Prayer Cafè: IL-QARI TAL-ISKRITTURA MQADDSA – taħdita minn Fr. Joseph Agius, il-Ġimgħa 12 t’Ottubru 2018.
Il-laqgħa bdiet bit-Talba tal-Moviment.
Imbagħad sar indirizz mill-President Bernice Micallef, li ntroduċiet it-tema għal din is-sena. Din hi meħuda mill-Ittra ta’ San Pawl lill-Galatin – “Il-Vanġelu li ħabbartilkom jien m’huwiex il-vanġelu tal-bnedmin, għax jien mhux mingħand il-bnedmin irċevejtu, imma kien irrevelat lili minn Ġesu’ Kristu”. Matul din-is-sena ser nisimgħu din is-sentenza: “Li kont għadni nfittex li nogħġob lill-bnedmin ma kontx inkun qaddej ta’ Kristu”. Il-missjoni tal-Moviment hi x-xandir tal-Kelma t’Alla. Irridu nimxu fuq il-passi ta’ Kristu. Irridu nersqu lejn il-Mulej sabiex nistiednuh jiġi għandna.
L-għan ta din it-taħdita hu l-qari u l-użu tal-Kotba Mqaddsa. Il-Knisja tuża l-Kotba Mqaddsa fiċ-ċelebrazzjonijiet liturġiċi tagħha. Tħeġġeġ anke lill-fidili biex jaqrawhom u jirriflettu fuq it-test bibliku. L-iskop ta’ dan hi li ssaħħaħ il-fidi tagħhom u l-fidili jimxu ‘l quddiem fit-triq tal-ispiritwalita’ nisranija.
Pero’ hemm xi diffikultajiet. Hemm xi testi li diffiċli wieħed jifhimhom. Per eżempju, mhux faċli dejjem tifhem id-dettalji kollha li jidħol fihom San Pawl. Hemm testi oħra, fit-Testment il-Qadim, li meta tismagħhom, ma tantx jedifikawk: rakkonti ta’ gwerer, tixrid ta’ demm. Hemm imbagħad testi li jirrakkuntaw ġrajjiet li forsi aħna nħossuna ‘l bogħod minnhom, speċjalment fit-Testment il-Qadim – l-istorja ta’ Iżrael.
Veru li hemm ħafna testi li jolqtuna pożittivament, speċjalment fil-Vanġelu: il-Parabboli u d-diskors ta’ Kristu. Ma tantx insibu diffikulta’ biex nifhmuhom. Hemm xi testi, pero’, li l-Knisja ma tużahomx fil-liturġija tagħha minħabba li jista’ jkun li dawn iħallu xi mpressjoni negattiva fuq il-fidili.
Il-Knisja tagħti sehem importanti l-użu tal Kotba Mqaddsa, kemm fil-liturġija, kif ukoll għall-użu privat, jiġifieri tħeġġeġ li naqraw u nirriflettu fuq dak li nkunu qrajna.
Għaliex il-Knisja temmen li l-Kotba Mqaddsa huma ispirati, jiġifieri li huma l-Kelma t’Alla? Il-kittieba kitbu skond kif riedhom jiktbu Alla, għalhekk dak li kitbu hi l-Kelma t’Alla.
Kif naf li l-Kotba Mqaddsa huma ispirati? Fil-biċċa l-kbira ma nafux min kienu l-kittieba tat-Testment il-Qadim, u sa ċertu punt anki dawk tat-Testment il-Ġdid, għaliex għalkemm l-ittri li nattribwixxu lil San Pawl probabbilment inkitbu minnu, hemm xi dubbji dwar ftit minnhom, per eżempju, l-Ittra lil-Lhud. Il-Vanġeli ma waslulniex fil-verżjoni oriġinali tagħhom, imma ġew irrakkuntati minn ħaddieħor, jiġifieri l-verżjoni li waslitilna mhix neċessarjament il-verżjoni li kitbu l-Evanġelisti. Meta wieħed jikkunsidra l-awtur, mhux bilfors jasal għall-konklużżjoni li l-Ktieb hu ispirat, lanqas meta wieħed jikkunsidra l-kontenut tal-ktieb. Aħna nafu bl-ispirazzjoni ta’ dawn il-Kotba mit-Tradizzjoni tal-Knisja, jiġifieri l-Knisja, fit-tradizzjoni tagħha, żżomm dawn il-kotba bħala l-Kotba Ispirati. Dan ifisser li jekk wieħed m’huwix fit-tradizzjoni tal-Knisja, mhux probabbli li ser jaċċetta li dawn il-kotba huma ispirati, li wara dawn il-kotba hemm l-awtorita’ t’Alla. Naċċettaw li huma ispirati għax nemmnu fit-tradizzjoni tal-Knisja.
Kif qal il-Papa Benedittu XVI, m’għandniex nillimitaw il-Kelma t’Alla esklussivament għat-test bibliku. Fl-eżortazzjoni appostolika tiegħu jinsisti li l-Kelma t’Alla tippreċedi l-Kotba Mqaddsa u fl-istess ħin teċċedi l-Kotba Mqaddsa. Xi tfisser tippreċedi? Per eżempju, dak li hemm fil-Vanġelu, qabel ma nkiteb, kien ippriedkat. Kristu bagħat lill-appostli biex jippriedkaw. U dawn x’ippriedkaw? Dak li kien għamel u qal Kristu. U hekk inħolqot tradizzjoni fuq dak li kien għamel u għallem Kristu. Dan inkiteb wara, u għalhekk il-Kelma t’Alla tippreċedi t-test bibliku. Imma mhux hekk biss. It-tradizzjoni tal-Knisja kompliet tuża dak li kien inkiteb, kompliet tispjegah, u kompliet tapplikah għall-ħajja tal-insara. Papa Benedittu jgħid li r-reliġjon nisranija mhix ir-reliġjon tal-ktieb, imma r-reliġjon tal-Kelma t’Alla, li nsibuha fl-Iskrittura u fit-Tradizzjoni. Biex nifhmu l-Kelma t’Alla rridu ninkwadraw it-test bibliku fil-kuntest tat-tradizzjoni tal-Knisja.
Jekk il-Kotba Mqaddsa għanhom warajhom l-awtorita’ t’Alla, dan ifisser li, permezz tal-Iskrittura, Alla jrid iwassal lill-bniedem il-verita’ – dik il-verita’ li hi neċessarja għas-salvazzjoni tagħna. Meta l-profeti tkellmu, ma riedux jgħallmu kif iduru x-xemx u l-qamar, jiġifier li, għalkemm hemm xi elementi xjentifiċi, l-iskop prinċipali tal-verita’ li Alla ried iwassal lill-bniedem permezz tal-Kotba Mqaddsa hi dik li hi neċessarja għas-salvazzjoni tiegħu.
Din il-verita’, Alla, kieku ried, seta’ jgħarrafilna mill-bidu – il-progress tar-rivelazzjoni. Sirna nafuha fit-totalita’ tagħha bil-mod il-mod. U sirna nafu l-aħħar kelma dwar il-verita’ li twassal għas-salvazzjoni tagħna fil-missjoni ta’ Kristu u mill-Appostlili li, bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu, ħarġu jippriedkaw din il-verita’.
It-test bibliku, speċjalment it-Testment il-Qadim, jirrifletti l-istadji kollha tal-progress tar-Rivelazzjoni e.ġ. il-kunċett tas-salvazzjoni fit-Testment il-Qadim hu differenti ħafna minn dak li nsibu fit-Testment il-Ġdid. Is-salvazzjoni li jitkellmu fuqha l-profeti ħafna drabi hi waħda ta’ natura soċjali jew politika. Is-salvazzjoni kif nifhmuha aħna – il-ħelsien mill-jasar tad-dnub – nafhuha permezz ta’ Kristu.
Il-Kotba tat-Testment il-Qadim jinjoraw kompletament l-ideja ta’ ħajja oħra wara din. Din l-ideja ġiet rivelata lejn it-tmiem tat-Testment il-Qadim. Anke fit-Testment il-Ġdid u fl-Atti tal-Appostli, kien hemm min din l-ideja ta’ ħajja oħra ma kienx jaċċettaha. Aħna nemmnuha għax proprju ċ-ċentru tal-fidi tagħna hu l-Qawmien mill-mewt ta’ Kristu u tagħna lkoll.
It-test bibliku mhux biss jirrifletti l-progress tar-Rivelazzjoni, imma anke l-mod kif il-bniedem għandu jġib ruħu fil-ħajja tiegħu. Per eżempju, fid-Diskors tal-Muntanja, Kristu ppropona idejat ta’ kif għandu jġib ruħu l-bniedem differenti ħafna mill-idejat li kienu bbażati fuq il-Liġi ta’ Mose’. Ġesu’ kellu stima kbira lejn il-Liġi ta’ Mose’, u lejn il-mod kif kienu jgħallmuha l-Fariżej. Fil-prattika, Ġesu’ qagħad għal dak kollu li kienet tobbligah il-Liġi ta’ Mose’. Biss kien hemm numru ta’ liġijiet oħra li kienu jippermettu lill-komunita’ jagħmlu ċerti affarijiet, bħal għajn għal għajn u sinna għal sinna, lil min joffendik tista’ tpattihilu. Fuq dawn Ġesu’ kien qal lid-dixxipli: “Tapprofitawx ruħkom minn dak li tippermetti l-liġi, imma kunu aqwa mill-pagani”.
Meta naqraw l-Iskrittura, l-ewwel nett irridu nippruvaw nifhmu xi jrid jgħid l-awtur, u meta ma nifhmux nitoblu l-għajnuna. Meta nifhmu t-test, speċjalment it-Testment il-Qadim, irridu noqogħdu attenti li naraw dak it-test fil-kuntest tal-progress tar-Rivelazzjoni, li l-milja tagħha hi s-salvazzjoni. Dak kollu li ntqal fit-Testment il-Qadim għandu sens nisrani. Dak kollu li għadda l-poplu t’Alla dak iż-żmien Alla riedu bħala realizzazzjoni progressiva tal-Pjan tas-Salvazzjoni, li kellu jseħħ fil-ġrajja tas-salib u l-qabar vojt.
Allura nistgħu ngħidu li l-miissjoni ta’ Kristu kienet diġa’ preżenti f’dawk il-ġrajjiet. Għalhekk l-istorja tal-poplu t’Alla fit-Testment il-Qadim nistgħu nikkunsidrawha l-istorja tagħna lkoll.
Aħna għandna bżonn min jispjegalna l-Kelma t’Alla, bħama kellhom bżonn Nikodemu, id-dixxipli ta’ Emmaus, u l-Appostli. Issa jekk dawn li kienu ferm eqreb minna lejn it-test tat-Testment il-Qadim bilkemm setgħu jifhmuh, aħseb u ara aħna li qegħdin imbiegħdein mit-test bibliku aktar minn elfejn sena! M’għandniex nippretendu li nifhmuh mingħajr l-għajnuna ta’ xi ħadd.
Il-laqgħa għalqet bit-talba tal-Missierna.