Ejja Nħossuh Jaħdem Fina – Prayer Café: 23 ta’ Mejju 2014
Fil-laqgħa Prayer Cafe il-ġimgħa 24 ta’ Mejju, Fr Charles Fenech enfasizza l-bżonn li aħna lkoll għandna nkunu mħeġġa biex nevanġelizzaw il-Kelma tal-Mulej. Fuq kull wieħed minna niżel l-Ispirtu s-Santu u kulħadd għandu l-istess doża, m’hemmx skużi .. min għax jgħid li mhux kapaċi.. min għax jistħi.. l-Ispirtu s-Santu jagħtina qawwa kbira ġo fina, kif se nużawha hija f’idejna. Hawn min jevanġelizza bl-eżempju, oħrajn billi jgħaddu kelma tajba…kulħadd bil-metodu tiegħu.
Hawn Fr Charles semma fatt t’ Omm. Din kienet se twelled għall- ewwel darba u t-tobba tawha parir biex tagħmel abbort u teħles mit-tarbija mistennija għax skond huma t-tarbija kienet se titwieled b’xi difett. Iżda din l-Omm żammet sod fil-fehma tagħha u wara li għadda ż-żmien meħtieġ weldet tarbija f’saħħitha. Dawn huma l-prietki ta’ llum. Bħala insara ma rridux nħallu l-ewwel baħar qawwi li niltaqgħu miegħu jaqtalna qalbna. Il-knisja tal-bidu qabel Pentekoste għaddiet minn żminijiet iebsa ta’ qtigħ il-qalb. Naraw l-ewwel insara miġburin flimkien ma Marija mwerwrin, maqfulin ġewwa. Iżda minn hawn inbniet il-Knisja nisranija, inbniet fuq krizijiet ta’ l-ewwel insara. Dan il-qtigħ ta’ qalb ngħaddu minnu aħna lkoll llum meta l-kurrent ikun kontra t-twemmin tagħna. Nibqgħu ħalqna magħluq u nibżgħu nuru x’aħna – ma nesprimux it-twemmin tagħna. Huwa f’dawn il-mumenti li rridu nħallu l-qawwa tal-Ispirtu s-Santu tidħol fina u tmexxina hi.
Importanti li f’mumenti li wieħed ikun għaddej minn problemi spiritwali jistaqsi lil Ispirtu s-Santu jidħol fih. Santa Rita u Santa Monica huma eżempji ċari ta’ nsara li kombattew il-ħażen, l-qtigħ ta’ qalb u s-sofferenza bit-talb. It-tnejn talbu bis-sħiħ għal fidwa t’uliedhom mill-ħażen, Santa Rita talbet li uliedha ma jiċċapsux b’omiċidju filwaqt li Santa Monica talbet li binha jikkonverti minn ħajja mtajra. Bil-qawwa tat-talb it-tnejn raw il-fidwa t’uliedhom. Ħafna ommijiet llum jgħaddu minn mumenti ta’ qtigħ il-qalb, qal Fr Charles, meta jaraw li uliedhom li rabbew b’għozza fit-twemmin nisrani jaqbdu triqat ‘l bogħod minn Alla. It-talb u l-perseveranza huma l-unika soluzzjoni.
Fil-vanġelu nsibu ; “Jekk tħobbuni, tħarsu l-kmandamenti tiegħi.” Biex inwettqu dan il-Mulej bagħtilna l-Difensur li jiftħilna għajnejna għall-preżenza ta’ Alla.Aħna rridu nilqgħuh u nħalluh jgħammar fina. Fil-ħajja tagħna ta’ kuljum irridu nwasslu lil Ġesu lil dawk ta’ madwarna. Fil-familji importanti li kif qal Papa Franġisku ndaħħlu tlett kelmiet : grazzi, skuzani, u jekk jogħġbok bihom nuru mħabba u apprezament ta’ xulxin. It-TALB hu essenzjali , familja li titlob hija familja magħquda. It-talb tagħna jrid ikun skond ir-rieda ta’ Alla. Rridu nħallu spazju għal Mulej u ngħarfu li ż-żmien ta’ Alla mhuwiex żminijitna. Iżda kompla Fr Charles, meta nkunu għaddejin minn żminijiet diffiċli, żminijiet ta’ tifrik, tajjeb li nitolbu sinjal mill-Mulej biex ngħarfu li Hu qiegħed hemm magħna, bħal dik il-qatra ilma wara mixja fis-sħana tas-sajf, jew bħal dik iż-żiffa ħelwa li insibu kemm il-darba msemmija fil-bibbja bħala prezenza t’Alla.
Fr Charles temm il-laqgħa billi fakkar fir-rigal li rċevejna l-ewwel fil-Magħmudija u mbagħad fil-Grizma tal-Isqof – l-Ispirtu s-Santu – ejjew nisktu u nħossuh jaħdem fina.