Din hi storja sempliċi ta’ vokazzjoni. Storja ta’ namur bejn Ġesu u ruħ.
Jien jisimni Sr. Christine Maria Vella. Twelidt Ħ’Attard fi Frar tal-1980. Twelidt fl-isptar ta’ Santa Katerina li llum hu dar tal-anzjani mmexxi mis-sorijiet Dumnikani. Ir-rabtiet familjari tiegħi kienu mifruxin fuq tliet irħula: Ħ’Attard fejn kont noqgħod, il-Ħamrun, minħabba l-familja ta’ missieri u r-Rabat minħabba l-familja ta’ ommi. Hawn iżda se nikkonċentra iżjed fuq ir-Rabat.
L-iskola wkoll kienet tal-Virtu’ u l-Imdina peress li meta bdejt nitfarfar kienu bagħtuni l-iskola tad-Dorotej. Missieri kien diġa xamm il-vokazzjoni tiegħi. Kien jinki lil ommi meta kont għadni tfal u jgħidilha “Dik badessa għad issir.” Biżżejjed għal ommi biex tirrabja għax ma kinitx temmnu. Pero’ kienet dejjem tewden: “x’għad issir din l-imbierka?” Ma kinitx tarani niffittja kullimkien, u tassew meta kbirt ma kont inħossni f’posti mkien minkejja li ħadt diversi esperjenzi sbieħ, u anke grazzji kbar fejn tidħol il-vokazzjoni.
U la qed insemmi l-vokazzjoni u l-grazzji, l-ewwel waħda li ġrat kienet propju fix-xahar ta’ Marzu fl-1996. Kont l-iskola, fis-sena tal-Form 5, imsarni f’saqajja minħabba l-O’Levels. Żmien importanti ta’ dixxerniment u deċiżjonijiet li jħollu u jorbtu l-futur. Kien darba waqt l-assembly tal-iskola meta skoprejt il-Kerŷgma u – dak iż-żmien – il-maratona tal-volleybal kif ukoll l-eżistenza ta’ Radju Marija. Akkanita għall-isport qatt ma kont, pero’ kont ili mxennqa li niddobba esperjenza ta’ xogħol volontarju. Għalhekk ftaħt par widnejn beraħ meta smajt lil Fr. Charles Fenech jitkellem dwar x’kien ser jiġri fis-sajf kieku kellna napplikaw. Għedt bejni u bejn ruħi: “M’hemmx telf imbilli nidħol. Jien ħa napplika.” Ommi u missieri ma oġġezzjonawx u għaddejt sentejn mill-aqwa. Terġa’ kont naf fejn kelli mmur għaliex il-kunvent u l-knisja sabiħa tad-Dumnikani kont niffrekwenthom minħabba li konna mmorru naraw in-nanniet magħrufin bħala tat-“teatrin” ġewwa r-Rabat. Apparti minn hekk, in-nannu kien organista magħruf u kellu devozzjoni kbira lejn il-Madonna tal-Għar u tal-Karmnu, żewġ devozzjonijiet li kibru xi ftit jew wisq miegħi. Min jaf kemm-il darba kont qerrejt ta’ tfal li kont hemm u l-patri li ma niftakrux kien iħobb iqabbadni nitla’ bl-offerti, ħaġa li kont nistħi nagħmilha l-parroċċa. Għaliex – ma nafx!
Bla ma kont naf, dik l-applikazzjoni kellha ukoll tiftaħ il-bieb beraħ biex nibda ninnamra ma’ Ġesù. Minn dejjem kont nemmen fiH u f’Alla Missieru u l-Ispirtu s-Santu. Mhux l-ewwel darba kont ġejt l-ewwel fir-Reliġjon l-iskola u ħadt premijiet fil-primarja iżda ma kellix xi fidi qawwija partikulari, għalkemm il-quddies tal-Ħadd ma kontx infallih. Pero’ donnu Alla kien għadu Alla tal-quddies tal-Ħadd. Ma kellix wisq ta’ relazzjoni miegħu bħala bint ma’ Missierha. Kien propju dan iż-żmien tal-Kerŷgma li għajnejja vera infetħu. Kienet esperjenza qawwija li mhux lakemm tiddeskriviha. Kotnt ukoll per eżempju naf u nemmen li Ġesù hu preżenti rejalment fl-Ewkaristija. Iżda kien f’waħda mill-ewwel quddisiet li smajt hemmhekk fil-kunvent tad-Dumnikani bħala membru tal-Kerŷgma u kien Fr. Charles li kien qiegħed iqaddisha, li għamilt esperjenza qawwija reali ta’ Ġesu verament preżenti fl-Ewkaristija. Minn dakinhar bdejt verament napprezza lil Ġesù u kont bdejt nixxennaq għaliH. Bdejt immur kuljum fis-sajf u anke fix-xitwa il-parroċċa għal quddies. Pass wara pass, u bil-qatra l-qatra, timtela l-ġarra, jgħid il-Malti. Għaddew sitt snin wara dik l-esperjenza ta’ Ġesù fl-Ewkaristija fi ħdan l-Ordni Dumnikan u Radju Marija. Ma ħaristx lura u komplejt naqdef ’il barra fil-fond minkejja d-diversi tempesti li ltqajt magħhom tul il-ħajja tiegħi, sakemm sirt naf b’dan il-Monasteru Ġerosolimitan ta’ Sant’Ursula mwaqqaf mill-Ordni tal-Kavallieri ta’ San Ġwann Battista. Dħalt fl-2002 u dalwaqt nagħlaq 12-il sena. Min isaqsini jekk jien iniex kuntenta, dejjem ngħidilhom li l-aqwa ħaġa li għandi lil Alla miegħi fil-bnazzi u fil-maltemp. Kemm-il darba kelli l-unur nirrakkonta l-esperjenza tiegħi tal-mixja vokazzjonali tiegħi u qatt ma nixba ngħid li bdejt mill-Kerŷgma u Radju Marija ġewwa r-raħal sabiħ tar-Rabat.
read more