Għaqda ta’ Mħabba – Prayer Cafè – 29 ta’ Mejju 2015
Il-laqgħa nbdiet bill nqara l-Vanġelu tal-Ħadd 31 ta’ Mejju; Il-Festa tat-Trinità – Sena B: Mattew 28: 16-20. Wara ġie diskuss l-istess vanġelu. Ntqal li dan il-Vanġelu qed itina episodju li fih jispikka d-dubju. Wara tlett snin li Ġesù qatta mal-appostli, huma baqgħu jiddubitaw. Pero fid-dubju nagħrfu lilna nfusna… kultant id-dubju jsaħħaħna. Aħma niddubitaw u l-Mulej jiġri warajna. Meta bdew jiddubitaw, il-Mulej tahom iktar responsabilità u qallhom: “… agħmlu dixxipli mill-ġnus kollha, u għammduhom fl-isem tal-Missier u ta’ l-Iben u ta’ l-Ispirtu s-Santu…” (Mt:28:19). Il-Magħmudija hija fil-fatt dik il-ħaġa li tqarribna lejn Alla: lejn it-Trinità.
U x’hini it-Trinità? Din hi għaqda ta’ Mħabba! Anke l-lingwaġġ li tuża l-iskrittura jsaħħaħ dan l-argument għaliex l-iskrittura tirreferi għal-missier u għal-iben; jiġġiefieri relazzjoni ta’ intimità: “Dan hu Ibni l-għażiż” (Mt:17:5).
F’dan il-Vanġelu tal-festa tat- Trinità, Ġesù jgħid lill-appostli wkoll: “…u għallmuhom iħarsu dak kollu li ordnajtilkom jien (Mt:28:19); jiġġiffieri tahom missjoni li jxandru dak li xandar hu: l-Imħabba. Din hija l-missjoni li Ġesù jagħti lilna wkoll: dik li nxandru l-imħabba permezz ta’ ħajjitna.
Anke il-Papa Franġisku ukoll qed ikellimna il-ħin kollu dwar l-imħabba. Il-messaġġ tat-Trinità dan hu: messaġġ tal-Imħabba. U Kristu irridna nxandru dan; il-Missier l-Iben u l-Ispirtu s-Santu: l-Imħabba!
U meta nitkellmu dwar l-imħabba ma nistgħux ma niftakrux fil-passaġġ mill-ewwel ittra ta’ San Pawl lill-Korintin, Kapitlu 13, Versi 1 sa 8 u 13.
Li kont nitkellem bl-ilsna tal-bnedmin u tal-anġli bla ma kelli l-imħabba kont inkun qisni strument tar-ram iżarżar jew platti jċekċku. U kieku kelli d-don tal-profezija u kont naf il-misteri kollha tal-għerf kollu, kieku kelli l-fidi tiegħi sħiħa li tqanqal il-muntanji, imma ma kellix imħabba, jien ma kont inkun xejn. U kieku kelli nqassam ġidi kollu fil-karità u nagħti ġismi għall-ħruq, bla ma jkolli mħabba, xejn ma jkun jiswieli ta’ ġid. L-imħabba taf tistabar u tħenn; l-imħabba mhijiex għajjura, ma tintefaħx biha nifishama , ma titkabbarx fuq l-oħrajn; ma tagħmilx dak li mhux xieraq; ma tfittixx dak li hu tagħha, xejn ma tinkorla; ma żżommx f’qalbha għad-deni, ma tifraħx bl-inġustizzja, imma tifraħ bil-verità: kollox tagħder, kollox temmen, kollox tittama, kollox tissaporti. L-imħabba tintemm qatt, jgħibu l-profeziji, jisktu l-ilsna, jgħib l-għerf. Issa hawn fidi, tama u mħabba, it-tlieta jibqgħu, il-kbira fosthom hija l-imħabba.
San Girgor il-Kbir kien għamel din il-katekeżi dwar dan l-Innu tal-Imħabba:
L-Imħabba taf tħenn
– Għaliex tpatti b’ġid liema bħalu kull deni li tirċievi
L-Imħabba mhijiex għajjura
– Għaliex ma tixtieq xejn mill-ġid tad-dinja u għalhekk ma’ tgħirx għal min jirnexxilu jiksbu.
L-Imħabba ma tintefaħx biha nfisha
– Għaliex tant tixtieq il-premju ta’ għemil ir-ruħ li ma jimpurtaha xejn mill-ġid tad-dinja.
L-Imħabba ma’ titkabbarx fuq l-oħrajn
– Għaliex mehdija biss bl-imħabba t’Alla u tal-proxxmu u ma tagħtix kas ta’ ebda ħaġa li mhix sewwa.
L-Imħabba ma tagħmilx dak li mhux xieraq
– Għaliex hi kuntenta b’dak li hu tagħha u ma tixtieq bl-ebda mod dak li hu ta’ ħaddieħor, li hu barra minnha.
L-Imħabba ma tfittixx dak li hu tagħha
– Għaliex kull ma għandha li jintemm tqisu mhux tagħha u tqis tagħha dak biss li taf li se jibqa’ għal dejjem.
L-Imħabba xejn ma tinkorla
– Għaliex għalkemm imġarrba u mħabbta ma żżomx f’qalbha ħsibijiet ta’ tpattija u ta’ vendetta waqt li tistenna premju aqwa u akbar wara l-ħafna taħbit li minnu tgħaddi
L-Imħabba ma żżomx f’qalbha għad-deni
– Għaliex imsaħħa bl-imħabba għas-safa, teqred mill-għeruq kull mibegħda minn qalbha u ma tħalli xejn li hu mniġġes jissawwar f’qalbha.
L-Imħabba ma tifraħx bl-inġustizzja
– Għaliex għandha biss ħerqa kbira ta’ mħabba għall-bnedmin kollha u ma tafx bid-deni tal-għedewwa tagħha.
L-Imħabba tifraħ bil-verità
– Għaliex tħobb lill-oħrajn bħala nfisha u tifraħ b’dak li hu tajjeb fl-oħrajn daqskemm tifraħ bil-mixi ‘l quddiem tagħha stess.
Il-Laqgħa spiċċat bit-talba tal-Missierna.