Prayer Cafè: ALLA KOLLOX – taħdita mis-sur Charles Briffa – Ġimgħa 12 ta’ Jannar 2018.
Santa Tereża kienet tgħid: “Alla biżżejjed. Alla kollox”
Imma fid-dinja llum kemm hawn li jemmnu dan? Knejjes battala, ħlief għal xi ftit anzjani; nies depressi. Għaliex qed jiġri hekk?
Għandi lil Alla?
Fil-mumenti tal-prova trid tgħid: “Għandi lil Alla”. Imma kif ser tikkonvinċi lil oħrajn dwar dan? Għandi dan ir-rigal tal-fidi? Kif ser ngħaddih lil oħrajn?
L-ikbar sfida hi li tikkonvinċi lil dak li jkun jerġa’ lura lejn Alla. Importanti ħafna, pero, li nkunu konvinti aħna, mhux niddubitaw fil-mument tal-prova. Il-bniedem irid jirrassenja ruħu mal-volonta’ t’Alla. Il-mumenti ta’ prova jiġu fuq kulħadd.
Ħaddieħor jista’ jisfidana. “Bit-talb kollu tagħkom, xi bdiltu?” Nieħdu eżempju fil-mediċina. Jiftaħru li qed joħolqu trabi! Imma, wara kollox, l-intelligenza minnfejn hi ġejja? Bil-ftaħir kollu tagħhom, qatt ħadd għadu ma ħalaq fjura mix-xejn!
Jekk irridu nagħtu raincoat kontra l-maltemp lil ħaddieħor, irridu nkunu aħna l-ewwel li narmaw, billi nersqu iktar lejn il-Kelma t’Alla. Fil-prova l-Kelma t’Alla tista’ ssalvana. Hu ġie fostna biex jagħtina eżempju. Għadda minn tbatija, imma talab biex jekk hu possibli jitbiegħed minnu l-kalċi; ġie miċħud minn Pietru, imma fuqu bena’ l-knisja; ħafer fil-mument tal-prova. Xi jrid jurina Ġesu’?
Fil-ħajja tiegħi, Ġesu’ biżżejjed. Anke jekk nieħdu lil Ġesu’ mill-kuntest tal-istorja biss, diġa’ biżżejjed. Ħafna niex m’għandomx paċi għax qed iħallu lil Alla barra mill-istampa.
Aħna rridu nkunu armati għall-isfidi tal-lum. Waħda mill-affarijiet li qed jippruvaw ibellgħulna hi li Ġesu’ ma kienx jeżisti! Jikkwotawlna minn Gandhi, Buddha, etċ. Imma għandna tant kliem sabiħ li qal Hu! Fejn ħa nieħdu r-riskju? Ngħix ħajja bla Alla, jew aħjar inlesti għall-ħajja ta’ wara? X’investiment ħa nagħmlu?
Jekk aħna liż-żgħar ma ntuhomx raġuni konkreta għalfejn għandhom imorru l-knisja, dawn se jkomplu jiżvujtjaw. Aħna rridu nwasslu l-Aħbar it-Tajba. Ġwanni lid-dixxipli tiegħu ma qallhomx biex ma jmorrux, anzi telqu u ħadu magħhom oħrajn. Ġesu’ għandu messaġġ pożittiv. Il-Kmandamenti mhumiex xkiel, imma messaġġ ta’ mħabba: Ħobb lil Alla u ħobb lill-proxxmu tiegħek. Alla jibqa’ dejjem l-istess u għalhekk il-Kmandamenti Tiegħu ma jinbidlux. Kultant aħna nitilfu d-direzzjoni, imma l-Kmandamenti, bħal GPS, jerġgħu jiggwidawna lejn it-triq it-tajba.
Aħna rridu nkunu iżjed konxji ta’ x’qed jiġri fil-Knisja illum. Irridu nibdlu dawk l-affarijiet li mhumiex skond ir-rieda t’Alla. Ma nistgħux nimponu l-Vanġelu fuq ħaddieħor, imma rridu nagħtu xhieda. Ir-reviżżjoni trid tibda minna. Aħna ppreparati għall-attakk, jew ħa mmorru fuq id-difiża?
Alla qiegħed dejjem magħna
Kuljum irriddu nsaqsu lilna nfusna: “X’għamilt għalik Mulej – fil-famija, fil-post tax-xogħol? Min hu Alla għalija? Min sar Alla għalija?” Inutli nikkundannaw id-divorzju, l-abort, jekk aħna ma ngħallmux lil uliedna x’inhuma.
Il-mod kif ngħixu u nġibu ruħna fil-maltemp ħa jkun l-eżempju. Irridu narmaw aħna biex nagħtu eżempju lil ħaddieħor – li Alla qiegħed dejjem magħna.
ALLA BIŻŻEJJED. ALLA KOLLOX.