Prayer Cafè: IL-PARABBOLA TAL-IBEN IL-ĦALI – taħdita minn Fr. Charles Tonna, il-Ġimgħa 26 t’Ottubru 2018.
Fil-bidu tat-taħdita tiegħu, il-kelliem qal li jixtieq li r-riżultat ta’ din il-laqgħa jkun li nisimgħu tajjeb il-Kelma t’Alla. Jekk tisma’ din il-kelma sew, din ser tolqtok żgur. Ħafna drabi l-Kelma t’Alla nisimgħuha u ttir mar-riħ, bħall-parabbola taż-żerriegħa. Il-Kelma t’Alla trid tagħmel il-frott, għax hija ħajja. Il-Kelma t’Alla trid tkun akkumpanjata mill-fidi. Il-Kelma t’Alla ddawwalna fiċ-ċirkustanzi kollha tal-ħajja tagħna.
Il-Parabbola tal-Iben il-Ħali nsibuha f’kapitlu 15 ta’ San Luqa. Qabilha hemm il-Parabbola tar-Ragħaj li jitlef nagħaġa, u l-oħra tal-mara li tilfet drakma. Dawn il-Parabboli, Ġesu’ qalhom għax kien attakkat mill-Fariżej. Dawn kienu jimxu eżatt mal-Liġi, imma ħafna drabi għemilhom kien differenti ħafna minn dak li kienu jemmnu fih. Kristu qal “Agħmlu dak li jgħidulkom tagħmlu, imma tagħmlux bħalhom.” Waħda mill-akkużi tagħhom kienet li Ġesu’ kien jagħmilha ma’ kulħadd – pubblikani, midinbin. Saħansitra kien jiekol għandhom. Għalhekk qalilhom din il-parabbola.
Ħafna drabi aħna, fil-ħajja, nħarsu mit-tieqa ‘l barra – niġġudikaw, nitkellmu fuq l-oħrajn. Inħarsu barra minna nfusna. Aħna rridu nħarsu lejn il-mera – il-mera tgħidlek min int.
L-iktar li jispikkaw f’din il-parabbola huma l-maħfra, il-ħniena u l-imħabba. Hawnhekk inqrat il-Parabbola tal-Iben il-Ħali. Din hi waħda mill-isbaħ parabboli. Hemm xi 36 parabboli kbar u oħrajn qosra – 52 b’kollox. L-iktar li naraw f’din il-parabbola hi l-figura tal-missier – tilef lill-ibnu u reġa’ laqgħu għandu. Fil-fatt din il-parabbola ġieli tissejjaħ il-Parabbola tal-Missier Ħanin.
Hawn bdiet l-ispjega tal-parabbola. Proprjament, il-missier ma setgħax jiddisponi mill-wirt qabel mewtu. Dak iż-żmien, l-iben il-kbir kien jieħu żewġ terzi tal-wirt. Iż-żgħir suppost li ma setgħax jiddisponi mill-wirt qabel ma jmut missieru. Meta l-parabbola tgħidilna li sarr kollox, probabli li biegħ li kellu biex ikollu l-flus f’idejh. X’aktarx li dan l-iben ma kienx miżżewweġ, u għażel li jmur f’pajjiż barra l-Palestina, fejn ma kienx hemm dawk ir-regolamenti reliġjużi – biex ikun liberu.
Meta spiċċaw il-flus u l-ħbieb, kellu jmur jirgħa l-qżieqes – l-iktar xogħol degradanti. Din hi ħafna drabi l-istorja tagħna – l-istorja tal-midneb. Nagħżlu li nitilqu minn dar Missierna. Dan hu l-iżball tal-lum – tlifna l-qalb. Aħjar ma jkollok xejn u jkollok l-imħabba, s-sempliċita’ u l-mogħdrija.
Meta ra l-iżball tiegħu, l-iben reġa’ lura għand missieru. Tant kien niedem – hu kien jaf li issa m’għandu dritt għal xejn – li qal “immur għand missieri mqar bħala lavrant”. Imma meta wasal, il-missier ġera biex jiltaqa’ miegħu, għannqu u biesu – is-sinjal tal-maħfra. Missieru ma staqsieh xejn, imma tah tlett affarijiet: l-isbaħ libsa, li tfisser il-ġieh li hu ried li jerġa jagħtih, sinjal ta’ distinzzjoni għolja. Libsa ġdida tfisser ħajja ġdida – l-iben hu l-mistieden tal-unur, reġa’ ġie mpoġġi fl-istess grad li kellu qabel; iċ-ċurkett, li kien ifisser awtorita’ fil-familja li l-missier kein reġa’ tah; is-sandli, li jfisser il-ħelsien, il-liberta’. Mhux dan biss, imma għamillu festa kbira – l-għoġol imsemmen.
Fl-aħħar jiġi l-iben il-kbir. Meta ra x’kien ġara’, m’aċċettax li jidħol – baqa’ barra. Meta jkellem il-missieru ma jgħidlux “hija” imma “dak ibnek”. Tant kien irrabjat li beda jakkuża liż-żgħir b’dak li kien għamel. It-tnejn naqsu – iż-żgħir telaq minn dar missieru u għex ħajja mtajjra, u l-kbir m’għarafx jirrikonċilja ruħu, la ma’ ħuh, u lanqas ma’ missieru.
It-tagħlima prinċipali ta’ din il-parabbola hi l-maħfra. Mhix ħaġa faċli. Taħfer għax tkun dgħajjef? Fil-Missierna ngħidu ” aħfrilna dnubietna kif aħna naħfru lil min hu ħati għalina”. Mhux aħjar taħfer u tagħder milli tikkundanna? Billi tikkundanna x’ser tieħu? F’San Mattew insibu sentenza: ” Jekk intom taħfru lil ħutkom, Missierkom li hu fis-smewwiet jaħfer lilkom ukoll, imma jekk ma taħfrux lil ħutkom, lanqas Missierkom ma jaħfrilkom”. – kliem iebes! Għaliex taħfer? Kristu ħafer sal-aħħar. Il-maħfra ġġib ir-rikonċiljazzjoni u l-paċi tal-qalb.
Il-Missier fil-parabbola hu Alla, li jieħu ħsiebna u jfittixna, għax Hu ma jrid lil ħadd jintilef. Alla jgħinna biex inħobbu u naħfru iktar. Alla ma jridx distinzzjoni. Alla jaħfer lil kulħadd – jibgħat ix-xemx u x-xita fuq it-tajbin u fuq dawk li m’humiex. “Jien ma ġejtx għal min hu b’saħħtu, imma għal morda biex infejjaqhom”.
F’dawn iż-żewġt aħwa nsibu li wieħed kien ma’ missieru, telaq u reġa’ lura, filwaqt li l-kbir, għalkemm kien dejjem ma’ missieru, fl-aħħar qisu nfired minnu. Din il-parabbola ma fihiex konkużżjoni – ma tgħidilniex jekk kienx hemm rikonċiljazzjoni. Aħna nafu li Alla hu mħabba, Alla hu ħanin u jaħfrilna. Ħafna drabi aħna nippruvaw insibu l-kuntentizza f’affarijiet oħra, anke jekk forsi jistgħu jkunu tajbin. Ma rridux pero’ li dan il-ġid isir il-programm ta’ ħajjitna, u lil Alla ntuh biċċa żgħira, jekk intuh! Illum il-bniedem jgħix mingħajr Alla. Lanqas għadu fil-vokabularju ta’ ħafna nies. Meta l-bniedem jitbiegħed minn Alla, jinżel fil-miżerja.
Din il-parabbola turina li Alla, lil kulħadd, xi ħin jew ieħor, jagħtih iċ-ċans li jinduna bl-iżball tiegħu. Nindunaw li nistgħu nersqu viċin Tiegħu. Lil ibnu, il-missier mhux biss ma staqsieh xejn, imma laqgħu u reġa’ tah il-post li kellu qabel. Għamillu festa kbira. Din hi l-imħabba t’Alla, għalhekk iġiegħlek taħfer.
L-iben iż-żgħir gerfex u ħawwad, imma nidem. Il-kbir baqa’ iebes. Mhux biss ma rrispettax lil ħuh, iżda lanqas lil missieru.
Aħna lkoll għandna npoġġu lilna nfusna f’din il-parabbola. Nitolbu lil Mulej biex inkunu nies ta’ ħniena u maħfra. Il-Papa Franġisku dejjem iħeġġeġ fuq il-ħniena. Nippruvaw dejjen li nagħmlu paċi m’Alla u mal-oħrajn.
Il-Vanġelu ta’ San Luqa jissejjaħ ukoll il-Vanġelu tal-Ħniena, għax għandu ħafna rakkonti ta’ maħfra u ħniena, bħal l-istorja ta’ Żakkew.
Li titlob maħfra trid ċertu umilta’. Santu Wistin jgħid “Ħobb, u tista’ tagħmel kollox”
Min veru jħobb, jaħfer.
Il-laqgħa għalqet bit-talba tal-Missierna.