kien għadu priġunier, ma beżax iwasslilna l-kelma ta’ Alla li dehret bil-kliem li wettaq u bil-mirakli li għamel ta’ fejqan.  San Pawl seraq il-qlub tal-Maltin u żera’ fihom iż-żerriegħa tas-salvazzjoni dejjiema…. Iżda llum dan kollu huwa storja?  Kemm tassew fadal fidi fil-poplu Malti?

Il-Kelma

Fl-Ewwel Qari tal-lum, meħud mill-Ktieb ta’ l-Għerf, naraw li kulma jseħħ fid-dinja jseħħ minħabba l-Providenza ta’ Alla.  Is-Salm Responsorjali, minn Salm 106, huwa għanja ta’ tifħir lill-Mulej għall-għeġubjijiet li jagħmel mal-bnedmin.  Fit-Tieni Qari, mill-Atti ta’ l-Appostli, għandna r-rakkont tan-nawfraġju ta’ San Pawl fuq gżiritna.  Fil-Vanġelu ta’ San Mark għandna lil Ġesù jagħti l-mandat u l-missjoni lill-Appostli biex imorru JXANDRU AĦBAR TAJBA u jgħammdu lill-ġnus.

Il-Ħajja

San Pawl ġie Malta u wettaq dak mitlub minnu mill-Mulej.  Ġabilna fejqan bil-kelma u fejqan bil-mirakli li wettaq.  Il-fidi żammet lill-poplu Malti ħaj tul dawn is-sekli kollha.  Illum huwa jum ta’ ringrazzjament nazzjonali lil Alla għal din il-grazzja li tana.  Iżda wkoll jum ta’ tiġdid fil-fidi li tgħinna lkoll meta ngħixuha mhux biss fuq livell individwali iżda anki fuq dak kollettiv bħala nazzjon.  Kemm tassew il-familji Maltin għad għandhom lil Ġesù fiċ-ċentru ta’ ħajjithom?  Ħafna drabi naqgħu fl-iżball li ninġarru minn modi u kurrenti li huma frontali kontra l-valuri tal-fidi tagħna.  Inġibu l-gwaj b’idejna.  U dan narawh mill-esperjenza tagħna ta’ kuljum.  Liema huma l-mumenti tal-veru ferħ fil-ħajja tagħna?  Kemm tassew qed nitolbu kull ħin maħfra lill-Mulej u nitolbuh idawwal l-għemil tagħna?

Id-Djalogu

Mulej, San Pawl żera’ ż-żerriegħa tal-fidi fil-poplu Malti.  Għinni, lili bħala Malti, biex inkompli din il-missjoni tiegħu fi gżiritna bl-għemil u bit-twemmin tiegħi.

read more

FEJQAN KONTINWU – Il-5 Ħadd Matul is-Sena B – 4 ta’ Frar 2024

February 1, 2024
Christ Healing the Mother of Simon Peter's Wife by John Bridges

Il-5 Ħadd Matul is-Sena

FEJQAN KONTINWU

Ġob 7: 1-4,6-7;  Salm 146; 1 Korintin 9: 16-19; 22-23; Mark 1, 29-39

Il-Vanġelu

      Ħarġu mis-sinagoga u baqa’ sejjer ma’ Ġakbu u Ġwanni għand Xmun u Indrì. Issa omm il-mara ta’ Xmun kienet fis-sodda bid-deni, u malajr qalulu biha.  Resaq lejha, qabadha minn idha u qajjimha. U d-deni ħallieha, u bdiet isservihom.

     Fil-għaxija, mbagħad, fi nżul ix-xemx, ħadulu quddiemu lil dawk kollha li kienu morda jew li kienu maħkuma mix-xitan. U quddiem il-bieb inġabret il-belt bi ħġarha. U fejjaq ħafna morda minn kull xorta ta’ mard, u ħareġ għadd kbir ta’ xjaten li hu ma kienx iħallihom jitkellmu, għax huma kienu jafu min kien.

      L-għada fil-għodu kmieni, qabel ma żernaq, qam, ħareġ u mar f’post imwarrab u qagħad hemm jitlob. Xmun u sħabu l-oħrajn marru jfittxuh. Kif sabuh, qalulu: “Kulħadd jistaqsi għalik.” U qalilhom: “Ejjew immorru band’oħra, fl-irħula tal-qrib, ħalli nippriedka hemmhekk ukoll, għax għalhekk ħriġt.” U dar il-Galilija kollha, jippriedka fis-sinagogi tagħhom u joħroġ ix-xjaten 

Il-Ħsieb

     Fejjaq il-kunjata ta’ Pietru, fejjaq tant morda u ħareġ ix-xjaten.  Il-missjoni ta’ Ġesù hija waħda ċara ta’ fejqan favur il-bniedem.  Il-bniedem huwa fiċ-ċentru mhux biss tat-tagħlim ta’ Ġesù iżda anki ta’ l-azzjoni ta’ fejqan ta’ Ġesù.  Ġesù jara d-dgħufija tal-bniedem u ma jridx iħalli lill-istess bniedem fil-miżerja.  Il-ħarsa ta’ Ġesù lejn il-bniedem mhix dik li titħassar iżda li tgħin mill-ewwel.

     Ġesù huwa dak li jinteressa ruħu mill-ħajja tagħna kollha.  Mhux ser iħares biss lejn l-affarijiet spiritwali.  Il-Vanġelu tal-lum juri biċ-ċar li Ġesù jinteresa ruħu mill-bniedem sħiħ.  Għalhekk iħares lejn il-bniedem kontinwament biex isalvah kemm fir-ruħ kif ukoll fil-ġisem.

Il-Kelma

     Fl-Ewwel Qari mill-Ktieb ta’ Ġob għandna meditazzjoni dwar it-tbatija li l-bniedem ikollu jħabbat wiċċu magħha.  F’din is-silta hemm ideja pessimista tal-ħajja.  Għad m’hemmx ideja ta’ x’se jiġri wara din il-ħajja.  Is-Salm Responsorjali huwa innu ta’ tifħir lill-Mulej li jfejjaq lil dawk ta’ qalbhom maqsuma.  Fit-Tieni Qari għandna silta mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl lill-Korintin fejn juri l-qawwa u r-responsabbiltà tax-xandir tal-Vanġelu.  Il-Vanġelu ta’ San Mark jippreżenta lil Ġesù bħala t-tabib tar-ruħ u l-ġisem.

Il-Ħajja
  1. Kemm qed nersaq b’umiltà lejn Ġesù biex ifejjaqni?
  2. Kemm qed nafda fil-Mulej fil-mard tiegħi tar-ruħ u tal-ġisem?
  3. Ġesù kontinwament jiġri warajna biex ifejjaqna. Qed inwasslu nies oħrajn għandu għall-fejqan?
  4. San Pawl illum jurina r-responsabbiltà tad-dmir li nxandru l-Vanġelu. Kemm qed tħoss li dan huwa dmir bħala nisrani?
Id-Djalogu

  Mulej, għallimni nersaq lejk

  bil-ġrieħi tiegħi.  Fejjaqni Mulej.

read more

L-IMXAJTAN U L-KELMA SETGĦANA – Ir-4 Ħadd Matul is-Sena B – 28 ta’ Jannar 2024

January 15, 2024

Ir-4 Ħadd Matul is-Sena

L-IMXAJTAN U L-KELMA SETGĦANA

Dewteronomju 18, 15-20; Salm94; 1 Korintin 7, 32-35; Mark 1,21-28

 

Il-Vanġelu

U daħlu Kafarnahum. Malajr, f’jum is-Sibt, daħal fis-sinagoga u qagħad jgħallem. In-nies baqgħu mistagħġbin bil-mod tat-tagħlim tiegħu, għax beda jgħallimhom bħal wieħed li għandu  s-setgħa, u mhux bħall-kittieba. Mela jkun hemm fis-sinagoga tagħhom raġel bi spirtu ħażin u qabad jgħajjat u jgħid: “Aħna x’għandna x’naqsmu, Ġesù ta’ Nazaret? Ġejt biex teqridna? Jien naf min int: ‘Il-Qaddis ta’ Alla’.” Imma Ġesù kkmandah: “Iskot,” qallu,”u oħroġ minnu.”  Mbagħad l-ispirtu ħażin lir-raġel beda jħabbtu ħafna, għajjat għajta kbira u ħareġ minnu. U lkoll stagħġbu, u bdew jistaqsu lil xulxin u jgħidu: “Dan x’inhu? X’tagħlim ġdid mogħti bis-setgħa! Sa lill-ispirti ħżiena jikkmanda, u huma joqogħdu għalih!” U l-fama tiegħu malajr xterdet ma’ l-inħawi kollha  tal-Galilija.

 

Il-Ħsieb

Fil-ġrajja tagħna ta’ kuljum ħafna drabi nħossuna mitlufin anki fl-istess fidi tagħna.  Inkunu nemmnu… iżda m’aħniex nemmnu biżżejjed.  Ħafna drabi nibdew nissuspettaw fl-istess fidi tagħna.  Qed nitlob għall-paċi u tfaqqa’ l-gwerra; qed nitlob għall-fejqan u nibqa’ marid… iżda fejn qed imur it-talb tiegħi?  It-talb tagħna jkun talb ħerqan lejn dak Ġesù li għandu s-setgħa u l-qawwa fl-istess kelma tiegħu.  Kemm Hawn fostna li jippruvaw jaraw li jitolbu l-ħin kollu u mbagħad ikunu ferm ’il bogħod mill-Iskrittura Mqaddsa?  Ħemm bżonn urġenti li nkunu nafu ħafna dwar l-Iskrittura Mqaddsa b’mod speċjali l-kliem ta’ Kristu, għax dan l-istess kliem għandu jkun għalina l-qawwa, tama, faraġ, kuraġġ kontra l-imxajtnin ta’ ġo fina u ta’ madwarna.  Kulħadd kien jibqa’ mistagħġeb meta jitkellem Ġesù.  Illum għadna nkunu mistagħġba bil-kliem ta’ Kristu li qed jitwassal lilna mill-Knisja?  Għadna nemmnu meta nisimgħu l-kliem ta’ Kristu jew aħna biss ossessjonati f’talb li ħafna drabi joħroġ fil-beraħ l-egoiżmu sfrenat ta’ l-umanità tagħna?  Il-kliem ta’ Kristu jgħinna naċċettaw kull sitwazzjoni fil-ħajja tagħna… għaliex m’aħniex naċċettawH u ngħixuH?

Il-Kelma

L-Ewwel qari tal-lum Huwa meħud mill-Ktieb tad-Dewteronomju fejn Hemm il-wegħda li se jqum Profeta li se jwassal il-Kelma ta’ Alla lill-popli kollha.  Is-Salm 94 li ntennu fis-Salm Responsorjali Huwa stedina biex ma nwebbsux qalbna iżda nisimgħu l-leħen tal-Mulej.  It-Tieni Qari tal-lum Huwa meħud mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl lill-Korintin fejn l-Appostlu jgħidilna li jkun xi jkun l-istat tagħna fil-ħajja għandna nħallu l-ewwel post għal Alla.  Il-Vanġelu ta’ San Mark jurina kif in-nies ta’ Kafarnahum baqgħu mistagħġba bil-qawwa u s-setgħa fil-kliem ta’ Ġesù.

Il-Ħajja

  1. Ir-reazzjoni tagħna għax-xitan qed tkun il-Kelma t’Alla?
  2. Kemm nemmnu fil-qawwa tal-Kelma t’Alla?
  3. Kemm għamilna deċiżjonijiet żbaljati għax ma afdajniex lil Alla u afdajna f’esseri inferjuri?
  4. Qed nitolbuH ineħħi minna l-Ispirti mniġġsa ta’ tant vizzji u ħażen li jakkumulaw fina tul ħajjitna?

Id-Djalogu

Mulej, il-Kelma tiegħek tagħtini l-ħajja!

read more

XANDRU L-MESSAĠĠ MALAJR! – It-3 Ħadd matul is-sena B – 21 ta’ Jannar 2024

January 15, 2024

It- 3 Ħadd Matul is-Sena

XANDRU L-MESSAĠĠ MALAJR!

Ġona 3:1-5,10; Salm 24; 1 Kor 7: 29-31; Mark 1: 14-20

Il-Vanġelu

     Wara li arrestaw lil Ġwanni, Ġesù mar il-Galilija jxandar l-Evanġelju ta’ Alla u jgħid: “Iż-żmien huwa mitmum, u s-Saltna ta’ Alla waslet; indmu u emmnu fl-Evanġelju.”

     Waqt li kien għaddej ma’ xatt il-baħar tal-Galilija, lemaħ lil Xmun u ‘l ħuh Indrì qegħdin ikalaw ix-xbiek fil-baħar, għax kienu sajjieda. U Ġesù qalilhom: “Ejjew warajja, u nagħmel minnkom sajjieda tal-bnedmin.” U minnufih telqu x-xbiek, u marru warajh.

     Wara li mexa ftit ieħor ra lil Ġakbu ta’ Żebedew u lil ħuh Ġwanni fid-dgħajsa qegħdin isewwu x-xbiek, u minnufih sejjħilhom. U huma telqu lil missierhom Żebedew fid-dgħajsa mal-lavranti, u marru warajh.

 

Il-Ħsieb

Ejjew warajja, u nagħmel minnkom sajjieda tal-bnedmin
     Hemm bżonn urġenti ta’ konverżjoni – BIDLA.  Hemm bżonn urġenti li l-messaġġ ta’ Kristu llum jasal aħjar u b’mod effiċjenti.  Hemm bżonn li l-bnedmin anki llum jaħdmu kif kien jagħmel Ġesù, mhux biss għall-konverżjoni tal-bnedmin iżda biex inkunu missjunarji ta’ tama ġdida fis-soċjetà.

      Ġesù jagħżel lil kull min jiftaħ qalbu għas- sejħa li jagħmel.  Huwa ferħ importanti li nwieġbu għal din is-sejħa mingħajr qtigħ ta’ qalb.  Ġesù  għandu fiduċja fina.  Huwa jħares f’għajnejna u jridna nkunu miegħu.

Il-Kelma

     Fl-Ewwel Qari tal-lum, mill-Ktieb ta’ Ġona, għandna lil Alla jagħżel lil Ġona biex juri li s-sejħiet tiegħu hu jagħmilhom lil kulħadd, inkluż lill-pagani.  Fis-Salm Responsorjali, minn Salm 24, għandna talba lill-Mulej biex jurina triqatu, filwaqt li fit-Tieni Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl lill-Korintin, San Pawl uriena li l-investiment tagħna jkun fl-affarijiet tas-sema għax iż-żmien qasir,  Fil-Vanġelu ta’ San Mark għandna l-predikazzjoni ta’ l-Aħbar it-Tajba u s-sejħiet ta’ Kristu lill-Appostli.

Il-Ħajja
  1. Ġesù jgħidlek llum: iż-żmien huwa mitmum u s-Saltna t’Alla waslet. Indmu u emmnu fil-Bxara t-Tajba.  Temmen inti f’dan?
  2. Kemm qed tifhem li anki lilek Ġesù sejjaħlek b’ismek mhux biss biex inti tikkonverti iżda wkoll biex tħabbar l-Aħbar it-Tajba fl-ambjent tiegħek?
  3. Ġesù qed isejjaħ kull ħin biex nimxu warajh… għadni indeċiż biex nilqgħu f’kollox?
  4. San Pawl itenni li ż-żmien qsar. Torbotx qalbek ma’ affarijiet tad-dinja.
Id-Djalogu

     Mulej, għinni int

     biex nitlaq kollox

     u fil-libertà nimxi warajk.

read more

4.00 p.m. – It-2 Ħadd matul is-sena B – 14 ta’ Jannar 2024

January 11, 2024

It- 2 Ħadd Matul is-Sena

4.00 p.m.

Samwel 5: 3b-10.19; Salm 39; 1 Korintin 6: 13c-15a: 17-20; Ġwanni 1:35-42

Il-Vanġelu

[Ġwanni 1:35-42]

L-għada Ġwanni raġa’ kien hemm ma’ tnejn mid-dixxipli tiegħu. Ħares lejn Ġesù li kien għaddej minn hemm, u qal: “Araw il-Ħaruf ta’ Alla.” Iż-żewġ dixxipli semgħuh jgħid dan, u marru wara Ġesù. Ġesù dar u rahom mexjin warajh, u qalilhom: “Xi tridu?” Iżda huma staqsewh: “Fejn toqgħod, Rabbi?” – li tfisser Mgħallem. Hu weġibhom: “Ejjew u taraw.” U marru miegħu u raw fejn kien joqgħod, u dak in-nhar baqgħu miegħu. Kien għall-ħabta ta’ l-għaxar siegħa. Wieħed mit-tnejn li semgħu x’kien qal Ġwanni u marru wara Ġesù kien Indrì, ħu Xmun Pietru. L-ewwel ma għamel mar isib lil ħuh Xmun, u qallu: “Sibna l-Messija” – li tfisser Kristu. U ħadu għand Ġesù. Ġesù ħares lejh u qallu: “Inti Xmun, bin Ġwanni. Inti tissejjaħ Kefa” – jew Pietru.

 

Il-Ħsieb

Ejjew u taraw
     Kienu l-erbgħa ta’ wara nofsinhar.  Ġwanni jibqa’ jiftakar il-ħin preċiż tal-laqgħa tiegħu mal-Mulej.  Mhux il-ġurnata biss baqa’ jiftakar iżda l-ħin preċiż ta’ l-istedina tiegħu.  Ma tantx ħela kliem, iżda tenna EJJEW U TARAW.  Hija stedina u sfida biex nimxu wara Ġesù.  Hija stedina biex jekk naħsbu li l-ħajja ta’ Ġesù hija iebsa nistgħu nwarrbu.  Ġesù din l-istedina jagħmilha b’mod personali, anzi ‘ħares lejn’ l-għajnejn ta’ Ġesù jiltaqgħu ma’ tas-sajjied Xmun.  Is-sejħa tibda b’Pietru.

Il-Kelma

     Fl-Ewwel Qari, meħud mill-Ktieb ta’ Samwel, għandna r-rakkont tas-sejħa ta’ Samwel li ma għarafx mill-ewwel iżda wara wieġeb il-kelma tal-Mulej.  Fis-Salm Responsorjali, meħud minn Salm 39, għandna t-tweġiba miftuħa tan-nisrani matur quddiem l-istedina ta’ Alla.  It-Tieni Qari, mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl lill-Korintin, jurina li għandna nużaw tajjeb il-libertà li ksibna fi Kristu.  Fil-Vanġelu tal-lum għandna s-sejħa u stedina li għamel Ġesu lid-dixxipli – ejjew u araw.

Il-Ħajja
  1. Kemm qegħdin tassew, fil-ħajja tagħna, nirrispondu bis-serjetà għas-sejħiet ta’ Ġesù?  Kemm qed infittxu u naraw x’qed jagħmel magħna Ġesù?
  2. Ġesù? jagħżilna b’isimna. Għandu missjoni għal kull wieħed u waħda minna.  M’huwiex diffiċli li nsegwuh.  Huwa tajjeb li ma naqtgħux qalbna.  Importanti li nsegwuh.
  3. Fil-ħajja tagħna nieħdu ħafna riskji, speċjalment fejn jidħlu l-finanzi. Kemm qed nieħdu riskji ta’ fidi fl-għażliet li nwettqu għal Ġesù?  Kemm qed insegwu dak li qed jgħidilna llum Ġesù, minkejja li jidher kontradittorju għas-soċjeta ta’ llum?
  4. Kemm qed nindikaw lil Ġesù lin-nies ta’ madwarna, bħalma għamel Ġwanni l-Battista?
  5. Ġwanni l-Evanġelista jiftakar il-ħin preċiż li sejjaħlu Ġesù. Int tiftakar?
Id-Djalogu

  Hawn jien Mulej,

  ġej nagħmel ir-rieda tiegħek (Salm 39).

read more

ID-DAWL TAL-KEWKBA – L-Epifanija tal-Mulej – 7 ta’ Jannar 2024

January 2, 2024

L-Epifanija tal-Mulej

ID-DAWL TAL-KEWKBA

Isaija 60: 1-6; Salm 71, Efesin 3: 2-6; Mattew 2: 1-12

 

Il-Vanġelu

Meta twieled Ġesù f’Betlehem tal-Lhudija, fi żmien is-sultan Erodi, xi maġi mil-lvant ġew Ġerusalemm jistaqsu: “Fejn hu dak li twieled sultan tal-Lhud? Għax rajna l-kewkba tiegħu tielgħa, u ġejna nqimuh.” Is-sultan Erodi sama’ bihom, u tħawwad hu u Ġerusalemm kollha miegħu. Ġabar flimkien il-qassisin il-kbar u  l-kittieba kollha tal-poplu, u ried jaf mingħandhom fejn kellu jitwieled   il-Messija. U huma qalulu: “F’Betlehem tal-Lhudija, għax hekk inkiteb mill-profeta:

                 ‘U int, Betlehem, art ta’ Ġuda,

                 le, m’intix l-iżgħar fost il-bliet il-kbar ta’ Ġuda

                 għax minnek joħroġ mexxej

                 li jirgħa l-poplu tiegħi Iżrael.’

Erodi mbagħad sejjaħ lill-maġi bil-moħbi, u tkixxef bir-reqqa kollha mingħandhom iż-żmien li fih dehritilhom il-kewkba; bagħathom Betlehem u qalilhom: “Morru, staqsu sewwa għat-tifel, u meta ssibuh ejjew għiduli, ħalli jien ukoll niġi nqimu.”  Dawk, wara li semgħu lis-sultan, telqu, u ara, il-kewkba li kienu raw tielgħa bdiet miexja quddiemhom sakemm waslet u waqfet fuq il-post fejn kien hemm it-tifel. Kif raw il-kewkba mtlew b’ferħ kbir tassew. Meta mbagħad daħlu d-dar u raw lit-tifel ma’ ommu Marija, nxteħtu fl-art iqimuh; fetħu t-teżori tagħhom u offrewlu rigali deheb, inċens u mirra. Mbagħad, billi kienu mwissijin f’ħolma biex ma jerġgħux imorru għand Erodi, telqu lura lejn arthom minn triq oħra.

 

Il-Ħsieb

 

Imtlew b'ferħ kbir tassew
    It-twelid ta’ Ġesù Bambin kien mument ta’ ferħ mhux magħruf għall-umanità kollha sakemm il-kewkba indikat dan il-mument u lokalità lill-Maġi li ġew ifittxu lil Ġesù minn diversi lokalitajiet.  Minkejja tant tfixkil, baqgħu jfittxu sakemm sabu lil Ġesù minn diversi lokalitajiet.  Minkejja tant tfixkil, baqgħu jfittxu sakemm sabu lil Ġesù.  Ħafna drabi fil-ħajj tagħna, minkejja tant dwal ta’ grazzja li jagħtina l-Mulej, naqtgħu qalbna malajr quddiem l-iċken tfixkil u malajr indawru wiċċna ’l bogħod minn Ġesù.  Il-Maġi ma għamlux hekk!  Baqgħu jfittxu lil Ġesù sakemm sabuh u ppreżentaw ir-rigali taghhom:  deheb – inċens – mirra.  It-tfittxija temmewha bil-laqgħa ma’ Ġesù li bidilhom – “imtlew b’ferħ kbir tassew.”

Il-Kelma

     L-Ewwel Qari tal-lum joffrilna silta mill-ktieb ta’ Isaija, fejn l-Awtur jirrakkonta l-mixja tal-poplu Lhudi li hu meħlus mill-jasar ta’ Babel u riesaq lejn Ġerusalem.  Is-Salm Responsorjali, meħud minn Salm 71, huwa innu ta’ tifħir lill-Messija – is-Sultan tal-Ħolqien kollu.  Fit-Tieni Qari tal-lum, meħud mill-Ittra ta’ San Pawl lill-Efesin, għandna lil San Pawl jitkellem dwar il-misteru tal-Pjan ta’ Salvazzjoni lill-pagani.  Fil-Vanġelu ta’ San Mattew għandna r-rakkont taż-Żjara tal-Maġi li ġew mil-Lvant biex jagħtu qima lill-Mulej.

Il-Ħajja
  1. Kemm qed nagħmlu minn ħajjitna tfittxija serja għal Ġesù?
  2. Kemm qed inkunu nies li naqtgħu qalbna malajr ma’ l-ewwel tfixkil li nsibu fit-triq tagħna?
  3. Kemm tassew qed ikollna mumenti fil-ħajja tagħna li naduraw lil Ġesù?
  4. X’tip ta’ rigali qed noffru lil Ġesù? Kemm-il darba qed noffru l-istess ħajja tagħna?
  5. Fil-jum ta’ l-Epifanija ejjew inwiegħdu lil Ġesù li se nagħtu xhieda akbar tiegħu fil-jiem ta’ ħajjitna.
Id-Djalogu

  Mulej, inti li wrejt lilek innifsek lill-ġnus kollha,agħmel li fiċ-ċokon tiegħi nagħti xhieda tiegħek lil ta’ madwari.

read more