Avventura mal-Qaddisin – 31 t’Ottubru 2015 [photos]
Il-Kids for Jesus (K4J) club fi ħdan il-Moviment Kerŷgma irnexxielu għal sena oħra jiġbor grupp sabiħ ta’ tfal ta’ bejn l-4 u t-13-il sena nhar il-31 ta’ Ottubru 2015, għal ġurnata mimlija attività f’jum il-qaddisin kollha.
Il-ġurnata tagħna bdiet fit-tmienja ta’ filgħodu fejn għadd sabiħ ta’ teens ġew b’ħeġġa kbira jippreparaw u jorganizzaw il-logħob tat-tfal għall-‘All Saints Party’ taħt il-gwida tal-leaders tagħhom. Fl-għaxra, tajna bidu għall-attività sabiħa li laqgħat ftit inqas minn mitt tifel u tifla, fil-kjostru tal-kunvent tal-patrijiet Dumnikani fir-Rabat.
Waqt il-party, it-tfal kellhom l-opportunità li jżuru sebgħa stazzjonijiet. F’kull stazzjon, it-tfal kellhom storja qasira fuq xi qaddis partikolari u wara kellhom logħba li kienet marbuta mal-ħajja jew l-istorja ta’ dan il-qaddis partikolari. Kull stazzjon kellu s-superviżjoni tal-adulti, iżda ġie mmexxi mit-teens infushom li għamlu xogħolhom bl-akbar dedikazzjoni.
Wara l-mawra f’kull stazzjon, it-tfal inġabru għal quiz fejn għamilna ftit reviżjoni ta’ dak kollu li kienu tgħallmu. Bla dubju ta’ xejn il-ġid, li ħareġ minn din il-ġurnata kien evidenti mhux biss mill-mod ta’ kif wieġbu d-domandi t-tfal, iżda wkoll mit-tbissima u s-sodisfazzjon li wrew kemm it-tfal, kif ukoll il-ġenituri ta’ dawk li attendew. It-tfal ingħataw ukoll xi rigali u stedina speċjali sabiex filgħaxija jingħaqdu magħna għal dak li aħna sejjaħnilu ‘Barka u Talba’.
‘Barka u Talba’ – din xi tkun? Il-K4J club reġa’ sejjaħ lit-tfal fis-18.30 ta’ filghaxija u flimkien morna nħabbtu l-bibien tan-nies. Hawnhekk aħna tlabna lin-nies jisimgħu storja żgħira fuq qaddis li tlabna l-barka tiegħu fuq dik id-dar, u min għoġbu tana donazzjoni jew ħelu, li t-tfal tagħna għaddew lil tfal oħra li huma inqas ixxurtjati minnhom. Il-barka li t-tfal talbu fuq ħaddieħor żgur li ġiet fuqhom u t-tbissima li ħalliet fuq wiċċ kull wieħed minnhom żgur kienet ta’ sodisfazzjon kbir għall-helpers kollha li b’mod volontarju qattgħu ġurnata flimkien jagħmlu dak li huwa dmir tagħna li nagħmlu bħala nsara.
“Kulħadd għandu viżjoni ta’ dak li huwa tajjeb u dak li huwa ħażin. Aħna rridu ninkoraġġixxu lin-nies jimxu lejn dak li huwa tajjeb… dan ikun biżżejjed sabiex nagħmlu dinja aħjar”
Papa Frangisku
Fl-aħħarnett ser nagħmlu stedina sabiex jekk hawn xi ħadd (adulti, adolexxenti jew tfal) li jixtieq jingħaqad mal-gruppi tagħna jew isir jaf aktar dwar dawn l-attivitajiet, huwa mitlub jikkuntattja lil Bernice fuq 99804553. Il-bieb tagħna miftuħ għal kulħadd.