Indawwru r-Rota tal-Ekonomija – taħdita minn Fr. Ivan Attard OP – Prayer Cafè – 6 ta’ Mejju, 2017.
Prinċipju bażiku tad-Duttrina Soċjali tal-Knisja huwa dan: L-ekonomija hija għas-servizz tal-bniedem u tal-ġid komuni u mhux il-bniedem għas-servizz tal-ekonomija. Pero’ skont is-sistema ekonomika attwali, il-bniedem huwa għas-servizz tal-eżigenzi ekonomiċi, li jivvintawhom xi wħud biex isiru sinjuri minn fuq dahar ħaddieħor.
L-ekonomija hija għas-servizz tal-bniedem u tal-ġid komuni u mhux il-bniedem għas-servizz tal-ekonomija. Pero’ skont is-sistema ekonomika attwali, il-bniedem huwa għas-servizz tal-eżigenzi ekonomiċi, li jivvintawhom xi wħud biex isiru sinjuri minn fuq dahar ħaddieħor.
Is-sistema ekonomika li qed ngħixu fiha hija magħmula minn diversi swieq, li lkoll jimxu fuq dan il-prinċipju: l-ogħla qliegħ bl-inqas spejjeż possibbli. Iktar ma wieħed jonfoq, iktar se jkun hemm tkabbir ekonomiku u jekk xi ħadd ma jiflaħx iħallas, għandu jissellef. Għall-banek, il-dejn huwa flus ukoll, ladarba l-banek jistgħu idejnu d-dejn ukoll. Iktar ma jkun hemm dejn, għall-bank iktar aħjar. B’dan il-mod, fis-suq finanzjarju qed jintefgħu iktar flus milli fil-fatt hemm fis-suq reali.
Dawk li aħna ngħidulhom flus illum huma biss biċċa karta. Qabel il-valur tal-flus kien jikkorrispondi għall-valur tad-deheb li pajjiż kien ikollu fir-riżervi tiegħu. Fil-fatt il-munita kienet tista’ tiġi maqluba f’deheb. Illum il-valur tal-munita ma jiddipendix biss fuq id-deheb, imma anke fuq ġid ieħor. Fl-imgħoddi, il-President tal-USA, Nixon fi żmien il-gwerra tal-Vietnam, kien waqqaf temporanjament li d-dollaru Amerikan jiġi mibdul f’deheb. Għaliex? Minħabba l-gwerra tal-Vietnam, Nixon beda jistampa iktar karti tad-dollaru milli kellu riżervi tad-deheb. Biex jevita l-iżvalutar tal-munita, ħa din il-miżura u baqgħet hekk sal-lum. Tajjeb li nsemmu wkoll li minn wara t-tieni gwerra dinjija, id-dollaru Amerikan sar il-munita li tintuża fis-swieq internazzjonali u li l-valur tal-muniti jiġi mqabbel mad-dollaru Amerikan.
Fl-2010 seħħet ir-Rebbiegħa Għarbija, li fost il-ħafna rivoluzzjonijiet kien hemm il-qtil ta’ Gaddafi. Il-pretest kien li dan kien theddida għall-umanita’ u li kien qed jgħakkes lil-Libjani. Gaddafi kien veru perikoluż fis-sebgħinijiet u t-tmeninijiet u mhux meta xjaħ. Pero’ Gaddafi ried joħloq munita waħda Afrikana, bħalma l-pajjiż Ewropej ħolqu l-Ewro, u ried ukoll li r-riżerva tad-deheb wara l-munita Afrikana ikun tiegħu, għax min għandu l-kontroll tal-munita għandu awtomatikament kontroll fuq l-ekonomija u l-politika ta’ dawk il-pajjiżi li jużaw dik il-munita. Hu ried li jitħallas għaż-żejt li jbiegħ bid-deheb u mhux bid-dollaru amerikan u għalhekk qatluh.
Illum spiċċajna li hawn sfruttament kbir tal-illużjoni li l-bniedem huwa ħieles. Fil-fatt mhu veru xejn. Ħafna drabi qed jinħolqu esiġenzi inutli fis-sistema ekonomika, li biex wieħed ilaħħaq magħhom ikollu jissagrifika lilu nnifsu, lill-familja, kif ukoll il-ġid u s-saħħa tiegħu. Din is-sistema ekonomika titlob li kull sena jkun hemm tkabbir ekonomiku, jiġifieri żieda fil-GDP. Jekk ma jkunx hemm tkabbir ekonomiku, l-ekonomija taqa’ f’reċessjoni. Jekk pajjiż irid jara tkabbir ekonomiku, irid jivvinta attivitajiet ekonomiċi ġodda. Il-problemi saru okkażżjoni biex wieħed joħloq attivita’ ekonomika li toffri servizzi jew prodotti biex isolvihom. Mela aktar ma jinħolqu problemi aktar se jkollna okkażżjoni ta’ tkabbir ekonomiku. Mela, ejja noħolqu problemi ġodda ħalli noħolqu aktar attivita’ ekonomika. Per eżempju, is-settur tal-manifattura joħloq il-problema tal-iskart. Allura rrid noħloq servizz biex neħles minn dan l-iskart. L-iskart offra okkażjoni biex ħaddieħor joħloq attivita’ ekonomika li ssolvi l-problema tal-iskart. U hekk l-ekonomija tikber.
Illum qed ngħixu ħajja stressata minħabba esiġenzi ekonomiċi esaġerati. L-istress joħloq ħafna mard. Dan il-mard joffri okkażjoni ta’ xogħol lit-tobba u lill-psikoloġi, kif ukoll lill-industrija tad-divertiment biex wieħed jiżvoga jew jikkompensa ftit għad-dwejjaq tal-ħajja. Hemm min qed jistagħna minn dan l-isfruttament u hemm min qed iħallas il-prezz huwa u jissagrifika lilu nnfisu u l-familja tiegħu.
Wieħed/waħda jiġu għajjenin mix-xogħol u għalhekk l-istorbju tat-tfal ma jifilħuhx. Biex jeħilsu mit-tfal, ħalli jħalluhom bi kwiethom, jixtrulhom xi playstation jew kompjuter u jħalluhom siegħat sħaħ quddiemhom. It-tfal kuntenti ħafna. Il-ġenituri wisq iktar, imma qed issir ħsara kbira fuq it-tfal għax qed jitilfu l-iskola naturali tal-ħajja u mhux qed jiżviluppaw il-ħiliet meħtieġa biex jimmaturaw u jsiru adulti awtonomi u responsabbli. Barra minn hekk, biex il-ġenituri jpattu għan-nuqqas ta’ ħin li suppost jgħaddu ma’ uliedhom, jixtrulhom kull ma jridu. U hekk is-suq jimxi! U jkunu qed jippreparaw konsumaturi eċċellenti. Meta jikbru, kull ma jridu jixtruh. Jispiċċaw skjavi tal-ekonomija.
Wara l-ekonomija hemm sidien li dejjem qed jistagħnew. Is-swieq dejjem qegħdin jikkonċentraw f’idejn ftit sidien li qed isiru sinjuri waqt li l-maġġoranza qegħdin jiftaqru. L-ekonomija tagħna hawn Malta tippendendi wkoll milli nattiraw l-investiment barrani. Dan ifisser li qed jidħlu fis-swieq tagħna il-kumpaniji ta’ dawn il-propjetarji barranin li qed jaħkmu l-ekonomija globali. Dan ifisser li flejjes kbar deħlin fil-bwiet tas-sidien barranin.
Il-ġenituri għandhom jgħallmu lill-uliedhom jirrispettaw lill-ħbieb mhux għax qegħdin fit-tali nursery, jew għax jilbsu ħwejjeġ tad-ditta, imma għax huma bnedmin.
Irridu noqogħdu ftit attenti li ma nħallux l-ekonomija tmexxina minn imneħirna. L-iskop tal-mezzi tal-komunikazzjoni hu li jippromovu dan il-mudell ekonomiku: biex nonfqu dejjem aktar. Il-media jiddependu mir-riklami, u għalhekk jinteressahom li jdaħħlu din il-mentalita’ biex min jirreklama jbigħ. Dan hu l-istil ta’ ħajja li jdawwar ir-rota ekonomika. Jikkonvinċuk li ma tistax tagħmel mod ieħor. La kulħadd jaħseb hekk, kulħadd jagħmel hekk. Irridu nedukaw lil uliedna biex ma jkunux skjavi ta’ dan kollu. Il-ġenituri għandhom jgħallmu lill-uliedhom jirrispettaw lill-ħbieb mhux għax qegħdin fit-tali nursery, jew għax jilbsu ħwejjeġ tad-ditta, imma għax huma bnedmin. Din tiġi mill-ġenituri. Ħafna drabi huma l-ġenituri li jdaħħluhomlom dawn l-ideja li għandhom ikunu jew tal-lanqas jidhru aħjar minn ħaddieħor. Il-peer pressure tibda mill-ġenituri, li jinqdew bit-tfal biex jagħmlu kompetizzjoni bejniethom. It-tfal ma jagħmlux kompetizzjoni bejniethom. Huma l-ġenituri ffissati li jisfruttaw lil uliedhom biex jidhru huma. Barra minn hekk, ċertu ġenituri jridu jidhru ħelwin wkoll ma’ wliedhom. Għalfejn? Jista’ jkun biex itaffu l-guilt feelings għax ma jsibux ħin għal uliedhom. Allura biex ipattu, jikkuntentawhom f’kollox, biex iħossuhom aċċettati minn uliedhom.
Tant qed ikunu mgħobbijin it-tfal li iktar ma jgħaddi ż-żmien inqas qed ikunu kapaċi jirraġunaw. Mhux qed inħallulhom żmien biex jiżviluppaw moħħ li jaf jirraġuna. X’għandu x’jaqsam dan mal-ekonimija? Għandu, u kif, għax dan l-istil ta’ ħajja li mingħalina qed niżviluppaw il-ħiliet ta’ wliedna, fil-fatt qed niżviluppaw il-bwiet tal-oħrajn! U qed issir ħsara kbira! Il-familja spiċċat għas-servizz tal-ekonomija. Il-familja trid twieġeb għall-esiġenzi tas-sistema ekonomika. Il-ġenituri jispiċċaw jissagrifikaw ir-relazzjoni ta’ bejniethom, il-ħin li jistgħu jqattghu ma’ wliedhom. L-ekonomija mhix qegħda għas-servizz tal-bniedem, imma hu l-bniedem u l-familja li huma għas-servizz tal-ekonomija.
L-ekonomija mhix xi ħaġa astratta – warajha hemm nies li qegħdin iħaxxnu buthom. Qed jagħmlu profitt kbir. Per eżempju, f’rapport tal-Oxfam 2017, tissemma kumpanija f’pajjiż partikolari li manager wieħed għandu paga daqs ta’ 10,000 ħaddiem tagħha.
U ’l hemm sejrin, għax hi sistema organizzata biex tkun hekk!