Agara Foundation – rebbieħa tal-Premju Żagħżugħ tas-Sena 2017
Il-Premju Żagħżugħ tas-Sena 2017 organizzat mill-Moviment Kerŷgma din is-sena intrebaħ mil-Agara Foundation. Ir-rebbieħ tal-premju, li huwa sponsorjat minn APS Bank, ġie mħabbar mill-President tal-Moviment Kerŷgma, is-Sinjura Bernice Micallef.
L-Eċċellenza Tagħha Marie-Louise Coleiro Preca, President ta’ Malta, attendiet għal din iċ-ċerimonja u għall-quddiesa li tqaddset mil-Arċisqof Emeritus Pawl Cremona O.P. fil-Knisja ta’ San Duminku r-Rabat, il-Ġimgħa, 16 ta’ Frar 2018. Preżenti wkoll għal din iċ-ċerimonja kien hemm is-Sinjura Bernice Micallef, President tal-Moviment Kerŷgma, Dr George Hyzler Ċerman tal-Board tal-Għażla, is-Sur Hervé Delpech jirrapreżenta lil-APS Bank u mistednin oħra. It-trofew Premju Żagħżugħ tas-Sena ingħata lil-Stephanie Micallef li kienet qed tirrapreżenta lil Agara Foundation mill-Arċisqof Emeritus Pawl Cremona.
Il-grupp Agara Foundation ġie mwaqqaf fl-2014 wara li żewġ żgħażagħ kellhom esperjenza ta’ volontarjat fl-Ethopja u ddeċidew jiftħu iżjed il-ħidma volontarja tagħhom u jesploraw metodi moderni fil-qasam tal-volontarjat u t-teknoloġija. Fl-Ethopjan, l-isem Agara jfisser “Nimxu Flimkien”, u dan huwa rifless kemm fil-logo kif ukoll fil-viżjoni tal-grupp, għax l-għan tiegħu huwa li jimxi flimkien ma’ individwi jew komunitajiet diversi bla’ ebda discriminazzjoni jew distinzjoni. Agara jissapportjaw komunitajiet madwar id-dinja, fosthom fil-Kenya, fl-Ethopja, fil-Lebanon, fir-Rumanija, fil-Peru’ kif ukoll f’pajjiżna stess. Il-fondazzjoni taħdem bis-sħiħ biex toħloq kuxjenza u jwasslu l-vuċi ta’ dawk li jinsabu f’minoranzi jew ta’ dawk li l-dinjità tagħhom mhix tiġi mħarsa u rispettata kif jixraq lill-umanita’.
Il-fondazzjoni Agara hija mqassma f’numru ta’ sub-teams iżda ix-xogħol ewlieni tagħha huwa li tiffoka fuq ġbir ta’ laptops second hand. It-tim jifformattja dawn il-laptops, jinstalla l-Windows u l-Office li wara jintużaw biex jgħallmu nies, kemm lokali u internazzjonali, li m’għandhomx l-opportunità li jużaw t-teknoloġija. F’ħafna mill-proġetti, Agara jissettjaw ‘laboratorji’ b’dawn il-laptops u joffru tagħlim varjat skont il-ħtieġa tal-individwi.
F’Awwissu 2016, Agara kellhom esperjenza volontarja f’Calais u Dunkirk fi Franza, żewġ kampijiet kbar tar-refuġjati. Hemmhekk daqu u għexu xi ftit mit-tbatijiet li l-ħajja qed toffri lir-refuġjati li ħafna drabi jiġu ġġudikati u ppersegwitati. It-tim ta’ Agara kienu jagħmlu sessjonijiet kuljum ta’ tagħlim ta’ IT kif ukoll attivitajiet oħra fejn kienu jferrħu u jagħtu spażju lir-refuġjati biex jitkellmu.
Fl-2017 Agara kellhom esperjenzi ta’ volontarjat fil-Lebanon u r-Rumanija fejn ħolqu laboratorji b’laptops li kienu nġabru minn Malta. Saru diversi sessjonijiet ta’ tagħlim tal-IT jvarjaw minn dawk bażiċi sa oħrajn avvanzati bħal ECDL, photoshop eċċ.
Il-pjan tal-Agara għal 2018 huwa li jkomplu jsaħħu dak li qed jagħmlu bħalissa u jimplimentaw ukoll idejat u opportunitajiet ġodda. Żewġ oqsma li qed jesploraw huma l-mużika u l-isports fil-volontarjat. Proġett ieħor huwa li lokalment jagħtu lezzjonijiet lit-tfal li jgħixu ġewwa djar residenzjali filwaqt li jipprovdulhom laptops għal skop ta’ edukazzjoni. Qegħdin ukoll jippjanaw proġetti f’kamp tar-refuġjati fil-Greċja, u oħrajn fl-Afrika t’Isfel, f’xi postijiet f’Asja u anke fl-Amerika t’Isfel. Agara jieħdu ħsieb li jżommu follow-ups tal-proġetti diġa’ eżistenti biex jaraw li dawn għadhom sostenibbli u jaraw kif jistgħu isaħħuhom.
Iż-żgħażagħ nominati għal dan il-Premju kienu: Agara Foundation, Ryan Attard mill-Fgura, Felicienne Cini miż-Żebbuġ, Għawdex, Martina Fenech mill-Mosta, Mellieha Youth u Matthew Theuma mil-Għarb, Għawdex.
Dan it-trofew jingħata kull sena f’ġieħ il-mejjet Dr Rudolph Saliba li kien l-ewwel president tal-Moviment Kerŷgma. L-Eċċellenza Tagħha Marie-Louise Coleiro Preca ferħet liż-żgħażagħ u l-Moviment Kerygma għall-organizzazzjoni ta’ dan l-avveniment annwali fejn jesponu il-ħidma volontarja ta’ tant żgħażagħ. Hija qalet li il-parteċipanti kienu qed jagħmlu l-missjoni li tana’ Ġesù billi jagħtu ħattijhom għal ħaddieħor. Bl-eżempju tagħhom kienu qed juru li jimpurtahom minn xulxin u minn hu fil-bżonn. Huma kienu qed iservu ta’ pedament għas-soċjetà Maltija biex jibqa jgħix fi spirtu ta’ mħabba u paċi.