Evangelion No. 38
AĦBARIJIET U AVVIŻI MILL-MOVIMENT KERŶGMA – April 2014
.
ITTRA TA’ RINGRAZZJAMENT
Qed nippubblikaw ittra ta’ ringrazzjament li l-Moviment Kerŷgma bagħat lil eks-President ta’ Malta, l-Eċċ. Tiegħu Dr. Ġorġ Abela.
7 ta’ April 2014
Għażiż Dr. Abela,
F’isem il-membri kollha tal-Moviment Kerŷgma, l-Eżekuttiv u jien personali nixtieq nirringrazzjak għas-sapport li dejjem tajt lil-Moviment Kerŷgma tul is-snin, speċjalment f’dawn l-aħħar ħames snin tal-presidenza tiegħek. Is-sapport li tajtna bil-preżenza tiegħek fil-Premju Żagħżugħ tas-Sena żgur li mhux ser jintesa’ minn ħadd minna.
Nixtiequ nifirħulek u nirringrazzjawk ukoll għax-xogħol tant siewi li int wettaqt għall-poplu kollu Malti u Għawdxi. Żgur li l-presidenza tiegħek ser tibqa’ imfakkra għat-tħabbrik bla waqfien tiegħek favur nies li qed ibatu u li huma fil-veru bżonn. L-imħabba u l-ħeġġa li int urejt biex tgħin lill-batut kif ukoll kif irnexxielek tgħaqqad il-poplu Malti u Għawdxi kollu warajk f’kull inizjattiva li ħadt, żgur li ser jibqgħu mnaqqxin fl-istorja ta’ pajjiżna.
Nawgurawlek u nibgħatulek l-isbaħ xewqat għall-fażi li jmiss fil-ħajja tiegħek. Insellu għalik u għall-familja tiegħek u nwegħdukom it-talb tagħna biex Alla jkompli jieqaf magħkom ilkoll.
Tiegħek fi Kristu,
Fr. Charles Fenech OP
.
KONFERENZA TAL-LAJĊI DUMNIKANI
Ser tiġi organizzata Konferenza tal-Lajċi Dumnikani fil-Kunvent San Duminku r-Rabat f’dawn il-ġranet/ħinijiet:
Il-Ġimgħa 9 ta’ Mejju fis-7.00 pm u Is-Sibt 10 ta’ Mejju fid-9.15 am.
L-ispeaker prinċipali ser tkun Dr. Donna Orsuto li tgħallem fl-Università f’Ruma. It-tema ser tkun “The Joy of Christian Living” u ser titkellem dwar l-irwol tal-lajċi fil-knisja – diskors li ser ikun mibni fuq l-eżortazzjoni Appostolika tal-Papa Franġisku “Il-Ferħ tal-Vanġelu”.
Kulħadd huwa mistieden.
.
PELLEGRINAĠĠ
Il-Moviment ser jagħmel pellegrinaġġ għas-Santwarju tal-Madonna ta’ Fatima f’Gwardamangia nhar it-Tnejn 26 ta’ Mejju 2014 fis-6.30pm. Ser ikollna quddiesa li titqaddes minn Fr. Charles Fenech OP waqt li l-kant isir mill-Christour Children’s Choir tal-Moviment Kerŷgma. Ser ikollna kowċ li titlaq minn Pjazza San Duminku, Rabat fis-5.45pm. Dan għandu jkun pellegrinaġġ tal-Moviment kollu u għalhekk kulħadd huwa mħeġġeġ biex jattendi. II-prezz għat-trasport huwa ta’ €2 kull persuna. Bookings fis-Segreterija l-Ġimgħa filgħaxija jew permezz ta’ email fuq : movimentkerygma@gmail.com
.
PASTA NIGHT
Nhar is-Sibt 31 ta’ Mejju 2014 ser norganizzaw Pasta Night fiċ-Ċentru Moviment Kerŷgma fis-7.30pm. Ser ikun hemm 3 tipi ta’ pasta – Lasagne, Timpana u Penne Bolognese. Il-prezz huwa €12 għall-kbar u €5 għat-tfal bejn is-6 u 11-il sena. Tfal sa 5 snin ma jħallsux. Il-prezz jinkludi wkoll inbid jew soft drink u deżerta. Kulħadd huwa mistieden inklużi familji u ħbieb. Bookings mis-segreterija l-Ġimgħa filgħaxija wara l-laqgħat jew mil-leaders tagħkom. Tistgħu ċċemplu wkoll mit-Tlieta sal-Ġimgħa bejn 12.00 u s-2.30pm fuq 21459942. Postijiet huma limitati u għalhekk tħallux għall-aħħar. Id-data tal-għeluq hija l-Erbgħa 28 ta’ Mejju 2014. Ħlas bil-quddiem jekk jogħġobkom.
.
Assembleja Ġenerali
L-Assembleja Ġenerali tal-Moviment Kerŷgma ser issir fiċ-Ċentru Kulturali Kerŷgma nhar il-Ġimgħa 13 ta’ Ġunju fis-6.30pm, b’din l-aġenda:
a. Talba tal-Moviment Kerŷgma;
b. Qari tal-minuti;
c. Rapport Amministrattiv:
i. Ħidmiet ta’ matul is-sena;
ii. Studju dwar l-evanġelizzazzjoni kontinwa tal-Moviment.
d. Rapport Finanzjarju;
e. Nomina ta’ Awdituri;
f. Mozzjonijiet/emendi għall-Istatut.
Membri mħallsa tal-Moviment jistgħu jressqu emendi għall-Istatut sa nhar il-Ġimgħa 30 ta’ Mejju 2014 billi jibgħatuhom f’envelope magħluq lid-Direttur Ġenerali Moviment Kerŷgma, Ċentru Kulturali Kerŷgma, Kunvent Patrijiet Dumnikani, Rabat RBT 2521.
.