Għalfejn Nibżgħu? – Prayer Cafè – 19 ta’ Ġunju 2015
It-Tnax –il Ħadd matul is-Sena. Evanġelju ta’ San Mark 4, 35-41.
Kemm-il darba aħna jiġrilna bħall-appostli li Ġesù jkun qiegħed ħdejna imma aħna jidhrilna li mhux qiegħed jagħti kasna. Għalkemm nemmnu li qiegħed hemm aħna nimtlew bil-beżgħat tagħna. L-Appostli kienu jafuh ħafna imma xorta waħda iddubitaw mill-Messija, minn Ġesù. Ġesù però dar fuqhom u staqsiehom għaliex qegħdin jibżgħu.
Il-biżà hija ingredjent mill-ħajja tagħna, minn meta konna żgħar kellna ħafna beżgħat li biż-żmien inbidlu u mhux spiċċaw. Ilkoll kemm aħna ngħaddu minnhom u konxji wkoll li hemm il-Mulej lest biex jgħinna, però xorta waħda niddubitaw. Min-naħa l-oħra importanti li jkollna ftit riskju u sens ta’ avventura fil-ħajja tagħna. F’parti oħra tal-Evanġelju Ġesù jgħidilna: “Ejjew għandi inti li tinsabu mtaqqlin u mħabbtin u jiena nserraħkom.” X’inhi dik il-ħaġa li ttaqqalna u tħabbatna? Huma l-problemi tal-ħajja.
Kull ma nagħmlu fih il-problemi u r-riskju. F’dawn iċ-ċickustanzi rridu nemmnu, nemmnu bħalma jemmnu t-tfal; mingħajr ma jistaqsu għaliex. Il-fidi tagħna hija misteru imma rrid nafda u nemmen li l-Mulej qiegħed hemm lest biex jgħinni. Hu jaf x’inhu jiġri imma qiegħed jistenniena biex nitolbuh l-għajnuna. San Tumas kien qal li ħajjitna qisha bħal meta aħna qegħdin mexjin ma’ muntanja imma Alla qiegħed fil-quċċata u minn hemm jista’ jara t-triq li aħna qegħdin naqbdu. Aħna ma nistgħux inkunu ċerti mit-triq tagħna għaliex m’aħniex naraw eżatt x’hemm wara l-kantuniera imma Alla qiegħed jara kollox minn fuq.
Il-Mulej qiegħed mimdud fid-dgħajsa tagħna imma huwa jimpurtah minna.
Interessanti wkoll li naraw il-fidi qawwija tal-appostli f’dan Alla li huma kienu jgħixu miegħu. Huma kienu jafu li huwa Alla magħmul bniedem li kien kapaċi jwaqqaf it-tempesta. It-tempesti tal-ħajja tagħna huwa Alla li kapaċi jwaqqafhom. Dun Ġorġ Preca kien jgħid biex inkunu ‘ħbieb mal-Mulej’. Is-sagrament tal-Qrar, tar-Rikonċiljazzjoni jagħmel proprju dan, jerġa’ jħabbibna mal-Mulej. Bil-qrar nistgħu niksbu mill-ġdid din il-ħbiberija tagħna ma’ Alla. Ġesù fil-mirakli li għamel bħal tat-tifla li kienet mietet qal lil missierha sabiex jemmen u l-mirakli seħħ. Ġesù dejjem qal li l-fidi tagħna tfejjaqna. Ġesù jgħidilna li mingħajru ma nistgħu nagħmlu xejn.
In-nuqqas ta’ fidi jidher meta Ġesù deher wara l-qawmien lill-appostli. Pietru meta kien qiegħed jara lil Ġesù baqa’ f’wiċċ l-ilma imma meta ddubita beda nieżel. Tumas ukoll ried imiss b’idejh u jpoġġi jdejh fuq il-marki tal-imsiemer u fil-kustat. Dan in-nuqqas ta’ fidi tant weġġa’ lil Ġesù li meta reġa’ deher ġimgħa wara reġa staqsa għal Tumas sabiex ikabbar fih il-fidi.
Ġesù qiegħed jgħidilna: “Jiena Hu, afdaw fija.” Ma jfissirx li l-problemi se nsolvuhom kollha jew b’mod sħiħ imma l-fatt li npoġġuhom f’riġlejn il-Mulej se jgħinna naffrontawhom.