Tħallux qalbkom titħawwad! – Prayer Café: 16 ta’ Mejju 2014
‘Żomm il-fidi soda fik, il-boxxla tal-fidi hija li temmen għax il-Mulej ikellimna bil-fatti. ’
Fr Charles Fenech O.P. f’Prayer Cafè
Tul il-laqgħa kollha, Fr Charles tana kliem ta’ kuraġġ kbir għal min irid jgħix ħajja tajba. Fi ftit kliem qal hekk:
Ikun hemm perjodi fejn wieħed jaħseb li qiegħed jitħawwad fil-fidi tiegħu, fejn ma jarax ċar u anke jkun irrabjat għal Alla u jara biss dlamijiet. Pero’ ikkunslaw, għax dan ma ġarax lilna biss u lanqas sa jieqaf milli jkompli jiġri. Tlett affarijiet li eżżew it-trankwilita’ tal-knisja tal-bidu kienu:
- It-tradiment ta’ Ġuda; li Ġesù għażlu b’ismu!
- Iċ-ċaħda ta’ Pietru; li kien sa jmexxi l-knisja
- It-tluq ta Ġesù; li l-appostli, li għexu qrib tiegħu, baqgħu ma fehmux.
Allura d-diskors ta’ Ġesù jagħmel sens meta aħna nindunaw li l-komunita’ tal-ewwel insara kienet imbeżżgħa u inċerta. Allura nindunaw li Ġesù kien qed jitkellem quddiem nies li m’għandhomx ċertezza; u Ġesù qiegħed hemm biex iżommhom milli jkomplu jitfarku. Wara l-qari tal-Vanġelu, wieħed għandu jżomm f’moħħu li hemm nies imfarrkin, imbeżżgħin, li qatgħu qalbhom u nies li m’għadhomx jemmnu f’Ġesù, minkejja li għażilhom hu.
Ġesù jitkellem ċar u bla kantunieri:
“Tħallux qalbkom titħawwad!
Emmnu f’Alla, u emmnu fija wkoll.”
Mela allura, qalbna titħawwad, meta aħna ma nemmnux f’Alla u f’Ġesù. Jiġifieri t-taħwid li hawn fid-dinja huwa għax sempliċiment immorru kontra r-rieda t’Alla. Jekk wieħed iħares ħarsa lejn ħajtu; lejn l-għażliet u x’għamilna, jinduna li, il-ħajja hija tqila, għaliex ma nemmnux f’Alla.
Il-ħajja hija tqila, għaliex ma nemmnux f’Alla
Allura huwa mportanti li nagħrfu lil Alla f’ħajjitna. Ħalli l-Mulej jidħol fil-ħajja tiegħek. Ejjew ma nwaħħlux fi skużi bħal: għax id-dinja nbiddlet. Jien qiegħed inħares lejja nnifsi biex nibni relazzjoni ma’ Alla? Ħalli meta jinqala’ xi ħaġa f’ħajjitna ma mwaħħlux f’Alla jew nippenikjaw jew insemmu l-isem t’Alla. Fr Charles hawnhekk għamel spunt importanti fuq id-dagħa. ‘Jien ma niġġudikax min jidgħi, dak jarah Alla! Pero’ fejn hemm id-dagħa, hemm preżenti saħta kbira anke jekk ma tidgħix int. Int tista’ tirbaħha din is-saħħta, billi tikkumbatti bit-talb.’
Int kemm titlob? Għandek kamra d-dar fejn titlob? Jew qegħdin inġebbdu r-rieda t’Alla kif jaqbel lilna?
Il-Prinċipji tal-insara huma tajbin u aħna niskandalizzaw ruħna jekk ta’ ħdejna mhux qed iħarishom jew jekk tgħaddi xi liġi kontra l-prinċipji. Imma meta l-liġijiet jibdew joqorsuna fil-ħajja tagħna… imbagħad jibdew l-IMMA, imma….
Ġesù jitkellem ċar:
‘Fis-sewwa, fis-sewwa ngħidilkom, min jemmen fija, hu wkoll għad jagħmel l-għemil li qiegħed nagħmel jien, u akbar minnu għad jagħmel.’
Allura aħna nagħmlu l-mirakli? Iva fl-għemejjel żgħar tagħna, iva aħna nagħmlu l-mirakli. Għin u agħti mingħajr interess, u Alla jtik paċi f’qalbek. ‘Ili daqshekk magħkom u int, …..’
Dejjem nipprova nżomm dan il-blog qasir kemm nista’ biex waqt li nittama li jkun ta’ gwida, ma naqtax qalb il-qarrejja. Iżda zgur li l-aqwa tgħallim ikun mar għand min sema’ lil Fr Charles jitkellem waqt il-Prayer Cafè. U hawnhekk nixtieq nirringrazzja lil Mulej għax verament in-numru tan-nies li qed jiġu għal dawn il-ftit minuti tas-smigħ qiegħed dejjem jikber.
Joanne Ċiantar