Priedki

L-IMQADDSA OMM ALLA – L-1 ta’ Jannar 2024

December 28, 2023

L-1 ta’ Jannar

L-IMQADDSA OMM ALLA

Numri 6, 22-27, Salm 62; Galatin 4; 4-7; Luqa 2: 16-21

Il-Vanġelu

Marru mela jgħaġġlu, u sabu lil Marija u ‘l Ġużeppi, bit-tarbija mimduda f’maxtura. Kif raw dan, bdew jgħarrfu b’kull ma kien intqal lilhom dwar dik it-tarbija, u kull min semagħhom baqa’ mistagħġeb b’dak li qalulhom ir-rgħajja. Marija, min-naħa tagħha, baqgħet tgħożż f’qalbha dawn il-ħwejjeġ kollha u taħseb fuqhom bejnha u bejn ruħha. Ir-rgħajja mbagħad reġgħu lura, isebbħu u jfaħħru lil Alla għal kull ma kienu raw u semgħu, kif l-anġlu kien qalilhom.

Meta wasal it-tmien jum biex lit-tifel jagħmlulu ċ-ċirkonċiżjoni, semmewh Ġesù, bl-isem li kien tah l-anġlu qabel ma tnissel fil-ġuf.

Il-Ħsieb

Illum l-ewwel ġurnata tas-sena l-ġdida. Min jaf kemm nippruvaw nagħmlu proponimenti u l-Knisja tgħinna biex nagħmlu dawn il-proponimenti u nsegwuhom. Illum il-Knisja tippreżentalna lill-Imqaddsa Omm Alla bħala l-pedament kemm tal-ħajja tagħna ta’ kuljum u niftakru li Marija ħadet ħsieb lill-Iben t’Alla li sar beniedem. Marija, li hija mudell għal dawk kollha li m’humiex suppervi iżda umli. Huwa għalhekk li Ġesù Bambin wera lilu nnifsu fil-Grotta ta’ Betlem lil grupp ta’ ragħajja li kienu fqar u umli. Ġesù juri lilu nnifsu biss lil dawk li huma foqra sabiex bil-preżenza u l-ħajja tiegħu jimliehom bil-ferħ veru. Il-festa ta’ llum mhix biss il-festa ta’ l-ewwel ġurnata ta’ sena ġdida, iżda hija l-festa ta’ Marija Ommna li hija mudell għalina lkoll, għall-mod ta’ ħajja li rridu ngħixu kif ukoll Omm li se tħarisna. It-titlu ta’ Omm Alla huwa l-pedament tat-titli l-oħra u tal-qima li l-Insara minn dejjem tawha. Kull meta fl-art mqaddsa ta’ l-ewwel insara nsibu x-xbieha ta’ Marija, insibuha dejjem ma’ Binha Ġesù fi ħdanha. Marija laqgħet lill-Iben ta’ Alla fil-ġuf wara li kienet diġà laqgħetu fil-qalb tagħha permezz tal-fidi. Ġesù jqis lilna lkoll bħala ommu u ħutu, jekk bħal Marija nilqgħu f’qalbna l-kelma tiegħu.

Il-Kelma

Fl-Ewwel Qari mill-Ktieb tan-Numri, insibu li l-Mulej kellem lil MoseÏ biex jitlob il-barka tal-Mulej. Dan kien ifisser li jsejjaħ fuq in-nisel tiegħu l-isem tal-Mulej biex huwa nnifsu jiġi ħalli jsalvana. Din is-salvazzjoni ġġib magħha lill-Mulej li jħarisna, jaħfrilna u jagħtina r-rigal tal-paċi u tal-hena. Il-Mulej jibgħat din il-barka fil-persuna ta’ Ġesù ta’ Nażaret. Fis-Salm Responsorjali minn Salm 62 għandna innu ta’ radd il-ħajr lill-Mulej Alla tagħna li permezz ta’ Ġesù Kristu tana sehem mill-barkiet tiegħu li fl-imgħoddi ta lill-poplu ta’ Israel. Fit-Tieni Qari mill-Ittra ta’ San Pawl lill-Galatin għandna stqarrija ta’ San Pawl li Ġesu huwa tassew bniedem bħalna għax huwa mwieled minn mara. Ġesù mhux biss jeħlisna mill-jasar tal-ħażen iżda permezz ta’ l-Ispirtu tiegħu jagħmilna wlied u werrieta tas-Saltna tiegħu. Fil-Vanġelu ta’ San Luqa għandna dehra oħra tal-Grotta ta’ Betlem; din id-darba huma r-ragħajja n-nies privileġġjati li jagħmlu żjara lil Ġesu bambin. Quddiem ħafna bibien magħluqa kienet il-qalb tar-ragħajja foqra, iżda twajba, ta’ dawk l-inħawi li ġegħlithom jersqu lejn dik il-Grotta u jaraw u jaduraw lil Ġesù Bambin. Is-Salvatur tad-dinja jrid quddiemu nies bi qlubhom safja, foqra u sempliċi.

Il-Ħajja

Fl-ewwel jum ta’ sena ġdida rridu nirriflettu sew fuq il-mod ta’ ħajja li qed ngħixu. Fl-ewwel jum tas-sena rridu mmorru aħna wkoll quddiem Ġesù biex noffrulu din is-sena li se jislifna biex ngħixu. Fl-ewwel jum tas-sena lkoll kemm aħna rridu nersqu b’mod sempliċi u b’qalbna miftuħa beraħ quddiem is-Salvatur, quddiem l-Imanuel – Alla magħna. Dan il-lejl ħafna nies iċċelebraw bidu ta’ sena ġdida, iżda x’iċċelebraw? Sena fejn ser ikomplu jikbru l-ġrieħi tal-firda? Sena li fiha s-sinjur ser isir aktar sinjur u l-fqir aktar fqir? Sena li fiha lkoll kemm aħna se naħdmu għal rasna? Kemm ser niċċelebraw għax ser niftaqru mis-suppervja, mill-egoiżmu, mill-għatx għall-poter u l-flus? Kemm qed niċċelebraw għax sibna OMM li hija wkoll OMM ALLA li ser inħarsu lejha bħala l-mudell ta’ ħajjitna u hi min-naħa tagħha ser tipproteġina? Bdejna sena li l-ferħ tagħha ser idum daqskemm inkunu nies foqra u sempliċi. Din hija l-isfida għal din is-sena!

Id-Djalogu

O Alla li kellimtna permezz ta’ Ibnek,
Li tajtna lil Marija bħala Ommna,
Għinna ngħixu fuq l-eżempju tagħha,
Tul il-jiem kollha ta’ din is-sena.

read more

RIFLESS TA’ FAMILJA – Il-Festa tal-Familja Mqaddsa – il-Ħadd 31 ta’ Diċembru 2023

December 28, 2023

Il-Festa tal-Familja Mqaddsa ta’ Nażaret

RIFLESS TA’ FAMILJA

Bin Sirak 3:2-6; 12-14; Salm 127, 1-5; Kolossin 3: 12-21; Luqa 2: 22-40

Il-Vanġelu

Il-preżentazzjoni ta’ Ġesù fit-tempju

 Wara li għalqilhom iż-żmien għall-purifikazzjoni tagħhom skond il-Liġi ta’ Mosè, ħaduh Ġerusalemm biex jippreżentawh lill-Mulej, kif hemm miktub fil-Liġi tal-Mulej, li ‘kull tifel li jitwieled l-ewwel, jiġi kkonsagrat lill-Mulej,’ u biex joffru b’sagrifiċċju ‘par gamiem jew żewġ bċieċen,’ kif jingħad ukoll fil-Liġi tal-Mulej.

 F’Ġerusalemm kien hemm wieħed, jismu Xmun, raġel ġust u tajjeb, li kien jistenna l-faraġ ta’ Iżrael u li kellu l-Ispirtu s-Santu fuqu. L-Ispirtu s-Santu kien nebbħu li ma kienx se jara l-mewt qabel ma jara l-Messija tal-Mulej. Mar mela fit-tempju, mqanqal mill-Ispirtu, u xħin il-ġenituri daħlu bit-tarbija Ġesù biex jagħmlulu dak li kienet trid il-Liġi, huwa laqgħu fuq dirgħajh, bierek lil Alla u qal:

“Issa, o Sid, tista’ tħalli l-qaddej tiegħek imur fis-sliem, skond kelmtek, għaliex għajnejja raw is-salvazzjoni tiegħek li int ħejjejt għall-popli kollha, dawl biex idawwal il-ġnus, u glorja tal-poplu tiegħek Iżrael.”

 Missieru u ommu baqgħu mistagħġba b’dak li kien qiegħed jingħad fuqu. Xmun berikhom, u qal lil ommu Marija: “Ara, dan se jġib il-waqgħa u l-qawmien ta’ ħafna f’Iżrael; se jkun sinjal li jmeruh, – u inti wkoll, sejf jinfidlek ruħek! – biex jinkixfu l-ħsibijiet moħbija fil-qlub ta’ ħafna.”

Kien hemm ukoll waħda profetissa, Anna, bint Fanwel, mit-tribù ta’ Aser. Kienet imdaħħla ħafna fiż-żmien; wara xbubitha kienet għamlet seba’ snin miżżewwġa, u mbagħad romlot. Sa ma kellha erbgħa u tmenin sena ma kienet titwarrab qatt mit-tempju, lejl u nhar taqdi lil Alla fis-sawm u t-talb. Dak il-ħin stess waslet, u bdiet trodd ħajr lil Alla u titkellem fuq it-tarbija ma’ dawk kollha li kienu jistennew il-fidwa ta’ Ġerusalemm.

Meta temmew kull ma kellhom jagħmlu skond il-Liġi tal-Mulej reġgħu lura lejn il-Galilija fil-belt tagħhom ta’ Nazaret.  U t-tifel baqa’ jikber u jissaħħaħ, mimli  bl-għerf. U l-grazzja ta’ Alla kienet fuqu

 

Il-Ħsieb

     Xi ftit jew wisq kulħadd għandu għal qalbu l-familja tiegħu.  Kulħadd jaf kemm dwejjaq jaqbduk meta tisma’ bi stejjer ta’ familji li qed jitfarrku kull ħin.  L-ewwel Ħadd fuq il-Milied il-liturġija tiddedikah għall-familja ta’ Nażaret bħala rifless tal-familji nsara llum.  Il-Milied huwa l-festa li tgħaqqad il-familja.  Iżda dan għadu jseħħ illum?  Kemm tassew qed inpoġġu l-valuri ta’ l-għaqda fil-familja f’post ċentrali ta’ ħajjitna?  Dawk li se jibnu familja qed iħarsu b’entużjażmu lejn din l-esperjenza, jew għalihom id-dar tiġi qabel il-familja?  Ir-rifless tal-familja ta’ Nażaret huwa rifless ta’ famija umli u sempliċi iżda magħquda bil-preżenza ta’ Ġesù f’nofshom.  Kemm qed nittamaw u naħdmu ħalli kull familja llum ikollha preżenza li tinħass ta’ Ġesù fin-nofs tar-realtà familjari?  Il-Familja ta’ Nażaret hija rifless ta’ rispett iżda wkoll sagrifiċċju, xi ħaġa li forsi qed tgħib mill-familji Maltin illum.

Il-Kelma

     L-Ewwel Qari tal-lum huwa meħud mill-Ktieb ta’ Bin Sirak u juri kif wieħed irid iħobb u jirrispetta l-ġenituri tiegħu biex juri li tassew iħobb u jirrispetta lil Alla.  Fis-Salm Responsorjali għandna Salm li jfaħħar lil dawk kollha li jagħżlu b’mod għaqli li jimxu fil-mogħdijiet tal-Mulej.  San Pawl, fit-Tieni Qari tal-lum, itenni l-istedina tal-maħfra ta’ xulxin għax aħna lkoll maħbubin ta’ Alla.  Fil-Vanġelu tal-lum għandna ritratt tal-familja ta’ Nażaret bħala xempju ta’ fedeltà lejn Alla u lejn il-liġi tiegħu.

Il-Ħajja
  1. Kemm għandna nagħtu importanza lit-talb fil-familja tagħna?
  2. Kemm qed inħoss li l-preżenza ta’ Alla hija importanti fil-ħajja tal-familja tiegħu; kemm tinqara l-kelma ta’ Alla flimkien; kemm tassew qed nifhmu u nagħdru lil xulxin?
  3. Kemm qed insibu ħin nisimgħu lil xulxin fil-familja tagħna?
  4. Il-pedament tal-familja hija s-sagrifiċċju bi spirtu evanġeliku.  Qed nifhmu li Alla jinsab anki meta inti tiċċaħħad minn xi ħaġa għal xi ħadd fil-familja tiegħek?
  5. Kemm qed nitolbu għall-qdusija tal-familja tagħna?
  6. Attenti li jkun hemm Alla wieħed fil-familja u nibżgħu minn allat foloz li jistgħu jitlajjaw mal-familja, bħalma huma l-flus u attrazzjonijiet oħra.
Id-Djalogu

  Mulej, żomm idejk fuq il-familji tagħna.

  Qaddishom u berikhom.

read more

AWGURI GĦAL ĦAJJITNA – il-Milied – 25 ta’ Diċembru 2023

December 18, 2023

Il-Milied

AWGURI GĦAL ĦAJJITNA

Isaija 52, 7-10; Salm 97; Lhud 1,1-6; Ġwanni 1, 1-18

Il-Vanġelu – Il-Verb sar bniedem

Fil-bidu kien il-Verb, u l-Verb kien ma’ Alla, u l-Verb kien Alla. Hu kien fil-bidu ma’ Alla. Kollox bih sar, u xejn ma sar mingħajru; kull ma sar kellu l-ħajja fih, u l-ħajja kienet id-dawl tal-bnedmin. Id-dawl jiddi fid-dlam, imma d-dlam ma għelbux.

Kien hemm raġel mibgħut minn Alla, jismu Ġwanni. Dan ġie bħala xhud, biex jixhed għad-dawl, biex bih kulħadd jemmen. Ġwanni ma kienx id-dawl, imma ġie biex jixhed għad-dawl, dak id-dawl veru, li jdawwal kull bniedem, huwa u ġej fid-dinja. Kien fid-dinja, u d-dinja saret bih, imma d-dinja ma għarfitux. Ġie f’daru, u niesu ma laqgħuhx. Imma lil dawk li laqgħuh tahom is-setgħa li jsiru wlied Alla, dawk li jemmnu f’ismu, li twieldu mhux bid-demm, anqas mill-ġibda tal-ġisem, u anqas mir-rieda tal-bniedem, iżda minn Alla.

U l-Verb sar bniedem u għammar fostna, u aħna rajna l-glorja tiegħu, il-glorja li għandu mill-Missier bħala Ibnu l-waħdieni, mimli bil-grazzja u l-verità. Ġwanni ta xhieda fuqu meta għajjat u qal: “Dan hu li għalih għedtilkom, ‘Jiġi warajja, imma hu aqwa minni, għax kien minn qabli.’ “

Għax mill-milja tiegħu aħna lkoll ħadna, grazzja fuq grazzja. Alla ta l-Liġi permezz ta’ Mosè imma l-grazzja u l-verità seħħu permezz ta’ Ġesù Kristu. Lil Alla għadu ħadd ma rah; imma għarrafhulna l-Iben il-waħdieni ta’ Alla, li hu fi ħdan il-Missier.

Il-Ħsieb

U l-Verb sar bniedem u għammar fostna - verbum dei caro factum est
     Illum nawguraw ħafna lil xulxin.  Nawguraw il-Milied it-Tajjeb, iżda l-Milied it-tajjeb jista’ jkun biss tajjeb jekk nifhmu li qed niċċelebraw il-festa tat-Twelid tal-Messija.  Il-ferħ tagħna llum m’huwiex ferħ ta’ mument iżda ferħ ta’ ħajja sħiħa.  Il-ferħ tagħna llum mhux marbut ma’ rigal jew xi party iżda ferħ li jwassal lilna lkoll viċin il-faqar tal-maxtura ta’ Betlem, iwassalna biex niżvujtaw qlubna mill-imbarazz ta’ tant affarijiet materjali biex insibu dak il-ferħ li huwa biss ta’ ġid spiritwali.  Din mhix utopjija iżda hija tfittxija għall-veru ferħ li jibqa’ magħna kuljum matul is-sena.  Il-ferħ tagħna llum, għax Alla fdiena billi bagħat lil Ibnu fid-dinja, għalina jrid ifisser li lkoll kemm aħna nifhmu li Alla jsegwi l-passi tagħna minkejja li jħallina liberi.  Alla jsegwi l-passi tagħna minkejja li nistgħu neħduha kontra tiegħu, li Alla jsegwi l-passi tagħna biex fil-waqgħat ikun ħdejna u jkennina.  Il-Bambin ta’ Betlem, li mill-ewwel sigħat id-dinja ma għarfitux u ma laqgħetux, qed isejħilna biex nersqu lejh.  Ser inkunu b’għajnejna miftuħa llum fil-ġurnata tal-Milied Imqaddes li nersqu lejh u nadurawh?

     Il-festa tal-lum trid twasslilna wkoll il-messaġġ ta’ l-għażla bejn id-dawl u d-dlam.  Noqogħdu attenti għall-kliem tal-Vanġelu ta’ San Ġwann li ntennu llum:  “Kien id-dawl tassew li jdawwal kull bniedem li jiġi fid-dinja.  Kien fid-dinja u d-dinja saret bih imma d-dinja ma għarfitux.  Ġie f’daru u niesu ma laqgħuhx.”  Araw l-arroganza tiegħi u tiegħek.  Il-Mulej jiskomoda ruħu u jidħol fid-dinja tagħna u aħna ma nagħrfuhx u ma nilqgħuhx.  Din is-sena wkoll ser inħallu l-bibien magħluqa għalih?

Il-Kelma

     Fl-Ewwel Qari tal-lum, meħud mill-Ktieb tal-Profeta Isaija, għandna r-rakkont kif Alla ħeles il-poplu tiegħu mill-eżilju ta’ Babel u qiegħed imexxih lura lejn art twelidu.  Il-Ħabbâra qed jiġru quddiemu biex jagħtu din l-aħbar ta’ ferħ u sliem lil Ġerusalemm.  Il-għassiesa nfushom tal-belt qegħdin jaraw b’għajnejhom lill-poplu ġej lura.  Alla ġej jifdi, ifarraġ, isalva u jagħti l-paċi.  Alla ġej biex iwaqqaf is-Saltna tiegħu fostna.  Is-Salm Responsorjali, meħud minn Salm 97, jurina li Alla jagħmel għeġubijiet kbar ma’ l-umanità u għalhekk jeħtieġ li nfaħħruh għal dak li għamel magħna.  Fit-Tieni Qari, mill-Ittra lil-Lhud, jingħad li l-festa tal-lum turina li Alla jkellimna mhux biss bil-kliem iżda fil-ġrajjiet.  “Kellimna permezz ta’ Ibnu, li hu għamlu werriet ta’ kollox.”  Dan l-Iben, itenni l-awtur ta’ l-Ittra lil-Lhud, huwa d-dija ta’ Alla u x-xbieha ta’ l-essenza tiegħu u li jżimm id-dinja kollha bil-kelma setgħana tiegħu.  Il-Vanġelu tal-lum, meħud minn San Ġwann, jurina li l-Għerf-Kelma-Verb sar bniedem bħalna fil-Persuna ta’ Ġesu ta’ Nażaret biex ikun għalina dawl u ħajja li tagħmilna wlied Alla.

Il-Ħajja

     Iva, huwa ġust li llum nifirħu.  Iva, huwa ġust li llum nawguraw flimkien.  Iva, huwa ġust li lkoll kemm aħna nifhmu li Alla mhux talli ma nsiniex talli bagħat lill-istess Ibnu fid-dinja biex jifdina u jsalvana.  L-Imanuel ifisser li Alla hu magħna.  Dik it-tarbija ċkejkna tterter bil-bard ta’ Betlem għalina hija sinjal kbir ta’ dawl u fiduċja kbira li Alla wera ma’ l-umanità mġarrba, miegħi u miegħek li ħafna drabi naħsbu li Alla nsiena.  Alla ma jinsiena qatt.

Id-Djalogu

  O Ġesu Bambin

  Li tħares lejna kull ħin,

  Aħfer lilna l-midinbin,

  Biex nifhmu li int Alla ħanin.

read more

WASALNA? – Ir-4 Ħadd tal-Avvent – Sena B – 24 ta’ Diċembru 2023

December 17, 2023

Ir- 4 Ħadd ta’ l-Avvent

WASALNA?

2 Samwel 7, 1-5; 8b,12; 14a-16; Salm 88; Rumani 16:25-27; Luqa 1:26-38

Il-Vanġelu

     Mbagħad fis-sitt xahar Alla bagħat l-anġlu Gabrijel f’belt tal-Galilija. jisimha Nazaret,  għand xebba, mgħarrsa ma’ raġel jismu Ġużeppi mid-dar ta’ David. Dix-xebba kien jisimha Marija. L-anġlu daħal għandha u qalilha: “Sliem għalik, mimlija bil-grazzja, il-Mulej miegħek.”  Hi tħawwdet ħafna għal dan il-kliem, u bdiet taħseb bejnha u bejn ruħha x’setgħet qatt tfisser din it-tislima. Iżda l-anġlu qalilha: “Tibżax, Marija, għax inti sibt grazzja quddiem Alla.  Ara, inti se tnissel fil-ġuf u jkollok iben u ssemmih Ġesù.  Hu jkun kbir, u jkun jissejjaħ Bin l-Għoli. Il-Mulej Alla jagħtih it-tron ta’ David missieru u jsaltan għal dejjem fuq dar Ġakobb, u ma jkunx hemm tmiem għas-saltna tiegħu.”  Iżda Marija qalet lill-anġlu: “Kif ikun dan, ladarba ma nagħrafx raġel?” Wieġeb l-anġlu u qalilha: “L-Ispirtu s-Santu jiġi fuqek, u l-qawwa ta’ l-Għoli tixħet id-dell tagħha fuqek. U għalhekk dak li jitwieled minnek ikun qaddis, u jissejjaħ Bin Alla. Ara, il-qariba tiegħek Eliżabetta, fi xjuħitha, hi wkoll nisslet iben fil-ġuf, u ġa għandha sitt xhur dik li għaliha kienu jgħidu li ma jistax ikollha tfal,  għax għal Alla ma hemm xejn li ma jistax isir.” Mbagħad qalet Marija: “Ara, jiena l-qaddejja tal-Mulej: ħa jsir minni skond kelmtek!” U l-anġlu telaq minn quddiemha.

 

Il-Ħsieb

 

ħa jsir minni skond kelmtek
    Marija tħawdet quddiem il-messaġġ ta’ Alla permezz ta’ l-Anġlu Gabriel.  Marija ma għarfitx mill-ewwel x’se twieġeb quddiem ir-rieda ta’ Alla.  Iżda ħadet riskju.  Intelqet f’idejh.  Qalet iva.  U ftit jiem qabel il-Milied huwa mument ta’ riflessjoni: kif irridu naċċettaw it-twelid ta’ Ġesù Bambin fil-qalb tagħna minn hawn u ftit ġranet oħra.  Kuljum irridu nagħmlu għażliet.  Kuljum irrid nagħżel bejn dak li jridni nagħmel Alla u dak li jridni nagħmel l-egoiżmu ta’ qalbi.  Ħafna nies qegħdin jagħżlu huma stess li jkunu frustrati fil-ħajja tagħhom.  Ħafna nies qed jagħżlu huma stess li jgħixu f’gaġġa ta’ disperazzjoni.  Ħafna nies qegħdin jirrifjutaw kull ħin il-grazzja u t-tama li Alla biss jaf jagħti.  Marija hija l-mudell għalina.  Hija wkoll tħawdet. Jitkellem ċar San Luqa dwar dan; iżda qalet iva.  Hemm bżonn li ngħidu iva lil Alla għal dak li jrid minna.  Hemm bżonn li nirriskjaw aktar fil-fidi tagħna.  Nirriskjaw aktar billi nintelqu f’idejn Alla.  Ma nħallux biss l-ego tagħna jmexxina.

Il-Kelma

     Fl-Ewwel Qari tal-lum, mill-Ktieb tal-Profeta Samwel, insibu li l-profeta Natan iwiegħed lis-Sultan David li Alla nnifsu kien se jibnilu dar u li s-Saltna tiegħu kienet se tibqa’ sħiħa għal dejjem.  Is-Salm Responsorjali, meħud minn Salm 88, irid jgħanni lill-Mulej għax huwa dejjem iżomm il-wegħdiet li jagħmel ma’ l-umanità.  It-Tieni Qari tal-lum, meħud mill-Ittra ta’ San Pawl lir-Rumani, juri li l-wegħda ta’ Alla li ppronunzja permezz tal-Profeti seħħet fil-persuna ta’ Ġesù Kristu.  Fil-Vanġelu ta’ San Luqa għandna r-rakkont tat-tħabbira tal-Mulej li turi li kienet se sseħħ il-wegħda li Alla għamel lill-Profeta David.

Il-Ħajja

  1. Il-Mulej WASAL. Se tiftaħ beraħ il-qalb tiegħek?
  2. Kemm qed nagħrfu nwettqu bħal Marija dak li jrid minn Alla?
  3. Kemm se jkun Milied ta’ rifelssjoni spiritwali l-Milied li riesaq fuqna?
  4. X’rigal se tagħtih lil Ġesu Bambin din is-sena?

Id-Djalogu

  Hawn jien Mulej,

  ħa jsir minni skond kelmtek!

read more

XHIEDA GĦAD-DAWL – It-3 Ħadd tal-Avvent – Sena B – 17 ta’ Diċembru 2023

December 10, 2023

It-3 Ħadd ta’ l-Avvent

XHIEDA GĦAD-DAWL

Isaija 61: 1-2;10-11; Luqa 1:46-50; 53-54; 1 Tessalonkin 5:15-24; Ġwanni 1:6-8;19-28

Il-Vanġelu

Kien hemm raġel mibgħut minn Alla, jismu Ġwanni. Dan ġie bħala xhud, biex jixhed għad-dawl, biex bih kulħadd jemmen. Ġwanni ma kienx id-dawl, imma ġie biex jixhed għad-dawl.

Ix-xhieda ta’ Ġwanni kienet din: meta l-Lhud ta’ Ġerusalemm bagħtu għandu xi qassisin u Leviti biex jistaqsuh, “Int min int?”,  hu stqarr bla ma ċaħad: “Jien m’iniex il-Messija.” Huma reġgħu staqsewh: “Mela min int? Elija?” “M’iniex,” qalilhom. “Int il-Profeta?” “Le,” weġibhom. Mbagħad qalulu: “Mela min int? Biex nagħtu tweġiba lil dawk li bagħtuna. Min tgħid li int?” U hu wieġeb kif qal  il-profeta Isaija:

 “Jiena leħen ta’ wieħed jgħajjat fid-deżert. ‘Wittu t-triq tal-Mulej.’ ”

Issa dawk il-messaġġiera kienu min-naħa tal-Fariżej. Huma staqsewh: “Mela kif qiegħed tgħammed la m’intix il-Messija, u la Elija u lanqas il-Profeta?” “Jiena ngħammed bl-ilma,” weġibhom Ġwanni, “imma f’nofskom hemm wieħed li intom ma tafuhx, u li ġej warajja; jiena anqas ma jistħoqqli nħoll il-qafla tal-qorq tiegħu.” Dan ġara f’Betanja, in-naħa l-oħra tal-Ġordan, fejn Ġwanni kien jgħammed.

Il-Ħsieb

“Jiena leħen ta’ wieħed jgħajjat fid-deżert. ‘Wittu t-triq tal-Mulej.’ ”
M’huwiex biżżejjed li wieħed jgħid li jrid jinbidel.  Irid jemmen li l-bidla tassew tista’ sseħħ fih permezz tal-grazzja ta’ Alla.  Bidla li sseħħ meta wieħed jagħmel passi kuraġġużi u jinqata’ mir-realtajiet ta’ dawk li ssoltu jdawruh.  Hemm bżonn li wara li naċċettaw l-istedina li Alla jagħmel lil kull wieħed u waħda minna, wara li nħallu ‘l-Mulej ifejqilna l-ġrieħi tal-passat u jinfaxxahomlna bil-grazzja tiegħu, wara li nisimgħu l-kelma tiegħu u naċċettawha fil-ħajja tagħna, inkunu xhieda tassew għal dan id-dawl.  Xhieda jfisser li tkun fhimt tassew il-messaġġ li jagħti Ġesù.  Xhieda jfisser li tkun familjari kuljum mal-kelma tiegħu.  Xhieda jfisser li tkun lest li jidħku bik meta inti tibqa’ żżomm fil-prinċipji, akkost li jgħajruk iblah.  Fina jridu jaraw Ġesu ieħor fl-ambjent li ngħixu fih kuljum.

Il-Kelma

L-Ewwel Qari huwa meħud mill-Ktieb ta’ Isaija u huwa maqsum f’żewġ taqsimiet.  Fl-ewwel taqsima l-profeta juri l-Missjoni ta’ ħelsien u salvazzjoni li l-Mulej bagħtu jwettaq; filwaqt li wara huwa jtenni innu ta’ tifħir għal dak Alla li jieħu ħsieb kollox u ma jħalli lil ħadd jintilef.  Is-Salm Responsorjali llum huwa meħud mill-Vanġelu ta’ San Luqa u huwa l-kantiku ta’ radd il-ħajr li Marija tagħmel lil Alla.  Huwa innu ta’ tifħir li n-nisrani, li jrid ikun xhieda għad-dawl, irid jagħmlu tiegħu kull ħin.  Fit-Tieni Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl Appostlu lit-Tessalonkin, għandna lil San Pawl jgħid lill-Insara biex jifirħu – jitolbu – iroddu ħajr lil Alla.  Huma tliet mumenti li d-dixxiplu ta’ Kristu jrid jgħaddi minnhom kull ħin.  Il-Vanġelu ta’ San Ġwann jgħidilna min hu Ġesù billi jqabblu ma’ Ġwanni l-Battista.

Il-Ħajja
  1. Kemm tassew għarafna u qed nippreparaw ruħna biex  nilqgħu lil Ġesù fil-ħajja tagħna?
  2. Kemm tassew qed naċċettaw mingħajr kompromessi li ħajjitna tkun iddedikata għalih?
  3. Kif qed inkunu xhieda tad-dawl li huwa Kristu?
  4. X’tip ta’ Milied qed tħejji? Xalar jew għajnuna lill-foqra?
Id-Djalogu

Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej!

read more

IL-BIDLA: TĦEJJIJA TA’ TRIQ – It-2 Ħadd ta’ l-Avvent – Sena B – 10 ta’ Diċembru 2023

December 8, 2023

 

It-2 Ħadd ta’ l-Avvent

IL-BIDLA – TĦEJJIJA TA’ TRIQ

Isaija 40:1-5; 9-11; Salm 84; Pietru 3:8-14; Mark 1, 1-8

Il-Vanġelu

Il-Bidu ta’ l-Evanġelju ta’ Ġesù Kristu l-Iben ta’ Alla. Bħalma hu miktub fil-ktieb ta’ Isaija l-profeta,

‘Ara, jien nibgħat qablek il-ħabbâr

tiegħi biex iħejji triqtek.

Leħen ta’ wieħed jgħajjat fid-deżert:

Ħejju t-triq tal-Mulej,

iddrittaw il-mogħdijiet tiegħi,’

hekk Ġwanni deher jgħammed fid-deżert u jxandar magħmudija ta’ ndiema għall-maħfra tad-dnubiet. U kienet tmur għandu l-Lhudija kollha u n-nies kollha ta’ Ġerusalemm, jitgħammdu minnu fix-xmara Ġordan waqt li jistqarru dnubiethom.

Ġwanni kien jilbes libsa tax-xagħar tal-ġemel, bi ħżiem tal-ġild madwar qaddu, u kien jiekol ġradijiet u għasel selvaġġ.  U kien ixandar u jgħid: “Ġej warajja min hu aqwa minni, li jien ma jistħoqqlix nitbaxxa quddiemu u nħoll il-qfieli tal-qorq tiegħu. Jiena għammidtkom bl-ilma, iżda huwa jgħammidtkom bl-Ispirtu s-Santu.”

Il-Ħsieb

Ħsieb dominanti fil-bidu tas-sena liturġika, b’mod speċjali fil-bidu ta’ l-Avvent, hija insistenza kbira fuq il-ħtieġa li ninbidlu.  Hemm bżonn li kull sena ninbidlu u niġġeddu biex nikbru aktar ma’ Kristu u mal-Knisja fil-mixja u fl-eżempju li għandna nagħtu ta’ Nsara ħajjin.  U dan jitlob minna BIDLA RADIKALI.  Bidla li tfisser li ninqatgħu mill-passat, minn affarijiet li qed jagħmluna lsiera.  Il-figura ta’ Ġwanni l-Battista hija figura ta’ radikalità evanġelika fil-proċess ta’ tħejjija li lkoll irridu nagħmlu tul il-ħajja tagħna.  Hemm bżonn li lkoll, bħal Ġwanni l-Battista, ma nistħux nikkonfrontaw l-ambjent ta’ madwarna;  għax, minħabba l-mistħija, ħafna drabi nikkonformaw ma’ dak li jdur ma’ saqajna għax nistħu ngħidu li aħna nsara.

Il-Kelma

L-Ewwel Qari tal-lum, meħud mill-Ktieb ta’ Isaija, huwa espressjoni ta’ ferħ u hena għaliex il-Mulej se jeħles il-poplu tiegħu mill-eżilju.  Hija espressjoni ta’ hena għax il-Mulej qed iżomm il-wegħdiet li għamel ma’ l-istess poplu.  Salm 84, li ntennu fis-Salm Responsorjali, jurina li għandna nitolbu lill-Mulej biex ilkoll kemm aħna nakkwistaw is-salvazzjoni.  Fit-Tieni Qari tal-lum, meħud mit-Tieni Ittra ta’ San Pietru Appostlu, għandna lil San Pietru iħeġġeġ lill-Insara biex jagħtu s-sehem tagħhom fil-bini ta’  smewwiet ġodda.  Fil-Vanġelu ta’ San Mark, propju fil-bidu ta’ dan il-Vanġelu, għandna l-figura ta’ Ġwanni l-Battista li qiegħed jgħajjat fid-deżert biex inħejju t-triq għall-Mulej.

Il-Ħajja

Ġej warajja min hu aqwa minni... Jiena għammidtkom bl-ilma, iżda huwa jgħammidtkom bl-Ispirtu s-Santu
Il-Mulej qed jistedinna ninbidlu bis-serjetà.  Huwa l-isbaħ mod kif inħejju ruħna għat-twelid tiegħu.  Ġesù se jitwieled mill-ġdid biex iġedded lilna lkoll.  Ġesù jrid li lkoll kemm aħna nagħrfu li mingħajru ma nistgħu naslu mkien.  Huwa għalhekk li ħafna drabi nħossuna li qegħdin fid-deżert ta’ l-indifferenza u ma nweġbux għall-karba tiegħu.  Hemm bżonn li nħejju t-triq għall-Mulej; hemm bżonn li niddrittaw il-mogħdijiet tiegħu.  Hemm bżonn li lkoll kemm aħna nagħrfu li l-magħmudija li rċevejna rridu nagħtu xhieda tagħha kontinwament fil-ħajja ta’ kuljum.  Huwa għal dan il-għan li rridu nfittxu niddrittaw il-mogħdijiet, anki jekk dan ifisser li nbiddlu l-mod li bih qed ngħixu.

Id-Djalogu

Mulej, għinni niddritta l-mogħdijiet ta’ ħajti,

biex niftaħ ħajti beraħ għall-messaġġi tiegħek.

read more

It-Tnissil bla tebgħa ta’ Marija – Il-Ħamis 8 ta’ Diċembru 2023

November 30, 2023

8 ta’ Diċembru:  It-Tnissil Bla Tebgħa tal-Verġni Mqaddsa

MILL-KONĊEPIMENT ĦIELSA

Ġenesi 3, 9-15.20; Salm 97; Efesin 1, 3-6,11.12; Luqa 1, 28-38

Il-Vanġelu

Mbagħad fis-sitt xahar Alla bagħat l-anġlu Gabrijel f’belt tal-Galilija. jisimha Nazaret, għand xebba, mgħarrsa ma’ raġel jismu Ġużeppi mid-dar ta’ David. Dix-xebba kien jisimha Marija. L-anġlu daħal għandha u qalilha: “Sliem għalik, mimlija bil-grazzja, il-Mulej miegħek.”  Hi tħawwdet ħafna għal dan il-kliem, u bdiet taħseb bejnha u bejn ruħha x’setgħet qatt tfisser din it-tislima.  Iżda l-anġlu qalilha: “Tibżax, Marija, għax inti sibt grazzja quddiem Alla. Ara, inti se tnissel fil-ġuf u jkollok iben u ssemmih Ġesù.  Hu jkun kbir, u jkun jissejjaħ Bin l-Għoli. Il-Mulej Alla jagħtih it-tron ta’ David missieru u jsaltan għal dejjem fuq dar Ġakobb, u ma jkunx hemm tmiem għas-saltna tiegħu.”  Iżda Marija qalet lill-anġlu: “Kif ikun dan, ladarba ma nagħrafx raġel?”  Wieġeb l-anġlu u qalilha: “L-Ispirtu s-Santu jiġi fuqek, u l-qawwa ta’ l-Għoli tixħet id-dell tagħha fuqek. U għalhekk dak li jitwieled minnek ikun qaddis, u jissejjaħ Bin Alla.  Ara, il-qariba tiegħek Eliżabetta, fi xjuħitha, hi wkoll nisslet iben fil-ġuf, u ġa għandha sitt xhur dik li għaliha kienu jgħidu li ma jistax ikollha tfal, għax għal Alla ma hemm xejn li ma jistax isir.” Mbagħad qalet Marija: “Ara, jiena l-qaddejja tal-Mulej: ħa jsir minni skond kelmtek!” U l-anġlu telaq minn quddiemha.

Il-Ħsieb

Ara, jiena l-qaddejja tal-Mulej: ħa jsir minni skond kelmtek!
Il-festa li qed niċċelebraw illum ad unur tal-Verġni Mqaddsa Marija hija ċelebrazzjoni ta’ l-innoċenza tagħha mill-konċepiment fil-ġuf ta’ ommha.  Hija l-Eva l-ġdida u permezz tagħha Alla jwarrab dak kollu li kienet wettqet l-ewwel Eva.  Marija gawdiet intimiet singulari ma’ Alla, għaliex kienet hija li kkonċepiet bil-ħidma ta’ l-Ispirtu s-Santu u ġarret fil-ġuf tagħha għal disa’ xhur sħaħ lill-Iben ta’ Alla.  Il-ġisem tagħha, konċeput mingħajr tebgħa u ħtija sa mit-twelid, kien it-tempju naturali biex iżomm fih il-ħajja umana ta’ l-Iben ta’ Alla.

Illum naraw ukoll li kif Alla għażel lil Marija, aħna wkoll maħbubin u magħżulin ta’ Alla.  Alla għażilna sa minn qabel it-twaqqif tad-dinja jafna b’mod personali u jrid jurina li lkoll kemm aħna aħna l-magħżulin tiegħu.  Fil-festa tal-lum mhux biss niċċelebraw b’tifħir lil Marija, iżda huwa wkoll mument ta’ ringrazzjament għal dak li Alla jagħmel magħna sa minn qabel ġejna fid-dinja.

Il-Kelma

Fl-Ewwel Qari tal-lum, meħud mill-Ġenesi, għandna l-waqgħa ta’ l-ewwel bnedmin, waqgħa li kienet turi li għalkemm Alla ħalaq il-bniedem, dan ħallieh f’libertaÏ assoluta li saħansitra jista’ jeħodha kontra tiegħu.  Il-mara wieġbet “is-serp daħak bija u kilt”.  L-ewwel bnedmin ħaduha kontra l-kmand ta’ mħabba li kien tahom Alla.  L-ewwel bnedmin tennew li lkoll kemm huma ma setgħux jwettqu dik l-imħabba li wegħdu lil Alla għax ċedew għall-pressjoni tal-ħażen.  L-ewwel Eva ċediet u għalhekk kien jeħtieġ Eva ġdida biex terġa’ tmexxi l-proċess ta’ salvazzjoni li Alla baqa’ jrid iwettaq fuq il-bniedem, issa mifni mid-dnub.  Is-Salm Responsorjali minn Salm 97 huwa għanja lill-Mulej għax għamel l-għeġubijiet.  Irridu nfaħħru llum lill-Mulej għax ma l-umanitaÏ għamel għeġubijiet kbar. “Għarraf il-Mulej is-salvazzjoni tiegħu, f’għajnejn il-ġnus wera l-ġustizzja tiegħu.”  Fil-Vanġelu tal-lum, meħud minn San Luqa, għandna t-tħabbira ta’ l-Anġlu Gabriel lil Marija.  Hija kienet mimlija bil-grazzja u l-Mulej kien magħha.  Huwa messaġġ qawwi ta’ missjoni kbira li Alla kien qed jafda f’idejn xebba.  Marija tintelaq f’idejn Alla u tgħid IVA.  Ir-riskju ħaditu għal Alla.

Il-Ħajja

“Tibżax, Marija, għax int sibt grazzja quddiem Alla!”  Messaġġ qawwi ta’ kuraġġ minn Alla permezz ta’ l-Anġlu Gabriel.  Messaġġ lil Marija iżda messaġġ ukoll lill-umanitaÏ kollha.  Messaġġ li ried juri l-kuntatt kontinwu bejn Alla u l-bniedem.  Alla qatt ma jħallina waħedna anki meta l-bniedem ħadha kontra tiegħu.  Marija wieġbet IVA – HAWN JIEN IL-QADDEJJA TAL-MULEJ, ħa jsir minni skond kelmtek.  Marija tħawdet quddiem il-kliem ta’ l-Anġlu Gabriel.  Iżda qalet iva.  Iva konvinta minkejja li ma fehmet xejn x’ried minnha Alla.  iżda permezz tal-ħidma ta’ l-Ispirtu s-Santu setgħet tintelaq f’idejn Alla.  Aħna wkoll ħafna drabi niġu mitluba nwettqu missjonijiet minn dak Alla li għażilna sa minn qabel il-ħolqien, dak Alla li jħobbna u jsegwina kull ħin.  Il-festa tal-lum turi li l-imħabba ta’ Alla hija dik li ssegwina b’kull mod, kif ħaseb biex wettaq fit-tnissil mingħajr tebgħa ta’ Marija.  Il-Mulej huwa dak li jħarisna kull ħin… huwa aħna li rridu nħarsu ftit madwarna u naraw li għandna nwettqu dak kollu li jordnalna l-Mulej anki jekk f’ċerti mumenti li ma nifhmux.

Id-Djalogu

O Marija li dħalt fid-dinja mingħajr tebgħa

Aqlagħlna l-grazzja li noħorġu minnha mingħajr ħtija.

read more


SULTAN TA’ KULJUM – Kristu Re’ – Sena A – 26 ta’ Novembru 2023

November 17, 2023

Festa ta’ Kristu Sultan

SULTAN TA’ KULJUM

Eżekjel 34: 11-12; 15-17; Salm 27; Korintin 15: 20-26, 28; Mattew 25:31-46

Il-Vanġelu

“Meta jiġi Bin il-bniedem fil-glorja tiegħu u bl-anġli kollha miegħu, mbagħad joqgħod fuq it-tron glorjuż tiegħu.   U quddiemu jinġabru l-ġnus kollha, u hu jifridhom minn xulxin, bħalma r-ragħaj jifred in-nagħaġ mill-mogħoż:  in-nagħaġ iqegħedhom fuq il-lemin tiegħu u l-mogħoż fuq ix-xellug. Mbagħad is-Sultan jgħid lil dawk ta’ fuq il-lemin tiegħu, ‘Ejjew, mberkin minn Missieri, ħudu b’wirt tagħkom is-Saltna li tħejjiet għalikom sa  mill-ħolqien tad-dinja.  Għax jien kont bil-ġuħ u tmajtuni, kont bil-għatx u sqejtuni, kont barrani u lqajtuni,  kont għeri u libbistuni, kont marid u ġejtu tarawni, kont fil-ħabs u ġejtu żżuruni.’ Mbagħad iweġbuh il-ġusti, ‘Mulej’, jgħidulu, ‘meta rajnik bil-ġuħ u tmajnik, jew bil-għatx u sqejnik ?  Meta rajnik barrani u lqajniek, jew għeri u libbisniek?  Meta rajnik marid jew fil-ħabs u ġejna nżuruk?’ U s-Sultan iweġibhom u jgħid, ‘Tassew, ngħidilkom, kull ma għamiltu ma’ wieħed mill-iżgħar fost dawn ħuti, għamiltuh miegħi.’

Mbagħad jgħid ukoll lil dawk ta’ fuq ix-xellug, ‘Morru minn quddiemi, misħutin, fin-nar ta’ dejjem li tħejja għax-xitan u għall-anġli tiegħu. Għax jien kont bil-ġuħ u ma tmajtunix, kont bil-għatx u ma sqejtunix,  kont barrani u ma lqajtunix, kont għeri u ma libbistunix, kont marid u fil-ħabs u ma ġejtux iżżuruni! Mbagħad huma wkoll iweġbuh, ‘Mulej,’ jgħidulu, ‘meta rajniek bil-ġuħ, jew bil-għatx, jew barrani, jew għeri, jew marid, jew fil-ħabs, u aħna ma waqafniex miegħek?’ Iweġibhom imbagħad u jgħidilhom, ‘Tassew, ngħidilkom, dak li ma għamiltux ma’ wieħed minn dawk iż-żgħar, anqas miegħi ma għamiltuh.’ U dawn imorru fit-tbatija ta’ dejjem u l-ġusti fil-ħajja ta’ dejjem.

Il-Ħsieb

kull ma għamiltu ma' wieħed mill-iżgħar fost dawn ħuti, għamiltuh miegħi
     Fil-Vanġelu tal-lum insibu l-aħħar silta tad-diskors ta’ Kristu fuq l-aħħar żminijiet.  Ġesù huwa mxebbah mas-Sultan ragħaj li kontinwament isegwi n-nagħaġ tiegħu, jafhom personalment u jindukrahom.  Il-Mulej jagħmel l-istess ma’ kull wieħed u waħda minna u għalhekk huwa Sultan ta’ kuljum, mhux sultan għar-ritratti jew għall-pożi, mhux sultan ta’ rikkezzi materjali.  It-tron tiegħu kien is-salib u l-kuruna tiegħu hija dik tax-xewk.  Ried jurina kontinwament il-Mulej li s-Saltna tiegħu hija Saltna ta’ ħidma u mpenn u din għandha tkun l-istennija tagħna ta’ kuljum.  Il-Mulej bħala Sultan huwa ġust u se jippremja lil dawk li taw każ tal-kelma tiegħu u wettquha kuljum.  Il-Mulej se jifred dawk li ma tawx każ ta’ kliemu minn dawk li taw każ.  Għalhekk f’dawn l-aħħar Ħdud id-diskors eskatoloġiku – li jittratta dwar l-aħħar taż-żminijiet ta’ Ġesù – kien diskors biex jiftħilna għajnejna.  ISSA rridu nwettqu l-għażliet tagħna.  ISSA, fil-ħajja ta’ kuljum.

 

IL-Kelma

     L-Ewwel Qari tal-lum, mill-Ktieb tal-profeta Eżekjel, jurina li se jkun l-istess Alla, li ċanfar lill-mexxejja u l-kapijiet tal-poplu għax ittraskuraw in-ngħaġ, li se jinżel biex jindokra n-ngħaġ tiegħu.  U din l-għajta tidwi fis-Salm 22 fejn intennu li l-Mulej huwa r-ragħaj tagħna.  Fit-Tieni Qari tal-lum, meħud mill-Ewwel Ittra lill-Korintin, għandna lil San Pawl juri kif il-Mulej se jġib fit-tmiem is-Saltna li beda fuq din l-art meta jerġa’ jiġi.  Fil-Vanġelu tal-lum għandna l-figura tas-Sultan – ragħaj li jagħmel ġustizzja ma’ dawk li jsegwu kliemu.

Il-Ħajja
  1. Kemm tassew ilkoll kemm aħna għandna fiduċja fi Kristu Sultan?
  2. Kemm tassew qed nuru li aħna parti mis-Saltna tiegħu?
  3. Kemm qed ngħixu l-messaġġi li jagħtina dan is-Sultan Ragħaj?
  4. X’qed tkun il-ħidma tagħna fil-mument ta’ prova tal-ġurnata ta’ kuljum?
Id-Djalogu

     Mulej, grazzi li ħadtni f’idejk,

     fis-Saltna tiegħek.

     Tħallini qatt, Mulej, nitbiegħed minn saltnatek.

read more

MEĦTIEĠ ĦAFNA GĦAQAL – It-32 Ħadd Matul is-Sena A – 12 ta’ Novembru 2023

November 5, 2023

 

It-32 Ħadd Matul is-Sena

MEĦTIEĠ ĦAFNA GĦAQAL

Għerf 6:12-18; Salm 62;  Tessalonkin 4: 13-18; Mattew 25: 1-13

 

Il-Vanġelu

“Mbagħad is-Saltna tas-Smewwiet ixebbhuha ma’ għaxar xebbiet li ħarġu bl-imsiebaħ tagħhom biex jilqgħu l-għarus.  Ħamsa minnhom kienu boloh u ħamsa għaqlin, 

għax il-boloh ħadu l-imsiebaħ imma ma ħadux żejt magħhom, waqt li   l-għaqlin ħadu mhux biss l-imsiebaħ iżda wkoll iż-żejt fil-kwies. L-għarus iddawwar ma ġie, u għalhekk ilkoll ħadhom  in-ngħas u raqdu.  Mbagħad f’nofs ta’ lejl instama’ min jgħajjat, ‘Ara l-għarus! Oħorġu ilqgħuh!’  Dawk ix-xebbiet qamu lkoll u ħejjew l-imsiebaħ tagħhom.  Iżda l-boloh qalu lill-għaqlin, ‘Agħtuna ftit żejt minn tagħkom, għax l-imsiebaħ tagħna jintfew.’ Qabżu l-għaqlin u qalu, ‘Għandu mnejn ma jibqax biżżejjed, la għalina u lanqas għalikom! L-aħjar, morru għand tal-ħanut u ixtru għalikom.’ Xħin dawk marru biex jixtru jiġi l-għarus; dawk li kienu lesti daħlu miegħu għall-festa tat-tieġ, u l-bieb ingħalaq.  Saflaħħar waslu wkoll ix-xebbiet l-oħra, u bdew jgħidu, ‘Sinjur, Sinjur, iftħilna!’ Iżda hu weġibhom u qal,’Tassew, ngħidilkom, lilkom ma nafkomx.’  Ishru, mela, għaliex la tafu l-jum u lanqas is-siegħa.

 

Il-Ħsieb

Ishru, mela, għaliex la tafu l-jum u lanqas is-siegħa
Minkejja li ngħixu fid-dinja hekk imsejħa ta’ żvilupp, minkejja tant progress, minkejja li qed ngħix f’ħajja totalment kompjuterizzata, jidher li l-għerf u l-għaqal qed jiskarsa mill-ħajja ta’ kuljum.  Meta nisimgħu diskorsi dwar kriżi ta’ valuri, dwar nies li jagħmlu għażliet kontra dak li verament jixtiequ ġewwa fihom huma kollha sintomi li l-bniedem qed jabbanduna l-għerf u għalhekk qed jitbiegħed ukoll mill-għaqal.  Il-Vanġelu tal-lum, permezz tal-parabbola tax-xebbiet bl-imsiebaħ tagħhom jistennew l-għarus, irid jurina li aħna lkoll, fl-istennija tagħna biex niltaqgħu ma’ Ġesù, ma rridux norqdu, ma rridux nintelqu, ma rridux nieqfu mill-ħidma tagħna.  Għall-kuntrarju, l-Insara jridu jkunu nies dejjem attenti fil-ħidma u fl-impenn tagħhom fis-soċjetà ċivili biex iħallu timbru ta’ nsara li huma.

 

Il-Kelma

L-Ewwel Qari tal-lum huwa meħud mill-Ktieb ta’ l-Għerf.  Jurina li l-bniedem għaref huwa dak li jibża’ u jirrispetta lil Alla u jżomm ruħu ’l bogħod mill-ħażen.  L-għerf huwa rigal li Alla jagħti lil dawk li jfittxuh.  U dan huwa indikat  ukoll fis-Salm Responsorjali, Salm 62, fejn għandna s-Salmista juri l-għatx li l-bniedem għandu kontinwament għal Alla.  Fit-Tieni Qari tal-lum, mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl lit-Tessalonkin, għandna lill-Appostlu jitkellem man-nies tat-Tessalonika u jagħmlilhom kuraġġ b’dawk sħabhom li mietu u li l-Mulej se jiġborhom miegħu.  Il-Vanġelu tal-lum, permezz tal-parabbola tax-xebbiet għaqlin, irid jiftħilna għajnejna biex nishru għax la nafu l-jum u lanqas is-siegħa.

 

Il-Ħajja

  1. Il-Mulej iridna niftħu għajnejna beraħ mhux biss nagħrfu l-grazzja li jagħtina iżda wkoll biex fil-ħajja li qed ngħixu issa jkollna garanzija għal ħajja fis-sema.
  2. Ta’ min jistaqsi lilu nnifsu kuljum: kemm tassew qed ngħix ħajti bil-għaqal?
  3. X’għażliet qed tagħmel fil-ħajja ta’ kuljum? Huma mmarkati mill-għażliet li jgħallimna Kristu?
  4. Il-għerf jiddi bla qatt ma jnemnem? Ma jridux wisq biex jagħrfuh dawk li jħobbuh? Kemm tassew ilkoll kemm aħna qed infittxu dan il-għerf biex idawwal id-direzzjoni ta’ ħajjitna?

 

Id-Djalogu

Mulej, għinni nsib il-għerf veru fil-ħajja tiegħi,

biex nikxef il-maskra tal-falsità li ndur biha kull ħin.

 

read more