San Piju ta’ Pietrelcina
Imwieled Francesco Forgione, magħruf l-iktar bħala Patri Piju jew Padre Pio, (Pietrelcina, Italja, 25 ta’ Mejju 1887 – San Giovanni Rotondo, 23 ta’ Settembru 1968), kien patri Franġiskan Kapuċċin Taljan u saċerdot; qaddis ikkanonizzat mill-Knisja Kattolika li ċ-ċelebrazzjoni tal-festa tiegħu ssir fit-23 ta’ Settembru, fl-anniversarju ta’ mewtu.
Anke meta kien għadu ħaj, ingħata venerazzjoni popolari kbira minħabba l-pjagi li kellu f’ġismu u l-mirakli li jingħad li wettaq f’ħajtu u wara mewtu. Kien ukoll oġġett ta’ ħafna kritika u suspetti fi ħdan il-Knisja u barra minnha.
Il-fama ta’ Patri Piju xterdet ‘il barra mill-Italja. Kienu jmorru jżuruh pellegrini mhux biss mill-pajjiżi Ewropej, fosthom Maltin, iżda wkoll Amerikani u Sudamerikani. Eluf ta’ ittri kienu qegħdin jaslulu fil-kunvent minn madwar id-dinja kollha, x’uħud anke miċ-Ċina u mil-Lvant Imbiegħed. Fost l-ittri li rċieva kien hemm waħda, fl-1962, mingħand il-Kardinal Pollakk Karol Woytla (iktar tard il-Papa Ġwanni Pawlu II), li talbu biex jitlob għal waħda omm żagħżugħa Pollakka li kienet kważi fl-aħħar għax kellha tumur fi griżmejha. Għaddew ftit ġranet u l-Kardinal reġa’ kitiblu biex jirringrazzjah għax il-mara kienet qalgħet il-grazzja.
Minkejja l-popolarita’ kbira tiegħu, ħajtu fil-kunvent baqgħet dejjem l-istess. Kien iqaddes tal-ħamsa ta’ filgħodu. Għall-quddiesa tiegħu, in-nies ġieli għamlu lejl sħiħ wara l-bieb tal-knisja biex malli tiftaħ, jintasbu fl-ewwel postijiet. Nistgħu ngħidu li ħajtu bħala saċerdot kienet talb, quddiesa u qrar. Kien iqatta’ sigħat twal fil-konfessjonarju u kien jixtieq li “l-ġurnata fiha 48 siegħa flok 24” biex ikun jista’ jqarar iżjed. Fil-festi jingħad li ġieli għamel 18-il siegħa jqarar. Eluf kbar jingħad li sabu lil Alla mill-ġdid permezz ta’ Patri Piju. Kienu jqerru għandu isqfijiet, kardinali, politiċi, artisti u minn kull xorta ta’ nies.
Jibni sptar: Casa Sollievo della Sofferenza
Fl-1925 Patri Piju rranġa bini li qabel kien iservi ta’ monasteru u għamel sptar żgħir li semmieh San Franġisk. Iżda fl-1956 għamel l-opra kolossali tiegħu meta bil-flus ta’ ħafna benfatturi fetaħ wieħed mill-aktar sptarijiet moderni anke sal-ġurnata tal-lum, “Casa Sollievo della Sofferenza” – Dar għas-Serħan mit-Tbatija. Iżda dan l-isptar, għalkemm ġab serħan lil ħafna pazjenti, reġa’ ġab sofferenza kbira għal Patri Piju, liema sofferenza kient tixbah lil dik li għadda minnha għoxrin sena qabel, meta waqqfuh milli jqaddes. Issa Patri Piju kien bniedem anzjan u batut fiżikament.
Waqt li kien qed jinbena l-isptar mhux kollox kien miexi dritt fl-amministrazzjoni, mhux tort ta’ Patri Piju, li kien ħalla f’idejn ħaddieħor it-tmexxija tal-isptar. Fl-1952, il-Ġeneral tal-Kapuċċini, fuq struzzjoni mis-Sant’Uffizzju, wissa lir-reliġjużi tiegħu biex ma jorganizzawx pellegrinaġġi għal San Giovanni Rotondo. Fl-1960, il-Papa bagħat li Mons. Carlo Maccari biex jinvestiga l-ħafna xnigħat li kienu qegħdin isiru fuq Patri Piju, anke li kien qiegħed ikollu relazzjonijiet ma’ xi nisa. Patri Piju ġie miżmum milli jiċċelebra ż-żwiġijiet u l-magħmudijiet u ma jdumx iktar minn nofs siegħa fil-quddiesa. Saħansitra kienu tpoġġew xi mikrofoni fiċ-ċella u fil-konfessjonarju tiegħu. Patri Piju kien ħadha bi kbira wisq din il-ħaġa skandaluża għax qatt ma stenna li jsir dan min-nies tal-Knisja. Kien fl-1964, erba’ snin qabel mewtu, li l-Papa Pawlu VI temm din it-tieni persekuzzjoni tas-Sant’Uffizzju.