Il-Quddiesa
Fil-Laqgħa Prayer Café mmexxi minn Fr JESMOND MANICARO nhar il-ġimgħa 13 ta’ Jannar trattat is-suġġett tal-LITURĠIJA FIL-QUDDIESA.
Katabatika : azzjoni minn fuq għal isfel. F’kull quddiesa Alla jieħu din l-inzjattiva u minn hemm fuq jixħet fuqna l-grazzja / l-imħabba tiegħu. Il-Bibbja hi storja wara l-oħra ta’ azzjoni katabatika t’Alla. Hu ħalaq l-univers-l-annimali-l-ħolqien- imbagħad ħalaq il-bniedem u bierku b’barka speċjali. L-istess bħalna l-ewwel bniedem kien kapriċċus – bħala eżempju nsibu l-istorja ta’ Noe u d-dulluvju. Imbagħad naraw l-azzjoni katabatika t’Alla. Jaħlef li ma jerġax jeqred l-art. Nsibu wkoll stejjer t’Adam, ta’ David ..stejjer ta’ imħabba t’Alla lejn il-bniedem li tilħaq il-quċċata tagħha fl-Inkarnazzjoni ta’ Ġesu – Alla bagħat lill-Ibnu bħala rigal. Kull azzjoni u miraklu ta’ Ġesu naraw wirja tal-imħabba t’Alla għalina l-bnedmin u anke meta Kristu wasal biex imur lura għand il-missier qalilna mhux se nħallikom iltiema imma bgħatilna lill-Ispirtu s-Santu li permezz tiegħu tasal għandna l-imħabba tal-Missier. Katabazi hi x-xita ta’ grazzji tal-imħabba t’Alla li tinżel hawn isfel fuqna. Id-domanda li rridu nagħmlu hija din – “Qegħdin nħossuha l-Imħabba t’Alla, waqt iċ-ċelebrazzjoni liturġika?” Xi kultant nistaqsu imma ħadna gost waqt il-quddiesa? Mhix domanda ezatta li rridu nistaqsu – nieħdu gost f’xi kunċert… aktar milli ħadniex gost rridu nistaqsu lilna nfusna “Ħassejna l-presenza t’ALLA fi qlubna?” Ir-risposta tista tkun “iva” u tista tkun “le”. Xi jkun ġara meta ma nħossuhiex? Jistgħu jkunu diversi r-raġunijiet għal dan. Jista’ jkun li f’ħajjitna hemm dnub li mhux iħalli l-imħabba t’Alla tippenetra f’ħajjitna. Dan id-dnub jista’ jimblokka l-grazzja t’Alla. Nistgħu wkoll inkunu aljenati – moħħna fil-pittura jew fl-affarijiet li ħallejna warajna. Fr Jesmond fakkarna fi ġrajja li għadda minnha Mons Arċisqof Pawlu Cremona meta dan kien fil-Brazil. Hemm hekk, fis-sempliċita tal-post fejn kien qiegħed; is-sepulkru kien f’toqba f’ żokk ta’ siġra ġewwa kaxxa taz-zraben mgħotti b’velu. U Mons Cremona kien ħaseb bejnu u bejn ruħu, min jaf kemm il-darba d-deheb u l-fidded li nżejnu t-tabernakli tagħna bihom spiċċaw biex telfuna mill-attenzjoni għall-Ewkaristija.
Sfortunatament ħafna Maltin nibqgħu fuq livell artifiċjali u ma nikbrux fejn jidħol it-twemmin tagħna. Ħafna huma dawk li l-katekeżi tagħhom spiċċa mal-Grizma tal-Isqof. Wara ma baqgħux jipprofondixxu t-tagħlim tal-fidi tagħhom. Qalbhom baqgħet bierda għal dan il-proċess ta’ katabazi. Bħal fil-kas ta’ ħbiberija: wieħed isir jaf lill-ieħor aktar ma jgħaddu żmien flimkien. L-istess fir-relazzjoni tagħna m’Alla. U fil-bruda tagħhom jispiċċaw li x’aktarx ma jmorrux aktar quddies jew forsi jmorru għal okkazzjonijiet ta’ funerali jew tiġijiet.
Problema oħra tista’ tkun li qalbna tkun tant mimlija b’affarijiet, li ma nħallux post għal Mulej. U allura Alla jibgħat il-grazzji tiegħu, imma aħna ma nilqgħuhomx. Biex ifiehem din is-sitwazzjoni, Fr Jesmond irrakkonta storja ta’ Patri mid-deżert. Raġel sema’ b’Patri li kien msemmi għal qdusija u l-għerf tiegħu; u mar għandu għal parir spiritwali; għax kien iħoss qalbu vojta mill-ferħ t’Alla. Wara li semgħu l-Patri staqsih x’jagħmel f’ħajtu u x’kienu l-ispirazzjonijiet tiegħu. Imbagħad il-Patri qabad buqar bl-ilma u lir-raġel qallu jżomm tazza filwaqt li beda jferra l-ilma fiha sakemm din faret u l-ilma baqa’ nieżel fl-art. Il-Patri lir-raġel qallu qalbek hi bħal din it-tazza tant hi mimlija b’tant ġennijiet li m’hemmx post għal Mulej – trid tbattal minnha biex jkun hemm post għalih. Iżda Azzjoni katabatika mhix xi ħaġa li seħħ b’mod awtomatiku… irridu aħna nieħdu ħsiebha. Mela Alla jieħu l-inizzjattiva u jimliena bil-grazzja tiegħu, imma rridu nikkoperaw ma din il-grazzja –jekk aħna rridu nħossuha u nwieġbu għaliha. Imma anke hawn hawn periklu li r-ringrazzjament ma jkunx ringrazzjament ġenwin. Immorru l-knisja u għalkemm nwieġbu għat-talb, dan ikun ‘lip service’. Anke fl-antik testment nsibu li Alla kien jibgħat lill-profeti biex ibeżbżu lill-poplu Lhudi – għax dawn bħalna kienu jagħmlu ħafna festi imma l-qalb kienet tkun x’imkien ieħor. Alla permezz tal-profeti kien jgħid “jien mhux offerti ta’ l-annimali rrid imma jinteressani l-qalb tagħkom”. Ġeremija, Ezekjel u Noe kollha widdbu lill-poplu Lhudi għaliex it-talb tagħhom ma kienx jirrifletti x’hemm fil-qalb.
Din xi ħaġa li tinkwieta lil Fr Jesmond Manicaro. Ejjew bis-sinċerita nistaqsu lilna nfusna meta nkunu fil-knisja nieħdu sehem fil-Liturġija tal-quddiesa; kemm aħna konxji mill-azzjonijiet li qegħdin nagħmlu? Kemm huma ġenwini l-espressjonijiet ta’ tifħir, ta’ talb li jsir waqt il-quddiesa? JEW qegħdin sempliċiment nirrepetu li jgħidu l-oħrajn? Imbagħad ngħidu li nħossuna vojta u nibdew nwaħħlu fil-qassis għax ma jafx jipprietka, fil-kor għax kanta stonat, fil-lettur għax ma qarax sew… kollox jista’ jkun minnu – imma jista jkun ukoll li l-problema l-kbira hija aħna. Aħna li għadna ma ppreparajniex biżżejjed biex nilqgħu l-grazzja t’Alla. Din hija d-dimensjoni vertikali u magħha hemm id-dimensjoni orizontali – dak li niċċelebraw fil-knisja jrid jitkompla barra. Ma nistgħux nħossuna qrib t’Alla fil-knisja u kif noħorġu niġġieldu ma nofs ir-raħal! San Ġwann jgħidilna kif nista’ nħobb lil Alla li ma narahx u imbagħad jkolli nuqqas ta’ rispett lejn ħuti li niltaqa’ magħhom kuljum. Dak li nibdew fil-knisja rridu nsarrfuh fil-ħajja tagħna billi ngħinu fil-bini tas-Saltna t’Alla fuq din l-art.
Kif nistgħu nsaħħu l-azzjoni anabatika tagħna? Il-katabazi tiddependi minn Alla; bħal parabola taż-żerriegħa. Dik li taqa’ fuq art tajba tagħmel il-frott filwaqt li dik li taqa’ fuq art ħażina ma tagħmilx frott. L-istess aħna. L-imħabba t’Alla qegħda hemm għal kulħadd iżda jiddependi minna biex ineħħu dak li qiegħed jiblokkana – f’kas li hu dnub irridu nsibu direttur spiritwali biex jigwidana.
L-azzjoni anabatika tagħna trid tkun aktar bis-sens. It-talb fil-Liturġija jrid ikun b’aktar sens. Dan nistgħu nagħmluh billi nivalutaw aktar is-sinjali u l-kliem li jingħad. Meta saret ir-riforma Liturġika u l-quddies mill-Latin saret bil-Malti nqallbu t-testi għal-Maltin u ħasbu li kollox lest iżda ma kienx…ma sarx formazzjoni kemm fuq il-kliem u kif ukoll fuq is-sinjali li jintużaw fil-Liturġija. Per eżempju s-silenzju huwa nieqes għal kollox mill-Liturġija tagħna. Jrid ikollna f’moħħna l-eżempju ta’ Ġesù. Kien iħoss il bżonn li minn mument għal ieħor jinqata’ ftit mill-ġenn u jmur jinġabar jitlob fis-skiet. F’waħda mill-kitbiet tiegħu, il-Papa Ġwanni Pawlu II jgħid li fid-dinja storbjuza tal-llum il-liturġija tagħna għandha tkun ‘oasi’ – tant il-bniedem għandu bżonnu s-silenzju li jmur ifittxu x’imkien ieħor bħal fil-yoga u dan hu xi ħaġa li diġa għandna imma ma nuzawhx. Il-Papa kien żied jgħid li s-silenzju jżomm ankrat f’qalbna dak li nisimgħu… għalhekk importanti li wara Omelija jkun hemm mument ta’ silenzju. Kwazi sirna naħsbu li hemm xi nuqqas ta’ xi ħaġa kif ikun hemm mument ta’ silenzju! Barra s-sinjali fil-Liturġija nsibu sinjali oħra. (ktieb li wieħed jista’ jniżżel minn fuq l-internet dwar dan hu “Sacred Signs minn Romano Guardini”
Per ezempju meta għandna nagħmlu l-ġeniflessjoni u għaliex? Dan il-ġest ikun qed juri li inti qiegħed tiċċekken quddiem il-presenza t’Alla dak li jaf u għandu kollox.
Is-sinjal tas-Salib xi jfisser? Meta niksu rigal b’żigarella dan nagħmluh forma ta’ salib… ngħaqdu kollox bih… l-istess meta nagħmlu s-sinjal tas-salib qisna qegħdin nkebbu lilna nfusna kollna kemm aħna bi Kristu, biex mbagħad minnhu nieħdu l-qawwa biex ngħelbu t-tentazzjonijiet. Tifsira oħra tas-salib hi: “Kristu Alla mis-sema sar bniedem biex mid-dlam ngħaddu għad-dawl”
Għalhekk meta tifhem l-iskop ta’ wara dawn is-sinjali tkun tista’ tidħol aktar fil-fond tal-Liturġija.
Barra s-sinjali; fil-liturġija nsibu wkoll kliem. Waħda mill-aktar talbiet qosra li hemm fil-quddiesa hi “Il-Mulej Magħkom” u r-risposta tagħna lill-qassis hi “U miegħek ukoll”. F’dak il-ħin il-qassis qiegħed jitlob fuqna … qiegħed jawguralna li “L-Mulej jkun fil-ħajja tagħkom’ u aħna qed nirrispondu “Fr. dak li qiegħed tixtieq lilna nixtiequh lilek ukoll”. Talba li ntennuha erba’ darbiet fil-quddiesa.
- Fil-bidu. Biha jitlob fuqna prezenti biex fil-minuti li ġejjin nħossu l-qawwa t’Alla fuqna.
- Qabel il-vanġelu: Biha hawn is-saċerdot qiegħed jitlob biex nisimgħu l-kelma t’Alla u biha qalbna titħeġġeġ bħalma tħeġġu d-dixxipli ta’ Emmaws.
- Din it-talba ċkejna terġa tintqal qabel it-talba Ewkaristika. J’Alla ngħarfu lill-Mulej fil-qsim tal-ħobż bħad-dixxipli ta’ Emmaws.
- Terġa tingħad fl-aħħar tal-quddiesa.
Kemm hu importanti li jkollna katekeżi biex nifhmu aħjar il-quddiesa. Kemm hu importanti li nfittxu nifhmu il-kliem li ngħidu aħna stess bħala rit tal-quddiesa. Meta nifhmu dak li qiegħed jingħad kemm napprezzaw aktar il-Liturġija tal-quddiesa.
Qatt ħsibt li Kristu jista’ jagħmel differenza f’ħajtek? Dan irid isir b’mixja ta’ konversjoni. Trid tħalli ħin għal miegħu ħalli jagħtik d-dawl kif titfaċċja l-problemi li niltaqgħu magħhom. Meta mbagħad n-nies ta’ madwarna jaraw l-bidla fina ( per eżempju taħfer lil min naqsek) din il-bidla tiġbidhom lejn Ġesu. Din hija l-mixja li kull nisrani jrid jimxi kuljum minkejja li l-ħin tagħna mimli daqs bajda. L-istess kif maħbu/a jfittex/tfittex li tisraq mument mill-ġurnata biex inkunu mal –maħbubin tagħna.